Friends of the Earth tikkundanna l-pjan propost ta' triq li twassal lejn Smart City
It-triq proposta hija maħsuba li tieħu medda ta’ art massiva ta’ 80,000 m2, minn Bieb ta’ Notre Dame f’Ħaż-Żabbar, tul il-Linji tal-Kottonera, tgħaddi mill-Kunvent tal-Kapuċċini fil-Kalkara, lejn Smart City
minn Elaine Camilleri
L-għaqda mhux governattiva favur l-ambjent Friends of the Earth (FOE), ikkundannat il-pjanijiet għal triq ġdida li se tgħaddi minn art agrikola, li tgħaqqad Ħaż-Żabbar ma’ Smart City.
It-triq proposta hija maħsuba li tieħu medda ta’ art massiva ta’ 80,000 m2, minn Bieb ta’ Notre Dame f’Ħaż-Żabbar, tul il-Linji tal-Kottonera, tgħaddi mill-Kunvent tal-Kapuċċini fil-Kalkara, lejn Smart City.
Kif jidher fuq din il-mappa ta’ Google, it-triq proposta hija triq kwieta u mogħdija b’għelieqi agrikoli, mal-ħitan tal-linji tal-Kottonera.
“Huwa inkredibbli li fi żmien ta’ kriżijiet simultanji fil-klima u l-bijodiversità, filwaqt li l-bdiewa qed jipprotestaw dwar it-telf ta’ art agrikola u s-sigurtà tal-ikel tibqa’ sfida nazzjonali, proposti bħal dawn jaslu biex jaraw id-dawl tal-ġurnata,” qalet il-Koordinatur tal-Kampanja dwar il-Klima tal-FOE, Dr Suzanne. Maas.
Maas, li għamlet ir-riċerka tal-PhD tagħha dwar is-suġġett tal-mobilità sostenibbli, ikkritikat il-proposta. “Din it-triq proposta tieħu art agrikola prezzjuża u spazji miftuħa tul is-swar storiċi, filwaqt li tinduċi aktar domanda għall-karozzi privati, iżid it-traffiku fiż-żona ta’ Ħaż-Żabbar u l-Fgura, tikkontribwixxi għal aktar tniġġis tal-arja u tal-istorbju, u emissjonijiet ogħla tal-karbonju mit-trasport.”
Maas qalet li s-sit tat-triq proposta għandu jkun spazju miftuħ u rotta ta’ mobilità attiva, li tgħaqqad il-Park ta’ San Klement li għadu kif ġie mtejjeb u Vjal Kottoner bil-bankina l-ġdida u l-karreġġjata għar-roti fuq naħa waħda, u l-Kalkara u Smart City fuq in-naħa oħra.
“Tista’ tiżdied l-karreġġjata għar-roti mat-toroq wesgħin li diġà jeżistu: Triq Santa Liberata, li tgħaddi mill-kunvent fil-Kalkara, u Triq il-Missjoni Taljana lejn Smart City.”
Maas kompliet tgħid li minflok isiru l-istess żbalji, din għandha sservi bħala opportunità biex l-affarijiet jibdew isiru b’mod differenti u jsiru pjanijiet sabiex it-traffiku jitnaqqas u mhux jiżdied.
Toroq li jwasslu għal Smart City diġà jeżistu, qalet Maas, u qalet li konnettività b’saħħitha għal Smart City għandha tiffoka fuq il-promozzjoni tat-trasport pubbliku.
L-għaqda mhux governattiva qalet li qed tipproponi lista ta’ soluzzjonijiet li jistgħu jżidu l-konnettività bejn Smart City u ż-żoni urbani ewlenin ta’ Malta u l-ajruport, minflok ma tinbena triq oħra ġdida.
Waħda mis-soluzzjonijiet hija servizz tax-shuttle bejn Bormla u Smart City. L-FOE qalet li dan is-sit ta’ rmiġġ huwa diġà ffinanzjat mill-proġett ta’ Transport Malta ‘SMITHs’ (Sustainable Multi-Intermodal Transport Hubs), u għandu jinkludi konnessjonijiet ma’ mezzi oħra ta’ trasport sostenibbli, bħal roti u scooter biex ikopru l-aħħar medda ta’ 2.5km sa Smart City – vjaġġ ta’ 10 minuti b’(e-)rota jew scooter.
L-FOE sejħet ukoll għal servizz ta’ shuttle bejn Raħal Ġdid, b’karozzi tal-linja jgħaddu kull ftit minuti mill-Belt Valletta u l-ajruport, lejn Smart City. Soluzzjoni oħra proposta minn FOE huwa servizz ta’ vapur bejn il-Belt u Kalkara, fejn jkollu waqfa għal Villa Bighi, Esplora, l-Kalkar, u jkun konness b’rotta lejn Smart City.
"Proġett ta’ żvilupp fuq skala kbira bħal Smart City għandu jkollu Pjan ta' Ivvjaġġar Ekoloġiku li jippromwovi għażliet ta’ mobilità sostenibbli, u frankament dan kellu jkun iddisinjat mill-bidu b'konnessjonijiet ta' trasport sostenibbli," qal Maas.
“Il-karozzi tal-linja u s-servizzi tal-ferry issa huma offruti b’xejn għal kull min għandu Tallinja card. Għaliex qed nonfqu fondi pubbliċi fuq dawn is-servizzi jekk ma nħeġġux lin-nies biex fil-fatt jużawhom?”