‘Il-Gvern injorana għall-pressjoni tal-Knisja, tal-Oppożizzjoni u tal-President,’ Attivista dwar l-abort

F’Jum il-mara, ELAINE CAMILLERI tpoġġi ma’ Christine Cassar, attivista fi ħdan Moviment Graffitti. Bħala attivista, Christine tistinka ħafna favur il-mara u tiġġieled f’dak li temmen li huwa dritt li jkollha mara speċjalment f’Malta

Vera li l-mara kisbet id-dritt tal-vot, id-dritt li taħdem u li tkun sidt darha, iżda s-soċjetà xorta waħda baqgħet xxettel fiha inġustizzji li trid taffaċċja mara, Christine Cassar tgħid. 

Cassar spjegat fost l-ikbar sfidi li taffaċċja mara fis-soċjetà Maltija, u l-ikbar waħda hija li negħlbu l-kultura ta’ vjolenza.  

“Vjolenza fuq nisa, persuni trans u dawk li ma jidentifikaw mal-ebda ġeneru hija evidenti sew fis-soċjetà tagħna, għalkemm ħafna drabi tinħeba wara ‘ċajt’ jew ‘kumplimenti’,” tgħid Christine. 

Tgħid li sfortunatament il-mara tirċievi kumplimenti mhix mixtieqa, fastidju fuq l-internet u anke kummenti li joġġettifikaw lill-mara. Dawn huma ftit eżempji li “jiffiltraw fil-ħajja ta’ kuljum” li tant infirxu fis-soċjetà li tali mġiba tiġi skużata, jew agħar minn hekk, inkoraġġuta iktar.  

L-attiviżmu li tinvolvi ruħha fih Christine ma jinvolvix lill-mara Maltija biss imma lil dawk in-nisa immigranti. Skontha dawn għandhom sfidi doppji.  

“Il-vulnerabbiltà tan-nisa migranti f’Malta hija akbar meta niġu għall-inklużjoni fis-suq tax-xogħol u x-xogħol deċenti mingħajr prekarjat.”   

Sfida oħra li jħabbtu wiċċhom magħha nisa migranti huma ostakli minħabba l-passaport l-iktar jekk “ikollhom bżonn jagħmlu abort barra minn Malta.”  

Rigward l-abort, Cassar temmen li għad baqa’ ħafna xi jsir u “mhux talli għadna qas bdejna, talli mxejna ġiex passi lura.”  

Dan għamlitu b’referenza għal-liġi emendata fix-xhur li għaddew. Din il-liġi titlob tim mediku ta’ tliet tobba sabiex jiddeterminaw jekk ħajjet mara hijiex fil-periklu biex tikklassifika għall-abort. 

Skont Christine, projbizzjoni totali tal-abort hija forma ta’ oppressjoni fuq in-nisa. 

Meta mistoqsija kif ħassitha meta l-Gvern kien beda jiddiskuti l-abort bit-tama li jsir legali iżda mbagħad ħa deċiżjoni totalment differenti milli wieħed antiċipa, Christine qalet li ħassitha ttraduta.  

“Il-Gvern kellu l-opportunità li jdaħħal il-bidla u minflok iddeċieda li jinjora d-drittijiet tan-nisa u jaqa’ għall-pressjoni tal-Knisja, tal-Oppożizzjoni u tal-President ... L-ebda gvern, stat, imħallef, istituzzjoni reliġjuża, l-ebda raġel jew persuna oħra m’għandhom id-dritt li jiddettaw lill-mara x’għandha tagħmel b’ġisimha.” 

More in Socjali