Aquilina ħa jidher il-Qorti fil-bidu ta’ Lulju

Aquilina akkużat bi vjolenza domestika u b’arrest illegali 

Ritratt:James Bianchi/MaltaToday
Ritratt:James Bianchi/MaltaToday

In-Nutar Robert Aquilina, il-wiċċ tal-grupp Repubblika, se jittella’ l-Qorti fil-bidu ta’ Lulju akkużat bi vjolenza domestika u bl-arrest illegali tal-mara tiegħu. B’differenza minn ħaddieħor, hu ma ġiex imressaq b’arrest, għax il-Qorti ddeċidiet li ma taċċettax it-talba ta’ arrest. Din id-deċiżjoni kienet ikkritikata minn bosta, fosthom gruppi ta’ nisa. Aquilina, li rriżenja mill-grupp Repubblika, kien ħabbar li ż-żwieġ tiegħu wasal fi tmiemu u qal li se jirriżenja wkoll mill-Għaqda Repubblika, u se jissospendi lilu nnifsu mill-fergħa Maltija tal-grupp Falcone. Aquilina ppreżenta lilu nnifsu bħala paladin tas-sewwa u ġellied kontra l-korruzzjoni. Kien ukoll ikkunsidrat bħala sarima għall-Partit Nazzjonalista minħabba l-atteġġjament supernegattiv u anti-Laburista tiegħu.  

Kieku ma kienx għall-pulizija li kien għassa mad-dar fil-lejl tat-30 ta’ Mejju, kieku ħadd ma kien ikun jaf bl-allegat vjolenza fuq il-mara tiegħu li talbet għall-għajnuna mill-pulizija preżenti. Wara assessjar mill-Appoġġ, il-każ tal-mara tiegħu ġie kkunsidrat bħala serju ħafna u fuq dan l-assessjar il-Pulizija kienu talbu li jiġi arrestat.  

Wara li sar magħruf x’ġara u l-istampa saret taf b’dan kollu, Aquilina beda jgħajjar fuq kif l-istampa saret taf din l-informazzjoni. Kien hemm min fakkar lil Aquilina li hu kien l-aħħar persuna li seta’ jiftaħ ħalqu fuq informazzjoni sensittiva li toħroġ fil-beraħ. 

Osservaturi politiċi jiddubitaw jekk l-Għaqda Repubblika tistax terġa’ ssib saqajha wara din id-daqqa ta’ ħarta kbira li qalgħet u jekk hijiex kredibbli jew le.  

More in Socjali