L-eks xufier ta’ Andy Ellul jgħid li lest li jikxef skema oħra relatata mal-frodi tal-benefiċċji soċjali

Eks kanvasser jgħid li t-talbiet tiegħu biex ikun protett u jikxef 'reati korotti' relatati ma' skema ta' frodi f'benefiċċji soċjali ġew injorati

L-eks xufier u kanvasser tal-Ministru Andy Ellul talab li ssir inkjesta maġisterjali biex tkun investigata r-racket ta’ frodi tal-benefiċċji soċjali, u offra li jikxef attività kriminali organizzata li pparteċipa fiha, jekk jingħata l-istatus ta’ whistleblower.

Dan joħroġ minn protest ġudizzjarju mressaq nhar il-Ħamis minn Roger Agius kontra l-Prim Ministru, l-Uffiċjal Whistleblower fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, l-Avukat tal-Istat, l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija.

Agius innifsu huwa mistenni jkun akkużat dalwaqt b’diversi reati relatati mal-allegat rwol tiegħu fl-iskema,  li jinkludu ħasil ta’ flus u frodi fil-benefiċċji soċjali tad-diżabilità.

Agius huwa eks canvasser tat-tabib u eks-deputat Laburista Silvio Grixti. Grixti wkoll qed jistenna akkużi wara li allegatament ħareġ ċertifikati mediċi lil persuni għal benefiċċji ta’ diżabbiltà severa li ma kellhomx. Wara l-arrest u r-riżenja ta’ Grixti minħabba l-iskandlu fl-2021, Agius kellu jassisti lil Andy Ellul fit-tħejjija għall-elezzjoni ta’ Marzu 2022.

Ellul kien ħa post Grixti fil-parlament, u kien ikkontesta fl-eklezzjoni tal-2022 fid-distrett taż-Żejtun. Imbagħad, Agius kien laħaq bħala position-of-trust fis-segretarjat ta’ Ellul.

Ellul ċaħad li kien konxju ta’ xi allegazzjonijiet ta’ abbuż li kienu jinvolvu l-eks canvasser tiegħu meta kien impjegah bħala x-xufier tiegħu u li Agius kien ta r-riżenja kmieni fl-2023.

Il-protest ġudizzjarju jgħid li l-Uffiċċju tal-Whistleblower tal-OPM kien injora darbtejn l-offerti ta’ informazzjoni ta’ Agius biex jikxef l-iskema, il-mod kif topera, kif ukoll in-nies warajha u informazzjoni relatata ma’ reati oħra quddiem maġistrat, taħt ġurament.

Il-protest ġudizzjarju jkompli jgħid li Agius kien l-ewwel li ppropona informazzjoni li kienet “tikxef atti korrotti u kriminali fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika” f’Novembru. Dan kien ġe injorat f’żewġ okkażżjonijiet u reġa’ kiteb xahar wara.

Fl-ittra tiegħu ta’ Novembru, Agius kien qal li seta’ jiksef kif is-sistema tittratta l-applikazzjonijiet frawdolenti, kif ukoll il-valuri tat-tixħim involuti li jaslu sa diversi mijiet ta’ ewro għal kull applikant. Huwa kien offra wkoll li jipprovdi informazzjoni dwar kif uffiċjal għoli tal-gvern u membru tal-eżekuttiv tal-istat kien tah struzzjonijiet biex ma jirrapportax għax-xogħol u minflok jagħmel xogħol ta’ kostitwenza għall-Partit Laburista.

L-avukati ta’ Agius kienu kitbu lill-Uffiċjal tal-Whistleblower fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex jinfurmawhom li Aius kien lest jixhed dan kollu taħt ġurament. Huwa kien informa wkoll lid-Dipartiment tal-Investigazzjoni tar-Reati Finanzjarji (FCID) tal-pulizija li kien se jikkonferma l-verżjoni tiegħu taħt ġurament, jekk meħtieġ.

Huwa jsostni li kien mistoqsi mill-FCID ix-xahar li għadda, u li pprovda informazzjoni lill-investigaturi dwar racket simili ta' frodi tal-benefiċċji, li jinvolvi l-abbuż tal-benefiċċji tas-sick leave ġewwa l-korp tal-pulizija. 

Agius qal li minn dak iż-żmien, ħadd mill-pulizija ma aċċetta l-offerta tiegħu biex jipprovdi aktar informazzjoni jew saħansitra kellmuh. 

Min-naħa l-oħra, Agius qal li jemmen li xi uffiċjal tal-pulizija għoli kien qal lill-ministru tal-kabinett dwar l-interrogazzjoni tiegħu.

Agius żied jgħid li fl-aħħar xhur tal-2023, kien irreżista diversi tentattivi biex jikkonvinċuh iwaqqa’ l-avukati tiegħu favur avukat ieħor li kien ingaġġat mill-gvern, iżda kien wieġeb li “mhux għall-bejgħ”.

L-avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta iffirmaw il-protest

More in Socjali