Problema ta’ spazju fl-Isptar Mater Dei

L-Isptar ġenerali ta’ Malta, Mater Dei, jinsab nieqes f’termini ta’ disponibbiltà ta’ sodod u ċerti proċeduri mediċi li huma mħarbta minn listi twal ta’ stennija. Għalhekk tkellimna ma’ personaġġi Maltin li huma midħla sew ta’ dan is-settur sabiex nifhmu aħjar is-sitwazzjoni

Stephen Spiteri, Franco Mercieca, Martin Balzan
Stephen Spiteri, Franco Mercieca, Martin Balzan

L-Isptar Mater Dei qed jerġa’ jaffaċċja l-istess problema li ilu jħabbat wiċċu magħha għal żmien, dik ta’ limitazzjoni ta’ spazju ta’ sodod għall-pazjenti u listi twal ta’ stennija għall-operazzjonijiet u dewmien. 

L-Isptar Mater Dei huwa l-faċilità ewlenija ta’ Malta għall-kura tas-saħħa, li jipprovdi firxa sħiħa ta’ servizzi mediċi u jakkomoda 1,204 sodda fid-dipartimenti kollha tiegħu. 

L-ILLUM tkellmet ma’ Stephen Spiteri, Eks Shadow Minister tas-Saħħa tal-Partit Nazzjonalista u tabib, li qalilna li biex jittaffa l-piż minn fuq is-servizz nazzjonali hemm bżonn ta’ outsourcing. Huwa spjega li la darba l-Isptar San Luqa qatt ma ġie rinnovat, dan suppost kellu jservi ta’ spalla u jinħoloq bilanċ. Huwa sostna li permezz ta’ outsourcing ma’ sptarijiet privati, għandu jgħin biex tal-inqas tittaffa l-problema li qed jaffaċċja l-Isptar Mater Dei.  

Barra minn hekk, hu qal ukoll li l-emerġenza għandha bżonn tadatta sistema differenti fejn pazjenti jiġu eżaminati minn grupp ta’ tobba maturi fil-kura primarja. Peress li mhux kulħadd jidħol l-emerġenza bl-istess każ, b’din is-sistema tabib ikkwalifikat u matur ikun jista’ jiddixxerna x’inhu l-każ u minn hemm jiġi deċiż jekk il-pazjent għandux jintbagħat id-dar jew jinżamm għat-testijiet meħtieġa. “Allaħares jien nibgħat lil kulħadd għat-testijiet tad-demm jew xrays, għaliex imbagħad ikun hemm iktar xogħol u overload li jżid id-dewmien.” 

Meta mistoqsi dwar il-limitazzjoni ta’ spazju li qed iħabbat wiċċu magħha l-isptar, Spiteri stqarr “qegħdin f’sitwazzjoni ta’ tard wisq”. Huwa kompla jgħid li l-Isptar San Luqa kellu jservi ta’ spalla infrastrutturali biex jitqassam il-piż. “Għandek bżonn li l-pazjenti li jkunu qed jiġu rijabilitati jintbagħtu post ieħor, pereżempju San Luqa jew l-Isptar Karin Grech, sabiex dik is-sodda f’Mater Dei jeħodha pazjent li għandu bżonnha, pereżempju xi ħadd li jkun għadu kif għamel operazzjoni. Peress li l-pazjenti qed jibqgħu hemm għal tul ta’ żmien, l-immaniġġjar tas-sodod qed joħloq problemi kbar lill-Isptar Mater Dei.” 

Mill-banda l-oħra, il-President tal-Assoċjazzjoni tat-Tobba Maltin, Martin Balzan, sostna li fi żmien ta’ żieda ta’ mard respiratorju bħall-influwenza, speċjalment fix-xhur ta’ Jannar u Frar, il-pazjenti qed jitpoġġew f’postijiet mhux adegwati. Skont Balzan, preżentement qed jintużaw tliet swali mgħammra apposta biex jintużaw f’emerġenzi nazzjonali bħal terremoti biex l-isptar ilaħħaq mad-domanda tal-pazjenti li qiegħda tiżdied. Huwa stqarr li dawn qed jintużaw regolarment li “hija indikazzjoni ċara li hemm problema ta’ nuqqas ta’ spazju.” Balzan sostna li ġewwa l-isptar qegħdin jintużaw postijiet li mhux normalment jintużaw sabiex jakkomodaw għad-domanda għolja ta’ pazjenti li hemm fl-Isptar Mater Dei. 

Peress li l-popolazzjoni qed tikber u d-domanda dejjem qed tiżdied, Balzan sostna li sabiex din il-kwistjoni tiġi riżolta hemm bżonn ta’ investiment fl-infrastruttura, fi swali u f’apparat adegwat. “Irridu naraw kif se tikber il-popolazzjoni fis-snin li ġejjin”, qal Balzan, filwaqt li nnota li investiment li suppost kellu jsir, qatt ma sar. Huwa temm jgħid li s-saħħa għaċ-ċittadin trid tkun ta’ prijorità, u li l-investiment huwa ta’ bżonn assolut. “Il-flus li jiġġenera l-pajjiż għandhom jintefqu b’għaqal.” 

Tkellimna wkoll ma’ Franco Mercieca, Eks Segretarju Parlamentari tal-Partit Laburista u kirurgu tal-għajnejn. Huwa spjegalna li t-tnedija tal-Isptar Mater Dei kienet “bidla sinifikanti mill-Isptar San Luqa” b’tali mod li dan ġab miegħu bidla pożittiva kemm “għalina l-ħaddiema u kemm għall-pazjenti”. Mill-banda l-oħra, meta mistoqsi jekk l-isptar ewlieni ta’ Mater Dei huwiex spazjuż biżżejjed li jakkomoda u jaqdi lil kulħadd, Mercieca sostna li minkejja t-teknoloġija qed tavvanza u l-isptar dejjem qed ikun aġġornat bl-aħħar apparat teknoloġiku u joffri servizzi ġodda, dan qed iwassal biex fi żmien qasir l-Isptar Mater Dei “ġie żgħir”. Mercieca kompla jgħid li dan għad iwassal għal problema ‘ħafna akbar għax dawn is-servizzi ġodda u mediċini qed iwasslu għal ħajja itwal u Mater Dei dejjem qed ikun mimli b’pazjenti, aktar u aktar’. Mercieca stqarr li sabiex l-isptar jibqa’ jakkomoda u jilqa’ fih pazjenti sabiex jingħataw il-kura meħtieġa “hemm bżonn pjan ta’ tkabbir fis-servizzi – jekk mhux estenzjoni ta’ Mater Dei – ġo postijiet alternattivi”. Mercieca kompla jgħid li ċerti servizzi jistgħu jiġu offruti fi sptarijiet oħra biex jitqassam dan il-piż li qed iġarrab l-isptar ewlieni, “Paola hub, Svpr, l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u health centres, kollha għandhom jiġu użati aktar biex jonqos il-piż minn fuq Mater Dei”. 

Minn stqarrija stampa mill-Partit Nazzjonalista, jidher illi l-Isptar Mater Dei għandu waiting list twila biex persuna tingħata appuntament għand l-outpatients. Barra minn hekk, fl-istess stqarrija jingħad ukoll li “mhux talli twalet, talli issa jidher li hemm waiting list oħra biex pazjenti jkunu jistgħu jingħataw sodda meta jiġu ‘admitted’ fl-Isptar Mater Dei.” 

Din il-ġimgħa, il-Ministeru tas-Saħħa ħareġ tender sabiex jesterna 3,500 operazzjoni bl-għan li jitnaqqsu l-listi ta’ stennija fl-isptarijiet. 

Il-Ministeru tas-Saħħa sostna li l-Gvern jinsab impenjat biex jipprovdi servizzi ta’ kura tas-saħħa bla interruzzjoni lill-pubbliku li għandu bżonn dawn l-interventi biex tinżamm l-ogħla effiċjenza fl-indirizzar tal-listi ta’ stennija għall-operazzjonijiet. 

F’Mejju 2023, mistoqsija parlamentari żvelat li fl-isptar ġenerali Mater Dei hemm lista ta’ stennija ta’ 8,454 operazzjoni kirurġika fi 11-il speċjalizzazzjoni medika bħal dik kardijaka, dentali, ENT, ġineoloġija, newroloġija u oftalmika, ortopedika, kirurġija ġenerali, pedjatrika, plastika u uroloġija. 

Mill-mistoqsija rriżulta li l-itwal lista hija fl-ortopedija bi 3,582 operazzjoni. It-tieni l-itwal lista hija dik tal-kirurġija ġenerali, b’2,949 operazzjoni.  

Il-kuntratt tat-tender se jkun għal fornituri ta’ servizzi li jistgħu jipprovdu faċilitajiet tat-teatru kompletament funzjonali, flimkien mas-servizzi ta’ kirurgi, anestetisti, infermiera tat-teatru u kwalunkwe riżorsi umani oħra, kif ukoll provvisti mediċi għal kirurġiji kbar, valutazzjoni ta’ qabel u wara l-operazzjoni, pazjenti li jqattgħu ljieli l-isptar, ikel u servizzi in-patient.  

Servizzi bħal dawn huma stmati li jiswew madwar €2,700 għal kull kirurġija ortopedika maġġuri, filwaqt li kull lejl li jqatta’ pazjent l-isptar jiswa €150. 

More in Socjali