Il-Malti fid-dinja tal-lum

Il-ġurnal ILLUM jitkellem ma’ diversi esperti tal-lingwa Maltija rigward l-irwol li għandu l-Malti llum il-ġurnata

Leanne Ellul, lettriċi tal-Malti u kittieba, u Mark Camilleri, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb
Leanne Ellul, lettriċi tal-Malti u kittieba, u Mark Camilleri, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb

Il-Malti evolva u pprogressa maż-żmien, minn djalett tal-Għarbi, sa lingwa tal-kċina fi żmien l-Ingliżi u issa lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-Malti bħala lingwa jaffaċċja problemi li lingwi oħra forsi ma jaffaċċjawx daqstant. Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ żewġ akkademiċi tal-lingwa fuq dawn id-diffikultajiet u l-futur tal-Malti. 

“Jien qatt m’emmint u lanqas nemmen fil-mewt ta’ xi lingwa, inkluż il-Malti,” qal Mark Camilleri, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Camilleri qal li kull lingwa tħabbat wiċċha ma’ sfidi f’soċjetà li dejjem qed tevolvi. Hu sostna l-importanza li l-lingwa tibqa’ tevolvi maż-żminijiet, b’referenza għal Kurt Gabriel Mela, personalità żagħżugħa li fuq il-midja soċjali tħaddem il-Malti b’lingwaġġ relevanti tal-lum. Camilleri qal li lingwa tibqa’ lura jekk ma tevolvix maż-żminijiet. 

Il-lettriċi tal-Malti u kittieba Leanne Ellul ikkummentat fuq dan billi tat ħarsa lejn l-istorja tal-Malti. Minn żmien Mikiel Anton Vassalli, il-Malti safi kien mitkellem biss mir-raħħala u minn dawk fl-akkwata tal-portijiet kienu jħalltu l-Malti mat-Taljan. Hi esprimiet l-inkwiet tagħha meta tara nies iwarrbu l-Malti għal lingwa oħra.  

Ellul issemmi kif il-lingwa Maltija għadha żgħira fl-età meta kkumparata ma’ lingwi oħra, avolja għaddiet minn bidliet kbar. Hi enfasizzat l-importanza li dawn il-bidliet ma jwasslux għal taħwid bejn lingwa u oħra. 

“Il-Malti jaqdina kif ma taqdina ebda lingwa oħra,” qalet Ellul. Hi tkellmet fuq kif l-eżempju jkaxkar meta tiġi għal-lingwa, speċjalment meta tfal żgħar jittellgħu jitkellmu bl-Ingliż iżjed milli bil-Malti. Dan jista’ jkun bil-kontra meta jiġu barranin Malta u jitgħallmu l-Malti.  

Camilleri qal kif m’għandniex inqisu l-Ingliż bħala għadu tal-Malti imma minflok għandhom jeżistu maġenb xulxin. Sfortunatament, il-Malti m’għadx għandu rwol importanti daqs l-Ingliż.  

Il-fatt li m’għandniex inġelldu ż-żewġ lingwi jerġa’ jenfasizzah meta ġie mistoqsi jekk ċerti suġġetti bħall-bijoloġija u l-matematika għandhomx jiġu mgħallma bil-Malti. Hu qal kif dawn is-suġġetti huma diġà kumplessi bl-Ingliż. Minflok, hu jemmen li l-Malti għandu jitħaddem f’postijiet oħra bħall-kmamar tal-aħbarijiet, mill-preżentaturi fuq it-televiżjoni, u minn ċerti personalitajiet influwenti. 

B’lenti pożittiva hu jagħmel spunt biex il-Malti jintuża f’aktar oqsma, b’mod partikolari fil-midja, fil-mużika popolari, fil-films, kif ukoll fil-kotba bil-Malti, kemm għat-tfal, kif ukoll għall-adulti. Dwar dan l-aħħar punt huwa jisħaq li għandna nagħtu iżjed importanza lejn il-kwalità milli lejn il-kwantità.  

Il-lettriċi tal-Malti kellha idea differenti fuq jekk il-Malti għandux ikun il-lingwa primarja fl-edukazzjoni. Hi qalet li għandna nkunu esposti sew għall-Malti ħalli b’hekk għal xi wħud din il-lingwa suppost nattiva għalihom ma tibqax aljena. Ellul għamlet referenza għal xi inizjattivi li ttieħdu sabiex il-Malti jsir iżjed importanti fl-edukazzjoni bħas-serje ta’ kotba “Id-Dinja Darna”. 

Meta Camilleri ġie mistoqsi jekk ix-xandir Malti għandux jinkludi ammont ta’ kontenut imxandar bil-Malti, Camilleri wissa li jekk xi ħaġa bħal din tiġi implimentata bla preparazzjoni minn qabel taf tagħmel iżjed ħsara milli ġid. 

Ellul ukoll ma qablitx li dan ir-regolament jiġi impost. Minflok enfasizzat il-bżonn għal iżjed investiment fit-taħriġ għax-xandara sabiex il-Malti li jintuża, inkluż għal tfal f’età tenera, ikun ta’ livell għoli. 

Hi appellat kontra l-użu ta’ kliem bl-Ingliż jew saħansitra kontra verbi li ġejjin mill-Ingliż u jingħataw laqta Maltija bla bżonn meta diġà jkollna kelma bil-Malti għal dak il-kunċett, ngħidu aħna “ibbejkja l-ħobż” flok “taħmi l-ħobż”.  

Hi kompliet tgħid kif hawn ammont kbir ta’ barranin li qegħdin jistudjaw il-Malti anke f’livell bażiku sabiex jintegraw fis-soċjetà Maltija. Ellul ħadet spunt żgħir u qalet li llum m’għadhiex xi ħaġa ta’ barra minn hawn li barrani jkun jaf naqra Malti. 

Camilleri stqarr li barrani residenti f’Malta, f’ċerti xogħlijiet ħa jkun qed jikkomunika kuljum mal-Maltin u għalhekk għandu jkollu livell bażiku ta’ Malti. Qal ukoll li hu qatt ma kien favur l-obbligu biex titgħallem lingwa għax inkella din tista’ taħdem bil-kontra. Wara kollox, mhux kulħadd għandu l-ħila jitgħallem lingwa barranija.  

L-aħħar mistoqsija kienet rigward l-Intelliġenza Artifiċjali u l-utilità li tista’ toffri lill-Malti. Camilleri qal li din hija sikkina taqta’ minn żewġ naħat. Dan hekk kif din it-teknoloġija tista’ tgħin lil dak li jkun jesprimi ruħu aħjar filwaqt li tista’ wkoll iġġib lil wieħed dipendenti fuqha anke f’kitba letterarja. 

Ellul, mill-banda l-oħra, tgħarrafna fuq kif l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali fil-Malti mhuwiex daqstant aljen. “Jekk nużawha b’mod xieraq, m’għandniex għax ninkwetaw wisq,” hi stqarriet. Hi kompliet billi tat eżempji bħall-Maltese Language Resources Server u s-sit Ġabra.  

More in Socjali