Il-maġġoranza tal-istabbilimenti turistiċi Għawdxin jaqblu mal-'iskill card'

Minkejja li qablu li l-'iskills card' hija meħtieġa, stħarriġ tal-Assoċċajzzjoni tat-Turiżmu t’Għawdex (GTA), irriżulta wkoll li 54% ta’ dawk li wieġbu jemmnu li l-introduzzjoni tal-'iskills card' se tkun ta' tfixkil għalihom

Stħarriġ mill-Assoċċajzzjoni tat-Turiżmu t’Għawdex (GTA) sab li l-maġġoranza tal-operaturi tan-negozzji jemmnu li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCNs) għandhom jiksbu skill card qabel jiġu impjegati fi stabbilimenti lokali tat-turiżmu.

L-istħarriġ ġie kkummissjonat biex jitkejlu l-opinjonijiet tal-operaturi turistiċi Għawdxin dwar l-introduzzjoni ta’ ‘skill card’ għall-ħaddiema barranin. L-istħarriġ kopra firxa diversa ta’ setturi turistiċi f’Għawdex, inklużi akkomodazzjoni, ristoranti, ċentri tal-għadis, attrazzjonijiet turistiċi, trasport, operaturi turistiċi, proprjetà immobbli, u ditti ta’ konsulenza turistika.

L-istħarriġ sab li 63% tal-operaturi Għawdxin qablu li ħaddiema barranin għandhom ikunu meħtieġa jiksbu skills card qabel jiġu impjegati fi stabbilimenti lokali tat-turiżmu.

Minkejja dan, 54% ta’ dawk li wieġbu jemmnu li l-introduzzjoni tal-‘iskill card’ se tfixkel l-operat tagħhom, partikolarment fix-xenarju attwali ta’ nuqqas ta’ interess min-nies tal-lokal f’impjiegi relatati mat-turiżmu.

Dawk li wieġbu favur, identifikaw il-benefiċċji tal-‘iskill card’, inkluż komunikazzjoni aħjar (32%), it-trażżin tal-abbuż fil-visa (28%), u t-titjib tas-servizzi turistiċi (24%) għall-impjegati tat-turiżmu.

54% qablu li mad-data li din se tiġi implimentata, filwaqt li 46% qalu li l-1 ta’ Jannar 2024 mhuwiex iż-żmien adattat.

L-istħarriġ sab li 86% tal-operaturi qablu li għarfien bażiku tal-lingwa Ingliża għandu jkun prerekwiżit għall-ħaddiema barranin biex jiksbu l-‘iskill card’. Madankollu, dawn 86% ma qablux mal-ammont ta’ ħlas li tirrikjedi l-‘skill card’ u sostnew li l-biċċa l-kbira tal-ħaddiema barranin ma jistgħux jaffordjaw tali spejjeż.

Dwar il-kwistjoni usa' tal-‘iskill card’, 68% ta' dawk li wieġbu qablu li l-impjegati kollha lokali u tal-UE fis-settur tat-turiżmu għandhom eventwalment ikollhom ‘skill card’, u enfasizzaw il-ħtieġa għal introduzzjoni gradwali

Fejn jidħol l-assessjar tal-lingwa Ingliża, 53% emmnu li dawk il-ħaddiema barranin diġà impjegati fi stabbilimenti tat-turiżmu Għawdxi li ma jgħaddux mill-assessjar tal-lingwa Ingliża, m’għandhomx ikunu eliġibbli għall-‘skills cards’.

Fid-dawl ta’ dawn is-sejbiet, l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu t’Għawdex biħsiebha taqsam ir-riżultati tal-istħarriġ mal-awtoritajiet rilevanti.

More in Socjali