Fi Frar l-inflazzjoni naqqset iżda l-prezzijiet tal-ikel żdiedu minkejja l-iskema ta’ stabbilità

Skont l-indiċi HICP maħruġa mill-NSO u l-Eurostat l-inflazzjoni annwali fi Frar naqset għal 3% iżda l-prezzijiet tal-ikel xorta kellhom l-akbar impatt pożittiv minkejja l-iskema Stabbilità li nieda l-gvern 

Fi Frar, l-inflazzjoni naqset għal 3%, iżda l-ikel u xorb alkoħoliku kellu l-ikbar impatt minkejja l-iskema li ntroduċa l-gvern ta’ stabbilità fil-prezzijiet. 

Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li l-inflazzjoni annwali, hekk kif imkejla skont l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) naqas 0.7 punti perċentwali fi Frar meta mqabbel max-xahar ta’ qabel. 

HICP huwa tip ta’ kejl madwar l-Unjoni Ewropea sabiex tkun imqabbla l-inflazzjoni fi 27 stati membri. 

Ir-rata ta’ inflazzjoni annwali fi Frar kienet 0.4 punti perċentwal ogħla minn dawk 2.61% irreġistratit fiż-żona ewro. 

Skont l-istatistika, l-akbar impatt pożittiv fuq l-inflazzjoni annwali ġie mill-Indiċi tal-Ikel u x-xorb mhux alkoħoliku (+1.22 punti perċentwali), l-aktar minħabba prezzijiet ogħla tal-ħalib. Mill-banda l-oħra, l-impatti negattivi fuq l-inflazzjoni annwali ġew rreġistrati fl-Indiċi tal-Komunikazzjoni (-0.39 punti perċentwali). 

Fi Frar, il-konsumatur Malti beda jgawdi minn prezzijiet orħos fuq diversi prodotti tal-ikel wara li l-gvern kien laħaq ftehim ma’ diversi ħwienet. L-iskema Stabbilità naqqset il-prezz ta’ iktar minn 400 prodott fi 15-il kategorija. Din l-iskema hija mistennija li tibqa’ fis-seħħ sal-baġit 2024 f’Ottubru.

Ir-roħs kellu jkun ta’ mill-inqas 15% tal-prezz bl-imnut rakkomandat (RRP) minn impurtaturi u produtturi. 

Minkejja dan, l-iskema donna kellha ftit li xejn impatt ta’ differenza fuq l-inflazzjoni tal-ikel mil-istatistika maħruġa mill-NSO.

Il-Prim Ministru, Robert Abela kiteb fuq X li l-figuri juru li l-iskema Stabbilità “naqqset l-inflazzjoni.” 

Għalkemm l-inflazzjoni naqqset fi Frar, id-dejta turi li dan ma kienx ir-riżultat ta’ prezzijiet orħos fl-ikel.

Minbarra ikel u xorb mhux alkoħoliku, it-tieni u t-tielet l-akbar impatti pożittivi tkejlu fl-Indiċi tar-Ristoranti u l-lukandi (+0.61 punti perċentwali) u l-Indiċi tad-Djar, ilma, elettriku, gass u fjuwils oħra (+0.41 punti perċentwali), prinċipalment minħabba prezzijiet ogħla tas-servizzi tar-ristoranti u l-kirjiet, rispettivament.

L-impatti negattivi fuq l-inflazzjoni annwali ġew irreġistrati fl-Indiċi tal-Komunikazzjoni (-0.39 punti perċentwali) u l-Indiċi tar-Rekreazzjoni u l-Kultura (-0.09 punti perċentwali), prinċipalment li jirriflettu prezzijiet aktar baxxi tas-servizzi tal-mowbajl u pakketti tal-ivjaġġar, rispettivament.

More in Socjali