‘Naf nies li mietu, li bis-saħħa tagħhom għexu għaxar persuni ... Dik hi ġustizzja soċjali’

Ivan Bartolo huwa politikant illi jaħdem kontinwament ma’ persuni fqar, vulnerabbli, nies bla saqaf fuq rashom, jew esklużi mis-soċjetà. ELAINE CAMILLERI poġġiet ma’ Bartolo sabiex tifhem aħjar uħud mill-proposti li hu qed jagħmel għas-settur

Taqbel illi n-nies li qed jitolbu l-għajnuna qed jiżdiedu? X’inhuma l-proposti tal-Partit Nazzjonalista fid-dawl ta’ dan? 

Bla dubju ta’ xejn. Immur il-YMCA b’mod regolari, id-drop-in centre tal-Ħamrun. F’ġimgħa għandek 250 persuna li wħud minnhom jibdew jattendu flimkien. Għalihom dik hija d-dar tagħhom għaliex ħafna minnhom huma m’għandhomx saqaf fuq rashom. 

Jien ngħid, u anke l-partit, li anke jekk hemm biss persuna waħda, importanti nagħmlu minn kollox biex dik il-persuna għalina tkun tfisser dinja. 

Saħħa mentali tbati ukoll. Meta għandek persuna bla saqaf fuq rasha, bla xogħol u hemm ċerta stigma wkoll. Għandek ukoll min iħaddem, li jkollu għażla, u jagħżel cheap labour, minflok Malti bla saqaf fuq rasu. 

Fi studju tal-YMCA ħareġ li fost nies li m’għandhomx saqaf fuq rahsom, 53% huma Maltin.  

Kien hawn l-impressjoni li l-barranin imlew kulm’hawn u huma n-nies ta’ bla djar għaliex il-kirjiet huma għoljin għalihom, però mhux il-każ.  

Il-programm elettorali tagħna qed jiġi diskuss. Bla dubju, tant aħna qrib in-nies u mmissu dawn il-problemi soċjali li nafu eżattament il-problema minn fejn hi ġejja. Iva, il-Gvern qed jgħin b’diversi inċentivi short-term li qed jagħti imma mhux qed iwassal lil dak li jkun jaqbad il-ħajja li jixtieq u jgħix b’mod normali u indipendenti.  

Taħseb li min ħaqqu akkomodazzjoni soċjali qed jirċievi għajnuna fi żmien konsiderevoli? 

Hemm lista ta’ stennija ta’ 1,500 ruħ. 200 minnhom ilhom jistennew akkomodazzjoni soċjali għaxar snin. 

Qabel l-elezzjoni kienu qalulna li se jkollna iktar units mil-lista tal-istennija. Dejjem jgħidu li qatt ma kellna lista daqshekk qasira fil-passat. Mhu veru xejn.  

Jekk qabel fi żmien il-Partit Nazzjonalista kien hemm 1,900 ruħ, fihom kien hemm tal-exchange u anke dawk li jieħdu s-sussidju.  

Illum nafu li exchange hemm madwar 750. Lil dawk is-750, il-Gvern Laburista għamilhom għalihom biex itaffi l-lista ta’ stennija. Dak huwa logħob bil-figuri.  

Aħna ma naħdmux b’dak il-mod. Għalina kull persuna tfisser dinja u nagħmlu ħilitna kollha, mhux biss biex nisimgħuha, imma biex issib id-dinjità u timxi ’l quddiem. 

Il-PN jgħid li l-paga minima għandha tiżdied, imma mhux li xxekkel lil min iħaddem. Allura għal PN kemm għandha tkun il-paga minima biex jinżamm dan il-bilanċ?  

Aħna nixtiequ li lin-negozjant ngħolluh ’il fuq, imma miegħu jrid jiġbed liż-żgħir. Dik hija l-viżjoni tagħna. Jien immur oltrè mill-paga minima, il-prekarjat.

Il-ġimgħa l-oħra kellna l-konferenza tal-ġustizzja soċjali. Meta tara persuni jissugraw li jitilfu xogħolhom billi jitkellmu pubblikament, li l-paga tibqa’ kif inhi u jiġu jgħidu quddiem l-udjenza t-tbatija li għaddejjin minnha, ma nafx fejn nistgħu naslu.  

Tisma’ bnedmin jaħdmu f’diversi setturi, bi €800 paga fix-xahar, li ħafna drabi din tmur għall-kera. Il-problema hija li biex jiffrankaw ċerti spejjeż imorru f’kirjiet li mhumiex reġistrati u dik iġġib iżjed problemi.   

Dawn jistgħu jitkeċċew mil-lum għal għada, ma jistgħux japplikaw għas-sussidju tal-kera. Dawn huma problemi li qed jidhru żgħar għalissa imma huma problemi kbar għalihom.  

Inkun prużuntuż biex inwieġeb jien. Fl-1987 kienu jidħku bina għaliex konna ngħidu li ammont kbir ta’ persuni se jsiru sidien ta’ darhom, imma bis-saħħa ta’ hekk 80% tal-popolazzjoni huma infatti sidien ta’ darhom. Żgur li taħt il-Partit Laburista dawn l-aħħar għaxar snin kien hemm nies li saru sidien ta’ darhom imma tajjeb naraw kemm saru sidien bejn l-1987 u l-2012/2013. 

Qabel l-1987 lanqas kont timmaġina ċerti affarijiet u llum issib dak kollu li kien rari dak iż-żmien. 

Bl-istess argument tista’ tgħid li f’kull settur ta’ akkomodazzjoni u għejxien tal-ħajja, naħseb li l-Partit Nazzjonalista, jekk ikun fil-gvern, se jittratta s-soċjal ferm differenti.  

Żgur li mhux ħa ninqdew bil-vulnerabbli. Dan ftit jiem qabel l-elezzjoni, jiġifieri f’Marzu 2022 marru l-Furjana u għadhom jistennew sal-lum għall-akkomodazzjoni. Jien kieku dak il-ħin stess nirriżenja.   

Temmen li hemm xi ħaġa xi ssir biex dawk li għandhom akkomodazzjoni soċjali eventwalment iqumu fuq saqajhom? 

Illum il-ġurnata l-akkomodazzjoni soċjali u anke d-dimensjoni tiegħu qed jinbidel. Niftakar żmien fejn l-akkomodazzjoni, qabel fis-sebgħinijiet, taħt il-perit Mintoff kien invoga, naħseb li kien ixxurtjat.  

Żmien wara t-Tieni Gwerra Dinjija, l-art stajt tieħu minnha kemm trid, inbnew dawk il-blokok fejn daħħal ħafna nies. Naħseb dak iż-żmien kien hawn iktar blokok milli nies jistennew akkomodazzjoni ... imma anke l-mod ta’ kif kienet tingħata akkomodazzjoni.  

Illum hawn ħafna restrizzjonijiet. Illum biex wieħed japplika għall-akkomodazzjoni, jekk inti koppja, trid taqla’ inqas minn 12,000 fis-sena. Għidli ftit fejn tista’ tasal illum bi 12,000 bil-ħajja dejjem qed togħla?  

Għalhekk nemmen li l-akkomodazzjoni soċjali hija parti kruċjali anke fejn tmiss mal-faqar.  Illum anke l-ikel sar parti essenzjali fejn wieħed ma jkollux ikel fid-dar jew jaffordja li jixtri.  

Jien nemmen li biex tingħata akkomodazzjoni, il-Ministru u l-Prim Ministru ma jidħolx f’dawn l-affarijiet u għandu jkun hemm bord trasparenti fejn dawk l-iktar li għandhom bżonn huma l-iktar nies li għandhom jingħataw.  

Naf min qed jgħix totalment fil-faqar jew għax ma kienx jaffordja l-kera spiċċa barra fit-triq. In-numri ma tkunx taf bihom. Riċerki ma jaqbduhomx lil dawn in-nies għax m’għandhomx indirizz.  

B’nies li nafu li kuljum jiġġerrew barra minn soup kitchen għall-oħra, mill-informazzjoni li għandi hemm madwar 300 ruħ hemm barra fit-triq. Jien ngħidlek li hemm iktar għax hemm persuni b’qalb tajba li jgħinu kemm jistgħu u jifilħu f’dan ir-rigward.  

Kemm hi reali l-esklużjoni soċjali f’pajjiżna? 

Anke titkellem mal-għalliema. Il-Gvern ftaħar bl-Iskema 9. Huwa tajjeb li hemm din l-iskema imma n-numru huwa allarmanti. Dan ifisser li dak li mhux jieħdu mid-dar, it-tfal qed jiħduh l-iskola.  

Bosta għalliema jkellmuni jgħiduli se jorganizzaw tali ħarġa u studenti ma jkunux jistgħu jmorru jew m’għandhomx biex iħallsu lanqas għall-photocopies. Dik mhijiex esklużjoni soċjali fit-tfal tagħna? 

Anke fil-kbar. Naf li persuni ma joħorġux ma’ tax-xogħol għax ma jaffordjawx, jew jieklu ftit ħaxix imbagħad il-kont jinqasam bejnietna u jiġihom €40. Minħabba f’hekk dawn il-persuni li ma jmorrux. Dik mhux ukoll esklużjoni soċjali? Hemm min ma jaffordjax €40.  

Inti kont li pproponejt li jkollna sistema ta’ opt-out donation. Għaliex? 

Illum is-sistema hija opt-in, jiġifieri wieħed irid li jirreġistra biex jagħti l-organi wara mewtu. Aħna qegħdin nissuġġerixxu illi inti, bil-kontra, tirreġistra biex ma tagħtix l-organi wara mewtek. Nemmen illi mhux biżżejjed, għaliex fl-aħħar mill-aħħar l-edukazzjoni u l-kampanja edukattiva hija importanti ħafna mhux biex tifhem biss il-ġmiel tagħha imma tifhem ukoll kemm tista’ tkun utli anke wara mewtek għal ħaddieħor.

Sal-2022 kien hemm iktar minn 27,000 donatur irreġistrat. Taħseb li l-opt out system se taffettwa fiż-żieda ta’ donaturi? 

L-Ingilterra għamlu progress, u anke Spanja. Jiena naħseb fir-renal unit għandna madwar 360 pazjent li jieħdu r-renal. Din lill-Gvern tiswih €24,000 fis-sena.  

Kieku dawk it-360 jonqsu, dawk l-€24,000 kemm nagħmlu xogħol bihom? Kemm isir ġid fil-pajjiż! Il-problema mhix dik, il-problema hija li jekk tkun pazjent u tkun qed tistenna fil-lista ta’ stennija għall-organu trid tgħaddi minn tbatija u weġgħa.  

Naf nies li mietu u naf ukoll deċiżjoni ta’ ġenituri li mietet it-tifla tagħhom, Marie Therese Pisani, li bis-saħħa tagħhom għexu għaxar persuni. Dak hu s-sabiħ. Dik hi ġustizzja soċjali.  

More in Socjali