Żieda ta’ 12.6% fin-numru ta’ turisti f’Jannar tal-2025 imqabbel mas-sena l-oħra

Il-pajjiż kompla jospita numru akbar ta' turisti f'Jannar tal-2025, b'żieda ta' 12.6% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra

It-turisti li qagħdu Malta tul Jannar tal-2025 żdiedu bi 12.6% meta mqabblin ma’ Jannar tas-sena l-oħra, skont statistika ġdida maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. 

B’kollox, 194,157 turist żaru Malta f’Jannar. 182,177 minn dawn, jew 93.83% tat-total, ġew Malta għal vaganza, filwaqt li l-bqija, li jammontaw għal 8,495 u li jirrappreżentaw 6.17% tat-total, ġew Malta għal raġunijiet ta’ xogħol. 

It-total tal-iljieli li qattgħu Malta t-turisti jammontaw għal iktar minn 1.1 miljun, li jirrappreżenta żieda ta’ 11.4% mis-sena l-oħra ’l hawn. 

Iżda t-tul medju mqattgħin mit-turisti kien ta’ 5.8 iljieli, li huwa tnaqqis ċkejken ta’ 1.7% mis-sena l-oħra ’l hawn u tnaqqis ta’ 23.7% meta mqabbel mal-2023. Dan juri li minkejja hawn iktar turisti jżuru l-gżejjer Maltin, it-tendenza hi li jqattgħu inqas żmien hawnhekk. 

It-turisti li żaru Għawdex u Kemmuna jammontaw għal 91,240, jew 47% tat-turisti kollha. Dawn iċ-ċifri jinkludi kemm lit-turisti li raqdu f’Għawdex u Kemmuna, u kemm dawk li żaru għal ġurnata. 

Il-maġġoranza tat-turisti qattgħu l-iljieli tagħhom f’Malta fi stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni mikrija, bħala eżempju lukandi. Dawn it-turisti jirrappreżentaw 85.1% tat-total. Il-bqija tat-turisti qattgħu l-iljieli tagħhom f’akkomodazzjoni mhix mikrija. 

Bħala nefqa totali, it-turisti nefqu mal-€142.6 miljun, li turi żieda ta’ 29.4% meta mqabbel max-xahar tas-sena l-oħra. Min-naħa l-oħra, l-infiq medju kull lejl jammonta għal €126.3, li hija żieda ta’ 16.2% minn Jannar tas-sena l-oħra. 

Etajiet u nazzjonalitajiet tat-turisti 

Jidher illi l-akbar għadd taʼ turisti kellhom bejn il-25 u l-44 sena, li b’kollox irrappreżentaw 39.4% tat-total. Warajhom kien hemm dawk fl-età taʼ bejn il-45 u l-64 sena li jirrappreżentaw 34.4% tat-turisti kollha. 

Il-faxxa tal-età li jmiss kienet ta’ bejn iż-0 u l-24 sena, li rrappreżentaw 17.5% tat-turisti kollha, filwaqt li l-bqija tat-turisti kienu tal-faxxa tal-età ta’ 65 sena u iktar. 

L-istatistika turi wkoll li kien hemm żieda f’turisti minn kull faxxa tal-età ħlief għal dawk ta’ bejn iż-0 u l-24 sena, fejn dawn naqsu b’7.1%. 

Fejn jidħlu nazzjonalitajiet, joħroġ li residenti mill-Polonja, mir-Renju Unit, u mill-Italja kienu jammontaw għal 46.4% tat-turisti. 

Interessanti ngħidu li kien hemm żieda ta’ 51.8% fin-numru ta’ Pollakki li żaru l-pajjiż mis-sena l-oħra ’l hawn. 

Iktar turisti li żaru għall-ewwel darba iżda inqas turisti li reġgħu żaru lil Malta iktar minn darba fis-sena 

Kien hemm żieda ta’ 14% ta’ turisti li żaru l-pajjiż għall-ewwel darba, kif ukoll żieda medja ta’ 8.4% ta’ turisti li jerġgħu jżuru l-pajjiż għal darb’oħra. Minn dawn kien hemm żieda ta’ 19.8% ta’ turisti li jżuru Malta darba fis-sena jew inqas. Iżda mbagħad kien hemm tnaqqis ta’ 17.3% ta’ turisti li jerġgħu lura Malta iktar minn darba fis-sena. 

More in Socjali