‘Tlaqt mill-klassi mħawwad u bid-demm iqattar minn wiċċi’: Jitkellem il-lettur tal-attakk fl-MCAST

Il-lettur minn MCAST illi allegatament ġie attakkat minn student, jirrakonta għall-ewwel darba l-istorja min-naħa tiegħu u jinsisti li jrid ikompli jgħin l-istudent bħal dejjem għamel

Il-lettur li ftit jiem ilu deher attakkat minn student fl-MCAST irrakonta għall-ewwel darba l-istorja kif ġrat min-naħa tiegħu.

Ftit jiem qabel protesta, organizzata mill-unjin tal-għalliema (MUT), il-lettur spjega kif ġraw l-affarijiet.

“Ilni ngħallem aktar minn għoxrin sena u dan huwa l-ewwel inċident ta’ dan it-tip,” beda’ jispjega l-għalliem, li għalissa ddeċċieda ma jaqsamx ismu.

Spjega kif matul l-aħħar erba’ ġimgħat, il-klassi kellha tipprepara u tissottometti proġett tal-klassi skont il-proċedura mitluba minnha.

“L-istudent lanqas biss ipprintja l-paġna ta’ quddiem li ġiet ipprovduta xhur qabel. Huwa attenda l-klassi imma ma riedx jaħdem,” kompla jgħid.

Huwa qal li s-sitwazzjoni ikkumplikat ruħha meta ħadd mill-klassi tiegħu ma ried jaħdem miegħu għalkemm ippruva jħeġġeġ lil sħabu ripetutament biex jaħdmu miegħu.

Dakinhar li seħħ l-inċident, l-għalliem staqsa fejn hu xogħol l-istudent, u hu b’mod sarkastiku wieġbu li kien fuq il-laptop, meta il-proġġett kien miktub li jinkiteb bill-pinna.

“Fakkartu li din kienet l-aħħar ġurnata biex jagħmel xogħlu. Minflok ma skuża ruħu beda jxejjar idejh u jgħid 'għax int ilek tħawwad id-dati…xbajt tħawwad”

Dan kien segwiet, skont il-lettur, minn lingwaġġ offensiv u hemm fejn qallu jitlaq mill-klassi.

L-istudent baqa’ bilqiegħda u ma riedx jitlaq. Hawn fejn jibda’ l-filmat, u n-nies jaraw lill-lettur jersaq lejn l-istudnt.

“Tlaqt mill-klassi mħawwad u bid-demm iqattar minn wiċċi. Ġejt assistit mill-Managemen. Attendejt klinika għall-kura u għandi appuntament skedat f’Mater Dei għal scans biex niddetermina jekk hemmx ksur moħbi,” huwa temm jispjega.

Spjega li sab appoġġ mill-kolleggi u l-MCAST.

“Jien edukatur u rrid biss l-aħjar għall-istudenti tiegħi inkluż l-Istudent N. Jiena nwiegħed lill-MCAST li nkompli nagħtuh l-appoġġ kollu meħtieġ hekk kif ipprovdejtlu fix-xhur li għaddew.”

Il-unjin tal-għalliema issa qed issejjaħ protesta sabiex twassal il-vuċi tal-ħafna membri tal-MUT.

Il-unjin esprimiet solidarjetà sħiħa mal-lettur u mal-membri tagħha fl-MCAST filwaqt li kkundannat l-aggressjoni.

Il-filmati, ovvjament, ħolqu diskussjoni fuq il-pjattoformi diġitali, bl-udjenza tagħhom jgħidu jew li l-istudent hu kiesaħ jew inkella li minkejja kollox l-għalliem qatt ma kellu jgħolli leħnu u jsabbat fuq il-mejda.

“Tajjeb li kulħadd ikun jaf x’kien il-kuntest kollu ta’ dan l-aġir,” l-MUT insistiet, qabel ma qasmet ir-rakkont tal-lettur.

More in Socjali