Smartphone Pinky: Il-fenomenu ta’ deformità fis-suba’ ż-żgħir kawża tal-użu estensiv tal-mobile

Il-piż ta’ smartphones moderni l-ħin kollu f’idejna jaf ikollu effett negattiv fuq is-saħħa tal-idejn, b’mod speċjali fuq is-suba’ ż-żgħir, jew dak magħruf bħala l-pinky

Fuq il-pjattaforma TikTok, bosta huma dawk li qed jaqsmu mal-oħrajn kif jidher subgħajhom wara l-iskoperta li għandhom smartphone pinky
Fuq il-pjattaforma TikTok, bosta huma dawk li qed jaqsmu mal-oħrajn kif jidher subgħajhom wara l-iskoperta li għandhom smartphone pinky

Fid-dinja moderna, fejn l-użu tal-mobiles sar indispensabbli, ħafna nies ma jagħtux kas l-effetti fiżiċi li dan iħalli fuq ġisimhom. Filwaqt li bosta nies jafu bil-ħsara li l-mowbajls u t-teknoloġija jaf ikollhom fuq l-għajnejn jew fuq is-sinsla tad-dahar minħabba pożizzjonijiet ħżiena, ftit jagħtu kas l-impatt fuq l-idejn, speċjalment fuq is-suba’ ż-żgħir.  

L-użu kontinwu ta’ smartphones jista’ jwassal għal kundizzjoni magħrufa bħala smartphone pinky li hija d-deformità tas-suba’ ż-żgħir minħabba l-piż tal-mobile li jserraħ fuqu. 

X’inhu eżattament l-ismartphone pinky? 

It-terminu “smartphone pinky” jirreferi għall-ħsara jew id-deformità li tista’ tiżviluppa fis-suba’ ż-żgħir minħabba l-piż li mobile jpoġġi fuqu meta jintuża għal perjodu twil.  

Dan l-effett jirriżulta mill-fatt li l-maġġoranza tal-persuni jserrħu l-mobile mas-suba’ ż-żgħir filwaqt li jużaw subgħajhom l-oħra biex iqallbu jew jiktbu fuq l-iskrin. Kif ġie nnutat f’diversi studji u rapporti, din il-pożizzjoni tista’ twassal għal stress ripetut fuq is-suba’ ż-żgħir u tista’ tirriżulta f’deformità tal-għadam jew tal-ġogi. 

Is-sintomi tad-deformità tas-swaba’ 

Hemm diversi sintomi li jistgħu jiġu osservati minn dawk li jużaw il-mobiles tagħhom għal perjodi twal. 

L-uġigħ jista’ jidher wara l-użu twil tal-mobile, speċjalment jekk is-suba’ ż-żgħir ikun qiegħed iżomm mowbajl li jkun kbir jew jiżen ħafna. Xi nies jistgħu wkoll iħossu t-tensjoni meta jippruvaw imexxu ftit is-swaba’ tagħhom. 

F’ċerti każijiet, in-nies jistgħu jinnutaw bidla fil-forma jew il-pożizzjoni naturali tas-suba’ ż-żgħir. Dan jista’ jkun minħabba li l-ġogi jew l-għadam qed jiġu mġebbda jew magħfusa b’mod mhux naturali. Il-moviment tas-suba’ jista’ jsir iktar limitat maż-żmien, u dan jista’ jwassal għal nuqqas ta’ funzjonalità sħiħa. 

Il-kawża ewlenija ta’ smartphone pinky hija l-użu twil u mhux ergonomiku tal-mowbajls. Illum il-ġurnata, il-mowbajl sar akbar u itqal, u n-nies spiss ikollhom iserrħu l-mobile mas-swaba’ tagħhom, b’mod speċjali s-suba’ ż-żgħir. Il-frekwenza ta’ kemm in-nies idumu jużaw il-mobiles ma tgħinx, u dan jaffettwa l-funzjonalità tas-suba’ ż-żgħir. 

Kif tipprevjeni d-deformità tas-suba’ ż-żgħir? 

Għalkemm smartphone pinky tista’ tkun kundizzjoni skomda jew saħansitra  problema għal xi nies, hemm diversi miżuri li tista’ tieħu biex tevita li tiżviluppa jew biex tnaqqas l-effetti tagħha. 

Il-mowbajl jista’ jinżamm b’mod li ma jagħmilx pressjoni fuq is-suba’ ż-żgħir. L-użu miż-żewġ idejn jgħin sabiex jitqassam il-piż tal-mobile b’mod indaqs. Apparti minn hekk, hemm diversi stands li jistgħu jgħinu sabiex il-mowbajl jintuża mingħajr ma jintuża fl-idejn għal tul ta’ żmien. 

L-aktar mod effettiv sabiex titnaqqas il-possibbiltà li wieħed ikollu d-deformità fis-suba’ ż-żgħir hu li jiġi llimitat l-użu tal-mowbajl. B’hekk, mhux talli titnaqqas il-possibbiltà għad-deformità iżda anke għas-saħħa ġenerali tal-persuna. 

Għalkemm l-użu tal-ismartphones sar essenzjali fil-ħajja moderna, huwa importanti li jkun hemm kuxjenza fuq l-effetti negattivi li dan jista’ jkollu fuq is-saħħa, speċjalment fuq il-pożizzjoni u l-istress fuq l-idejn. 

More in Socjali