Fl-2023 ġew salvati 380 immigrant irregolari filwaqt li ġew irritornati lejn pajjiżhom 315 immigrant irregolari. Fl-istess perjodu wkoll ġew rilokati 159 immigrant irregolari lejn Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Intern, Sigurtà, Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri wara li ġie mistoqsi mill-Membru Parlamentari Nazzjonalista Joe Giglio dwar kemm ġew salvati immigranti mill-Armata matul l-2023, kif ukoll fejn jinsabu dawn l-immigranti llum.
Il-Ministru Camilleri kompla jispjega kif kien hemm ukoll 1,391 ċittadin ta’ pajjiżi terzi oħra li nstabu jgħixu Malta irregolarment u ġew irritornati lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom jew f’xi pajjiż ieħor fejn huma awtorizzati li joqogħdu.
Il-Ministru qal li l-ħidma fuq l-immigrazzjoni irregolari saret minħabba li l-Gvern ma kienx kuntent bl-istatus quo. Huwa faħħar in-numru ta’ deċiżjonijiet, inkluż bidliet leġiżlattivi, sabiex is-sistema tal-immigrazzjoni irregolari tkun waħda aktar soda u ġusta, kemm lokalment, kif ukoll internazzjonalment.
Il-Ministru Camilleri qal ukoll li twaqqaf Returns Unit fi ħdan il-Ministeru sabiex jiffoka fuq ir-ritorn lejn il-pajjiż tal-oriġinu ta’ dawk il-persuni li ma jkunux jeħtieġu protezzjoni f’pajjiżna.