Editorjal| L-oppressjoni tal-poplu Palestinjan

Xbajna nassistu għall-arroganza u l-ardir inkalkulabbli, għall-attitudni fejn m’hemmx rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem, lejn il-liġijiet internazzjonali u lejn id-dinjità tal-bniedem

Qatt ma nistgħu naċċettaw li l-Gvern Iżraeljan qed joqtol għexieren ta’ Palestinjani għax jemmen li biex jasal għand il-Ħamas irid ifarrak pajjiż u poplu.   

U allajbierek l-Amerika u l-Unjoni Ewropea tilfu l-vuċi kontra dawn l-atti bla preċedent.  Jekk qatt kien hemm eżempju ta’ ipokrezija lampanti tal-Punent, dan hu l-mument. Episodju fejn qisna nikkunsidraw il-Palestinjan bħala esseru ieħor, aljen, annimal jew kreatura mingħajr drittijiet.  

Qisna ma nistgħux nitkellmu għax Iżrael għandu dritt divin li jagħmel li jrid għax fl-aħħar gwerra mondjali kien hemm il-ġenoċidji tal-poplu Lhudi.   

B’hekk għandhom id-dritt li jiftħu l-kanuni, il-missili, il-balal u l-bombi fuq in-nisa u t-tfal. Ma nistgħux nitkellmu għax skonthom, jekk nitkellmu, aħna anti-Semiti. 

Nitkellmu rridu.  

Hawn Malta u barra minn Malta, qamu l-irwiefen għax inqatlet ġurnalista. Minn Ottubru sal-bieraħ, Iżrael qatlu 63 ġurnalist.   

U allajbierek silenzju stampa. Ħadd ma jgħid xejn. 

Irridu nitkellmu, mhux bħal poeti bi kliem fl-ajru li ma jinftihemx, imma mad-deputati tagħna, mal-Ministru tal-affarijiet barranin tagħna Ian Borg biex mill-ftit li nistgħu nippuntaw għal miżuri li jsalvaw il-ħajjiet tan-nies. Aħna, bħala pajjiż sovran, għandna nkunu sodi. 

Il-Prim Ministru Robert Abela għandu juri l-għadab tiegħu għal mod kif ir-reġjun se jkun taħt tensjoni liema bħala. 

Jeħtieġ ukoll li nkunu konxji bil-mod kif l-Amerka u l-politika ta’ Joe Biden hija mibnija fuq politika li tappoġġja dawn l-atti illegali. U l-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew urew kemm huma inkapaċi biex iwaqqfu lil Iżrael. 

U nieqfu nkunu apoloġetiċi ... bħallikieku Iżrael hu xi superstat jew xi razza speċjali. U bilfors biex insemmu l-ħniżrijiet ta’ Iżrael irridu nsemmu dawk tal-Ħamas. 

Xbajna nassistu għall-arroganza u l-ardir inkalkulabbli, għall-attitudni fejn m’hemmx rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem, lejn il-liġijiet internazzjonali u lejn id-dinjità tal-bniedem. Illum Iżrael iħares lejn il-Palestinjani bħala oġġetti bla drittijiet. Joqtlu u jarrestaw mingħajr biża ta’ xejn. U joħorġu bi skużi ta’ nies eżaltati u bla ruħ. 

Qed ngħixu mumenti koroh li se jwasslu biex mijiet, jekk mhux eluf ta’ Palestinjani, se jsiru eħrex u aktar estremisti. U mbagħad stennew li r-reazzjoni tal-Punent tkun waħda aktar pwerili. Biden ikun ilu li telaq. Imfakkar bħala xiħ bla ruħ u bla saħħa morali. Anke Netanyahu, aktarx sfiduċjat minn niesu stess. Li jkun fadal tkun ir-rabja u l-mibegħda ta’ mijiet ta’ eluf ta’ Palestinjani. 

L-argumenti li smajna minn Biden jew minn Metsola fuq il-gwerra fl-Ukrajna interessanti, imma ma servew xejn biex nifhmu għalfejn dan l-argument ma jistax jiġi applikat ukoll fil-Palestina. 

Illum huwa ċar li Iżrael iridu jħassru lil Gaża minn wiċċ id-dinja – jekk mhux mill-mappa tad-dinja wkoll! 

Nitolbu bil-mod tagħna li xi mkien dan il-poplu minsi jsib xi tarf għal din l-oppressjoni faxxista u krudili. 

More in Socjali