L-ewtanasja minn lenti mċajpra
Il-gazzetta ILLUM tpoġġi ma’ diversi figuri politiċi u tiddiskuti s-suġġett popolari u kontroversjali tal-ewtanasja

minn Ilenia Debono

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi Rebecca Buttigieg ħabbret proposti ġodda li joffru pazjenti b’mard terminali li għandhom inqas minn sitt xhur ħajja, iċ-ċans li jtemmu ħajjithom b’mod volontarju. Dawn il-proposti ġew ippubblikati għal konsultazzjoni pubblika. Buttigieg tenniet li dan mhux abbozz ta’ liġi imma diskussjoni man-nies fuq perjodu ta’ xahrejn.
Is-suġġett tal-ewtanasja ħoloq diskussjoni etika u morali fuq livell nazzjonali. Filwaqt li l-Gvern qed jisma’ m’għand in-nies, l-oppożizzjoni għadha mhix ċerta fuq il-pożizzjoni li għandha tieħu fuq is-suġġett. L-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna, ħeġġeġ lin-nies fi stqarrija sabiex jagħżlu l-kura paljattiva minflok it-triq tal-ewtanasja. Ħafna huma tal-opinjoni li l-PN ħa jimxi wara l-Knisja, imma l-partit illum il-ġurnata għandu faxxa liberali li jaħsbuha differenti mill-konservattivi tradizzjonali nazzjonalisti.

Dawk li qegħdin jimbuttaw mod ieħor qed jippruvaw jilagħbuha t’Alla,” John Dalli ex-ministru tas-saħħa tal-PN
Fost il-persuni li tkellmet magħhom il-gazzetta hemm l-Eks Kummissarju Ewropew għas-Saħħa John Dalli. Hu afferma l-pożizzjoni tiegħu ta’ kontra l-ewtanasja u kontra l-abort. Hu għamel paralleliżmu mal-istorja biblika tat-Torri ta’ Babel fejn in-nies ippruvaw jilħqu s-sema sabiex ikunu bħal Alla. “Dawk li qegħdin jimbuttaw mod ieħor qed jippruvaw jilagħbuha t’Alla.”
Dalli qal li hu jaħseb li hawn min diġà beda juża dan is-suġġett sabiex jintrebħu l-voti. Hu kkummenta fuq kif ċerti ġurnali lokali qed “jivvanġelizzaw dan il-qtil.” Jikkontempla wkoll jekk dan hux qed issir sabiex jissekularizza lil Malta jew għax hemm flejjes kbar minn fondazzjonijiet internazzjonali.

Il-gazzetta tkellmet ukoll mad-Deputat Beppe Fenech Adami li jservi bħala l-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit Nazzjonalista. Hu qal li l-pożizzjoni uffiċjali tal-partit fuq is-suġġett għadu qed jiġi diskuss internament u għandha toħroġ il-pożizzjoni fil-jiem li ġejjin. Għalhekk hu ma tkellimx fuq il-pożizzjoni personali tiegħu imma stqarr li għandu pożizzjoni ċara f’moħħu.
Fuq jekk id-deċiżjoni tal-legalizzazzjoni tal-ewtanasja għandhiex taqa’ fuq referendum, hu qal li diskussjonijiet t’etika m’għandhomx jiġu deċiżi b’mod ta’ maġġoranza imma minflok din id-deċiżjoni għandha ssir fil-parlament bla partiġjaniżmu u b’tolleranza lejn opinjonijiet differenti.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Adrian Delia kkonferma l-pożizzjoni tiegħu “favur il-ħajja, mill-konċepiment sat-tmiem naturali tagħha.” Delia jaraha kontradittorja li l-Prim Ministru Robert Abela qal li s-suġġett tal-ewtanasja m’għandux jiġi ppolitiċizzat imma għażel ħin konvenjenti sabiex iniedi din il-konsultazzjoni.
Huwa, bħal sħabu, reġa’ qal li ma jaqbilx ma’ referendum fuq is-suġġett. Hu kompla jgħid kif hemm ħafna fuq xiex jiġi diskuss bħalissa, speċjalment fil-qasam tas-saħħa. “Investimenti meħtieġa, emerġenza li tlaħħaq, ċentri tas-saħħa moderni li ħadmu, sptar ġenerali f’Għawdex, sptar ġenerali ieħor għal Malta.” Delia għalaq b’appell li aħjar ninvestu fil-ħajja milli niddiskutu l-mewt.
