Kemmuna – minn ġawhra għal miżbla

Dan kien sajf ieħor fejn komplew l-ilmenti dwar il-kummerċ li għaddej fuq Kemmuna u l-impatt negattiv li dan iħalli

Tul dan is-sajf, numru ta’ nies kif ukoll għaqdiet non-governattivi għamlu ilment dwar kif l-impatt negattiv li qed isir fuq Kemmuna kawża tal-attività kummerċjali fuq il-gżira. Fost dawn, l-għaqda Nadur Nadif ħarġet stqarrija lura fit-18 t’Awwissu, fejn fost oħrajn ilmentaw fuq iż-żibel, nuqqas ta’ kontenituri għalih, kif ukoll in-nuqqas t’inforzar. 

L-ILLUM avviċinat lil Andre Callus sabiex jispjega din il-problema u x’jaħseb li għandha tkun is-soluzzjoni. Huwa spjega li għalih, din hija li jonqsu drastikament in-nies li jmorru Kemmuna kuljum.  

Skont Callus, il-fatt li massa kbira ta’ nies f’daqqa jmorru fuq Kemmuna, li hija riserva naturali, iħalli impatt negattiv enormi fuq is-sit. Hemm diversi raġunijiet għalfejn dan hu l-każ. Aktar ma jmorru nies, aktar se jiġi ġġenerat skart, li l-infrastruttura mhux kapaċi tiflaħ għalih. Issir ukoll ħsara lejn il-pajsaġġ naturali, b’ruxxmata nies jirfsu fuq ix-xagħri. Barra minn hekk, massa ta’ nies “joħonqu l-post” li huwa relattivament żgħir, partikolarment fi Blue Lagoon. Kawża t’hekk, anke l-kwalità esperjenza tal-viżitatur tieħu daqqa, minħabba li ma jkollux biżżejjed spazzju sabiex igawdu s-sit b’mod trankwill. 

“Is-sena l-oħra, l-għaqda organizzat numru ta’ protesti fuq il-gżira, fejn għamlet tliet talbiet; li jitnaqqsu b’żewġ terzi n-numru ta’ deckchairs, li jitnaqqsu l-gabbani tal-ikel, kif ukoll li d-dgħajjes il-kbar li jġorru t-turisti ma jibqgħux jitħallew imorru Kemmuna.” 

Rigward l-ewwel proposta, Callus spjega kif din it-talba ġiet attwata, b’numru kbir ta’ deckchairs jitnaqqsu miż-żona. Xorta waħda kien hemm numru li qed jitpoġġew f’post ieħor, però ferm anqas minn dawk li tneħħew. 

Rigward iż-żewġ talbiet l-oħra, il-gabbani ma naqqsux, “u dawn xorta qed ikollhom mużika għolja,” żied Callus. Id-dgħajjes il-kbar xorta waħda għadhom qed jagħmlu vjaġġi ta’ “mijiet ta’ turisti f’salt wieħed”. 

Għal Callus, din tal-aħħar hija imperattiva sabiex jonqsu n-numri. Hu jemmen li jekk dawn id-dgħajjes li qed jieħdu numru kbir ta’ turisti f’daqqa jiġu projbiti minn fuq il-post, il-problema kapaċi tkun solvuta. Dan għalhiex, “ħafna minn dawn it-turisti m’għandhomx l-intenzjoni li jmorru speċifikament Kemmuna. Huma jkunu għaddejjin minn max-xatt u jaraw dawn l-operaturi joffru dawriet mal-kosta ta’ Malta, u jmorru għall-esperjenza. Id-destinazzjoni tkun sempliċiment parti mill-pakkett.” 

Ovvjament, wieħed xorta jkun jista’ jivjaġġa lejn Kemmuna permezz tad-dgħajjes iż-żgħar, li joffru s-servizz kemm minn Malta jew minn Għawdex. Però, dawn id-dgħajjes ma joffrux pakketti, u b’hekk it-turist li jkun irid imur Kemmuna speċifikament biss imur fuq il-gżira. 

Callus jemmen ukoll jekk in-numru ta’ gabbani hux kapaċi jonqos b’mod naturali, jekk u meta jonqsu n-numri ta’ viżitaturi. “Jista’ jkun,” huwa wieġeb. “Però ma naħsibx li għandna nistennew.”  

Staqsejnih jekk dan hux kapaċi jikkawża żieda fid-domanda għad-dgħajjes iż-żgħar, li jwassal għal żieda fin-numru ta’ dawn ix-xorta ta’ dgħajjes li jkunu qed joperaw. Huwa wieġeb li, “wieħed irid jara jekk dan ikunx il-każ, qabel nikkunsidraw miżuri oħra.” 

Riċentament, bdiet tissemma’ wkoll proposta li jkun hemm limitu fuq in-numru ta’ nies li jmorru Kemmuna kuljum. Ħadna l-oppinjoni ta’ Callus dwar jekk din potenzjalment hix soluzzjoni għall-problema. Huwa tenna li jekk it-talbiet ta’ Movimenti Graffiti jiġu attwati, se jkun hemm nuqqas fin-numru ta’ viżitaturi. “Madankollu, jekk dan ma jkunx il-każ, imbagħad għandna nikkunsidraw limitu. Però, dan għandu jiġi implimentat b’mod li ma jaffettwax l-aċċessibbiltà għar-residenti Maltin u Għawdxin.” 

More in Socjali