Għaqdiet volontarji jingħataw madwar €1 miljun f’fondi biex iwettqu 87 proġett

Il-proġetti magħżula jvarjaw minn dawk ta’ inklużjoni, proġetti spotivi għat-tfal b’diżabilità, proġetti infrastrutturali, riċerki u varjetà kbira ta’ proġetti oħra, inkluż dawk relatati mal-kultura, ambjent u edukazzjoni

Ingħataw madwar €1 miljun f’fondi lill-għaqdiet volontarji biex matul din is-sena jimplimentaw 87 proġett ġdid. 

Dawn il-fondi huma parti mill-iskemi tal-Voluntary Organisations Project Scheme (VOPS) u l-iSmall Initiatives Scheme (SIS), amministrati mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS).

Il-proġetti magħżula jvarjaw minn dawk ta’ inklużjoni, proġetti spotivi għat-tfal b’diżabilità, proġetti infrastrutturali, riċerki u varjetà kbira ta’ proġetti oħra, inkluż dawk relatati mal-kultura, ambjent u edukazzjoni.

Permezz ta’ dawn iż-żewġ skemi, diġà ġew implimentati ’l fuq minn 700 proġett li jammontaw għal  €7.8 miljun.

L-għotjiet lill-għaqdiet volontarji ġew ippreżentati mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli, miċ-Chairperson tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) Gertude Buttigieg u mill-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandalo, fil-preżenza tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Nancy Caruana u l-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji Jesmond Saliba.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli tenniet l-importanza ta’ dawn l-iskemi li joffru għajnuna lill-għaqdiet volontarji u li huma kruċjali għalihom biex jimplimentaw proġetti fil-komunitajiet tagħna. 

Min-naħa tagħha, Buttigieg faħħret lill-għaqdiet li applikaw b’suċċess għal dawn il-fondi u sostniet li l-Kunsill ser ikun qed jgħin lil dawn l-għaqdiet u jsegwi l-proċess ta’ implimentazzjoni.

Pace Parascandalo semma kif il-konkorrenza għal dawn il-fondi dejjem qed tiżdied u qed jintgħażlu proġetti ta’ kwalità għall-ġid tal-komunità.

L-iskemi Voluntary Organisations Project Scheme (VOPS) u Small Initiatives Scheme (SIS) huma inizjattivi mmexxija mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat.  

More in Socjali