Kwanlunkwe sportiv li qatt uża t-trakka tal-Università ta’ Malta, waħda mill-uniċi faċilitajiet sportivi pubbliċi u b’xejn fil-pajjiż, jista’ jgħidlek kemm hi fil-verità fi stat inadegwat għall-użu serju.
Fil-fatt, it-trakka hi kważi għalkollox nieqsa mill-korsiji; hija magħmula mit-tarmak minflok mill-gomma bħal kif suppost tkun trakka professjonali; u saħansitra għandha partijiet bit-tarmak qed jinqala’.
U dan biex ma nsemmux il-grawnd tal-futbol li jinstab f’nofsha li huwa kompletament magħmul minn żrar u ħaxix ħażin li qed jikber fit-truf.
Fl-istess ħin li l-Gvern jagħti l-flus lill-ġimmijiet biex ikunu jistgħu joffru abbonament ta’ sitt xhur b’xejn, din il-faċilità sportiva qiegħda fi stat ta’ abbandun li mhuwiex denju, la għal faċilità tat-tip tagħha, u lanqas għal kull min jixtieq jagħmel użu minnha.
X’inhu d-destin ta’ dil-faċilità sportiva? Se tissewwa xi darba jew se tibqa’ żdingata?
Sabiex niksbu t-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet, dil-gazzetta bagħtet numru ta’ mistoqsijiet lill-Ministru tal-Edukazzjoni u tal-Isport Clifton Grima; lill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Fondi Ewropej u l-Isport David Agius; kif ukoll lir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Prof. Alfred J Vella.
Xi pjanijiet hemm għat-trakka tal-Università?
Meta staqsejna lill-Ministru Grima, kelliem mill-Ministeru weġibna li “l-Università diġà għandha pjanijiet avvanzati biex tinbena struttura sportiva ġdida”.
Fil-fatt, kelliem mill-Università ta’ Malta kkonferma dil-informazzjoni, il-għaliex qalilna “li hemm pjanijiet sabiex jinbena kumpless sportiv fiż-żona fejn bħalissa hemm it-trakka u l-grawnd tal-futbol.”
Apparti hekk, dil-gazzetta ġiet infurmata li diġà hemm kollox lest biex il-proġett ikun jista’ jibda. Fil-fatt, il-kelliem mill-Ministeru qalilna li l-proġett mhux talli diġà għandu “allokazzjoni ta’ fondi” iżda li bħalissa qed isiru “il-preparamenti meħtieġa biex ix-xogħol jibda kemm jista’ jkun malajr.”
Fejn jidħlu d-dettalji ta’ x’jinkludi dan il-proġett, kemm il-kelliem tal-Ministeru, kif ukoll tal-Università qalulna li l-proġett se jinkludi “parkeġġ taħt l-art, kif ukoll trakka u pitch ta’ livell għoli.”
Il-kelliem tal-Università mbagħad tana iktar dettalji rigward il-proġett, fejn qalilna li ħa jinbena kumpless sħiħ li jinkludi grawnd tal-futbol bit-turf artifiċjali; trakka atletika bi tmien korsiji; stand għall-ispettaturi; trakka atletika ta’ 100 m fuq ġewwa; laboratorji tar-riċerka, u faċilitajiet oħrajn.
Barra minn hekk, dan l-istess kelliem infurmana illi “f'dan il-kumpless se jkun hemm inkorporat ukoll l-Institute for Physical Education and Sport u studios tal-iSchool for Performing Arts.”
X’inhi l-proposta tal-Oppożizzjoni?
Min-naħa tal-Oppożizzjoni, jidher li l-proposta tagħhom mhijiex wisq ’il bogħod mill-pjanijiet preżenti tal-Gvern.
Fil-fatt, Agius wieġeb dil-gazzetta billi qal li “l-Partit Nazzjonalista hu kommess li jara li l-Università tiġi ttrasformata f’villaġġ sportiv”.
Skont Agius, dal-villaġġ kieku jinkludi sala sportiva, il-pixxina nazzjonali u t-trakka tal-atletika. Madankollu, ma jonqosx il-parkeġġ meħtieġ biex jilqa’ għat-traffiku li proġett bħal dan żgur se joħloq.