Waqt konferenza tal-aħbarijiet, ġie mniedi proġett ġdid li jagħti ċans ieħor lil żgħażagħ li jkunu xellfu duffrejhom mal-ġustizzja ‘Second Chance: Empowering First Time Offenders’.
Dan il-proġett li għandu l-għan illi joħloq bidla fl-imġiba u l-ħajja ta’ dawk iż-żgħażagħ li qabdu t-triq il-ħażina. Appoġġ bħal dan għandu joffri lil dawn iż-żgħażagħ opportunità biex idawru r-rotta għal ħajja tajba.
Waqt il-konferenza, il-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon qal , “Iż-żgħażagħ huma l-preżent u l-futur tas-soċjetà, u għalhekk għandna nagħtu prijorità lill-bżonnijiet ta’ din il-popolazzjoni. Dan għandu jsir b’rispett lura lejn is-soċjetà li tkun tat ċans ta’ riforma lil dik il-persuna.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti qal li l-proġett se jkun qed jiffoka primarjament fuq erba’ temi: L-outreach u l-prevenzjoni, l-interventi ffukati u speċjalizzati fuq il-każ, l-inklussività attiva u t-tisħiħ tal-kollaborazzjoni bejn il-partijiet kollha. Hu għalaq id-diskors billi qal li ż-żgħażagħ huma l-futur u importanti li jingħata prijorità lil dak li hu neċessarju għall-poplu Malti.
B’allokazzjoni finanzjarja ta’ aktar minn tliet miljun ewro, b’għajnuna minn fondi Ewropej din il-ħidma kollaborattiva se tkun qed tagħti ċ-ċans lil dawn iż-żgħażagħ jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u għaldaqstant jagħtu kontribut pożittiv lis-soċjetà.
“Dan il-proġett se jagħti l-opportunità lil diversi stakeholders, fosthom l-FSWS, il-pulizija, id-drugs tribunal, il-ħabs u r-reġjuni lokali li jaħdmu b’mod konġunt biex joffru pjan ħ olistiku għal dawk iż-żgħażagħ bi problemi ta’ mġiba u first time offenders,” qalet Remenda Grech, Direttur tal-Kura Alternattiva fil-FSWS.