Imwettaq 50% tal-Pjan Nazzjonali għall-Garanzija tat-Tfal

F’sena waħda, aktar minn 100 miżura soċjali, li huma parti mill-Pjan Nazzjonali għall-Garanzija tat-Tfal, ġew implimentati biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tat-tfal

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon ħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li f’sena waħda, aktar minn 100 miżura soċjali, li huma parti mill-Pjan Nazzjonali għall-Garanzija tat-Tfal, ġew implimentati f’erba’ oqsma ewlenin biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tat-tfal.

29 miżura huma relatati mal-protezzjoni soċjali, 34 miżura fir-rigward tal-edukazzjoni, 38 miżura relatati mal-kura tas-saħħa u 7 miżuri relatati ma’ akkomodazzjoni adegwata.

“Qed ninvestu €145 miljun fuq ħames snin biex jiġu implimentati u sostnuti l-miżuri deskritti fil-pjan. Qed nagħmlu dan għax nemmnu illi nkunu kontinwament ta’ spalla ma’ dawk l-aktar vulnerabbli, sabiex jimmasimizzaw il-potenzjal tagħhom”, stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti Mark Musu tkellem dwar l-importanza tal-istadju tat-tfulija, li huwa kkaratterizzat minn diversi sfidi u sostna li “għamilna diversi sforzi sabiex jiġu indirizzati l-faqar u l-esklużjoni soċjali, kif ukoll biex jiġu promossi u infurzati d-drittijiet tat-tfal”.

Musu stqarr li mill-2013 sal-lum, it-tfal f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali niżlu għal 19,000 minn 25,000;

Dawk it-tfal f’deprivazzjoni materjali naqsu għal 7,000 minn 16,000;

Filwaqt li tfal f’deprivazzjoni materjali severa niżlu minn 9,000 għal 3,700.

More in Socjali