Il-kuntratt ta’ Alison Bezzina bħala Kummissarju għall-Benesseri tal-Annimali mhux se jiġi mġedded, skont informazzjoni li waslet għand il-gazzetta oħt, MaltaToday.
Bezzina kkonfermat dan mal-gazzetta, u qalet li kienet lesta tkompli fil-kariga, “mingħajr ma jgħiduli x’nista’ ngħid jew le.”
Il-Kummissarju, li nħatret fl-2020, kisbet reputazzjoni bħala difiża qawwija tad-drittijiet tal-annimali, xi kultant anke tmur kontra l-pożizzjoni tal-Gvern fuq ċerti kwistjonijiet. Minkejja dan, qalet li ma ngħatat l-ebda raġuni għalfejn il-kuntratt tagħha mhux se jiġi mġedded.
Bezzina spjegat li ġiet infurmata li għandha tibqa’ fil-kariga sal-aħħar tax-xahar, iżda ma tafx min se jkun is-suċċessur tagħha u għalhekk ma tistax twettaq proċess ta’ handover.
“Nixtieq lill-persuna li se tieħu posti kull suċċess. Nixtieq ukoll nassigura lin-nies li se nibqa’ naħdem fis-settur bħala attivista għall-annimali, kif kont qabel,” qalet Bezzina.
Kontroversja u kritika minn sid ta’ zoo
Matul il-kariga tagħha, Bezzina kienet ukoll fil-mira ta’ kritika qawwija minn Anton Cutajar, sid iż-Zoo Arka ta’ Noè, li kien heddidha pubblikament li se “jneħħiha mill-kariga tagħha” jekk tagħmel xi pass kontra ż-żoo tiegħu.
Ir-reazzjoni tiegħu kienet waslet wara li Bezzina kienet qalet li ż-żoo “mhumiex ideali”, iżda li kellha tindirizza s-sitwazzjoni kif inhi u taħdem lejn liġijiet aktar progressivi dwar il-benesseri tal-annimali.
Il-kummenti tagħha kienu saru waqt il-konsultazzjoni pubblika dwar liġijiet ġodda għall-immaniġġjar ta’ żoos, fejn il-Gvern kien irritira proposta li jipprojbixxi l-“animal petting”, waħda mill-attrazzjonijiet ewlenin ta’ Cutajar. Wara l-kontroversja, Cutajar neħħa l-video li fih attakka lil Bezzina.
Eventwalment, il-Gvern iddeċieda li l-“cub petting” ma jitħalliex ħlief f’każijiet approvati mid-Direttorat tar-Regolament Veterinarju.