Il-konsumaturi se jkollhom aktar poter fuq id-data tagħhom permezz ta’ liġi ġdida

Liġi ġdida li għaddiet mill-Unjoni Ewropea se twassal għal aktar poter f’idejn il-konsumaturi b’rabta mad-data li jiġġeneraw. Alexiei Dingli spjega xi jfisser dan u kif permezz tal-liġi tista’ titjieb l-esperjenza tagħna mat-teknoloġija moderna. 

Fiż-żmien li ġej, kull individwu għandu l-leħen u s-setgħa li jiddeċiedi x’'isir mid-data tiegħu permezz ta’ liġi li għaddiet mill-Unjoni Ewropea aktar kmieni dan is-sajf, magħrufa bħala l-Att tad-Data. Permezz tagħha, il-konsumaturi se jkollhom aktar setgħa dwar min għandu aċċess għad-data tagħhom, u din id-data tista’ twassal għal prodotti aktar personalizzati, fost effetti oħra. 

Dwar din il-liġi li se taffettwa wkoll numru ta’ kumpaniji kbar u anke negozji żgħar fi ħdan l-Unjoni Ewropea, l-ILLUM tkellmet ma’ Alexiei Dingli, iċ-Chairman tal-Kumitat tat-Teknoloġija tan-Negozji fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ, li huwa wkoll professur tal-intelliġenza artifiċjali fi ħdan l-Università ta’ Malta.  

Dingli spjega li l-Unjoni Ewropea ħasset il-bżonn ta’ din il-liġi minħabba diversi fatturi, bl-ewwel wieħed ikun il-volum kbir ta’ data li tiġi ġġenerata minn kull konsumatur u l-prodotti tagħhom li kull ma jmur qed jiżdied b’mod esponenzjali.  

“Sfortunatament, il-biċċa l-kbira ta' din id-data tibqa' mhux użata jew tinġabar minn ftit kumpaniji kbar. Dan ħoloq sitwazzjoni fejn nuqqas ta' fiduċja, inċentivi ekonomiċi konfliġġenti, u ostakli teknoloġiċi jimpedixxu r-realizzazzjoni sħiħa tal-potenzjal tal-innovazzjoni,” stqarr Dingli. 

Huwa nnota li din il-liġi se tisfrutta l-potenzjal tad-data billi jagħti aktar aċċess għaliha u fl-istess waqt ineħħi ċerti ostakli għall-iżvilupp fi ħdan l-ekonomija tal-Unjoni Ewropea. Dan, jispjega Dingli, isir permezz ta’ aċċess aktar miftuħ għall-konsumaturi fuq id-data tagħhom stess. 

“Pereżempju, ikkunsidra karozza b’'sistema intelliġenti installata. Fil-passat, id-data ġġenerata minn tali karozza kienet tinġabar u tintuża esklussivament mill-manifattur tal-karozza. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida tagħti lill-individwi u lin-negozji aktar kontroll fuq id-data tagħhom, u tippermettilhom jaqsmuha ma’ fornituri oħra, bħal kumpaniji tal-assigurazzjoni, li jista’ jwassal għal servizzi aktar personalizzati u jagħtu aktar valur lill-konsumatur,” spjega Dingli. 

Apparti l-konsumaturi, Dingli nnota li n-negozji u l-korporazzjonijiet internazzjonali ġganti se jiġu wkoll affettwati minn din il-liġi. Huwa sostna li waħda mill-abbilitajiet li se jkollhom il-konsumaturi, huwa li jikkupjaw u jittasferixxu d-data tagħhom b’mod faċli ħafna għal servizzi differenti. Għalhekk, għan-negozji dan ifisser li se jkollhom jaddattaw sistemi tal-immaniġġjar tad-data tagħhom sabiex ikunu konformi ma’ dawn il-ħtiġijiet ġodda. 

Apparti dan, Dingli tkellem dwar kif, “l-att fih miżuri biex jipprevjeni l-abbuż ta’ żbilanċi,” b’rabta ma’ kif tipi maqsuma d-data. Dan minħabba l-fatt li mingħajr din il-liġi, id-data ta’ prodott bħal kompjuter kienet tgħaddi għand il-manifattur, u b’hekk kien hemm żbilanċ b’rabta ma’ min kellu l-aktar data. 

“L-Att jipprovdi wkoll gwida addizzjonali rigward il-kumpens raġonevoli tan-negozji biex jagħmlu d-dejta disponibbli, kif ukoll mekkaniżmi adegwati għas-soluzzjoni ta’ diżgwidi,” jinnota Dingli. Dan, skontu, jista’ jwassal għal distribuzzjoni aktar ġusta tad-data.  

Eżempju ta’ dan huwa “kumpanija tal-manifattura li tuża makkinarju industrijali intelliġenti issa se jkollha l-abbiltà li taqsam id-data ġġenerata minn dawn il-magni ma’ fornituri ta’ servizzi simili, li potenzjalment twassal għal produzzjoni aktar effiċjenti u spejjeż imnaqqsa.” 

Dingli tkellem ukoll fuq l-impatt ta’ din il-liġi fuq kull min jagħmel użu minn xi forma ta’ teknoloġija moderna jew oħra. Innota li biex wieħed jifhem x’tista’ tfisser għall-konsumaturi, jista’ jerġa’ jieħu l-eżempju tad-data tal-karozza.  

“Tali data, meta tingħaqad mad-data ta’ diversi persuni oħra, tista’ tgħin ukoll biex jiġu żviluppati jew imtejba servizzi diġitali oħra, bħal sistemi ta' maniġġjar tat-traffiku,” jispjega Dingli. 

Apparti dan, huwa stqarr li meta negozji żgħar u medji jibdew jipparteċipaw f’din “l-ekonomija tad-data,” dan jista’' jwassal għal prezzijiet aktar kompetittivi u servizzi aħjar għall-konsumaturi. 

“Pereżempju, kull min għandu prodotti konnessi bħal friġġ intelliġenti, jistgħu jagħżlu fornitur irħas ta’ tiswija u manutenzjoni, li jibbenefika minn prezzijiet orħos fis-suq,” temm jgħid Dingli. 

More in Socjali