Sfidi Demografiċi imminenti ta' Malta

"l-età medja hija ta’ 80.8 sena għall-irġiel u 84.3 sena għan-nisa; bi tbassir jipproġetta li n-nisa se jgħixu sa 90.4 sena sal-2070" | Analiżi tal-Ageing report minn Paula Mifsud Bonnici 

Il-popolazzjoni ta' anzjani f'pajjiżna se tkompli tikber
Il-popolazzjoni ta' anzjani f'pajjiżna se tkompli tikber

Fil-ħarġa tal-2024 “Ageing Report, Underlying Assumptions and Projection Methodologies”, ġie żvelat li Malta mistennija ssib ruħha taffaċċja sfidi imminenti fil-futur minħabba l-popolazzjoni li qed tesperjenza żieda fl-età medja.  

Ir-rapport, studju analitiku komprensiv miġbur permezz ta’ laqgħat rigorużi ma’ tekniċi minn nazzjonijiet membri tal-UE, iservi bħala blueprint li jenfasizza data importanti. Barra minn hekk, it-tbassir tar-rapport iservi bħala rakkont ta’ twissija, li jipprevedi t-trajettorja għan-nazzjonijiet tal-UE jekk il-politiki attwali jibqgħu mhux mibdula. 

Paula Mifsud Bonnici, il-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista għall-anzjani u Membru Parlamentari Nazzjonalista, xeħtet dawl fuq dan ir-rapport fejn ħeġġet azzjoni fil-pront tal-Gvern biex jindirizza t-tħassib imminenti. 

Mifsud Bonnici rrimarkat li r-rapport juri li d-dħul nazzjonali ta’ Malta huwa mbassar li jikber b’rata medja ta’ 2.1% fis-sena bejn l-2022 u l-2070. Apparti dan, Malta rat żieda qawwija fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol f’dawn l-aħħar snin, li juri prospetti ekonomiċi inkoraġġanti. 

Iżda lil hinn mill-ekonomija, Mifsud Bonnici saħqet li “hemm diversi fatturi oħra inkwetanti li se jkunu ta’ sfida kbira għal Malta. Għaldaqstant huwa importanti li dan il-Gvern jibda jipprepara għal dawn l-isfidi. Taħt din l-istatistika pożittiva hemm numru ta’ fatti inkwetanti.  

Hija spjegat li r-rata ta’ fertilità f’Malta hija l-iktar waħda baxxa fl-UE (1.13% fl-2021), u minħabba f’hekk, il-popolazzjoni ta’ anzjani f’pajjiżna se tkompli tikber. Fattur ieħor inkwetanti hu li l-età medja hija ta’ 80.8 sena għall-irġiel u 84.3 sena għan-nisa; bi tbassir jipproġetta li n-nisa se jgħixu sa 90.4 sena sal-2070. 

Barra minn hekk, ir-rapport jenfasizza t-tkabbir sostanzjali fil-popolazzjoni ta’ Malta, flimkien mal-Lussemburgu, l-Iżvezja, u l-Irlanda, li mistennija jaraw żieda ta’ 19% għal 54% bejn l-2022 u l-2070. 

Il-Membru Parlamentari semmiet fattur ieħor inkwetanti, l-old age dependency ratio. Dan jindika n-numru ta’ persuni ta’ mill-anqas 65 sena diviż bin-numru ta’ persuni bejn 20-64 sena. Hija spjegat kif qed jiġi mbassar li l-proporzjon se jkompli jiżdied, u filwaqt li llum għal kull persuna ’l fuq minn 65 għandna 2.8 persuni bejn l-20 u l-64 sena li jaħdmu sas-sena 2070, dan se jinżel għal 1.7 biex f’Malta għal kull żewġ persuni ’l fuq minn 65 se jkollok biss 3 persuni bejn l-20 u l-64 sena li qed jaħdmu. 

Paula Mifsud Bonnici ddeskriviet iż-żieda inevitabbli fin-nefqa pubblika, b’talbiet dejjem jikbru fil-pensjonijiet, fil-kura tas-saħħa, fis-sistemi tal-kura fit-tul, u fl-edukazzjoni. Hija esprimiet tħassib dwar il-livelli għoljin ta’ dipendenza fost l-anzjani, u saħqet fuq il-ħtieġa tal-Gvern li jinvesti f’kura informali, servizzi bbażati fid-dar, u soluzzjonijiet innovattivi orjentati lejn il-komunità biex aktar anzjani jkunu jistgħu jixjieħu fi djarhom. 

“Inutli li l-anzjani jibqgħu jgħixu aktar imma b’livell għoli ta’ dipendenza. Għaldaqstant il-Gvern ikun qiegħed jara kif se jkun qed jinvesti aktar f’kura informali, f’kura fid-dar, u f’diversi servizzi ġodda u innovattivi fil-komunità biex aktar anzjani jkunu jistgħu jgħixu fid-djar tagħhom”, temmet tgħid Mifsud Bonnici. 

More in Socjali