Alla, il-familja u l-politika: Analiżi tal-istħarriġ tal-Istat tan-Nazzjon dwar kif jgħixu u jaħsbuha l-Maltin

Hekk kif fil-ħajja mgħaġġla tal-lum, kollox jista’ jinbidel fi żmien qasir, stħarriġ bħal m’hu dak tal-Istat tan-Nazzjon huwa utli biex wieħed jifhem pajjiż minn fejn ġej, fejn qiegħed u fejn jista’ jkun sena oħra, hekk kif dan l-eżerċizzju qed iservi wkoll biex il-Maltin jgħidu tagħhom dwar dak li jaħsbu u l-mod ta’ kif jgħixu l-ħajja ta’ kuljum

Minn stħarriġ estensiv li sar għall-konferenza nazzjonali ‘l-Istat tan-Nazzjon’, l-istatistiku Dr Vincent Marmara ta stampa ċara tal-opinjonijiet u l-istat tal-poplu Malti u Għawdxi b’rabta ma’ diversi oqsma. 

Bla dubju, dawn iċ-ċifri jixdhu kif il-poplu Malti inbidel u qed ikompli jinbidel. Mill-politika sar-reliġjon u l-istil ta’ kif wieħed jgħix, l-ILLUM analizzat dak li sab dan l-istħarriġ.

Il-Politika

Jidher li aktar ma jmur, il-poplu Malti qed jagħti inqas u inqas importanza għall-politika, hekk kif fl-2023, huma biss 37.4% tal-Maltin li qalu li l-politika hija mportanti ħafna, li jfisser li dan in-numru naqas b’aktar minn 10% mill-2021. Dan filwaqt li dawk li wieġbu “Insomma” u “Lanqas xejn” kienu jammontaw għal 33.8% u 26.9% rispettivament, filwaqt li dawk li wieġbu ma’ nafx ammontaw għal 1.8%.

Dan jirrifletti wkoll dak li seħħ fl-elezzjoni ġenerali tal-2022 kif ukoll fi stħarriġ wara l-ieħor, hekk kif numru kbir ta’ nies qed juru diżinteress fil-politika, b’mod speċjali fejn jidħlu ż-żewġ partiti l-kbar. Apparti minn hekk, l-istħarriġ tal-istat tan-nazzjon jixhed ukoll li d-diżinteress jogħla iktar kemm persuna tkun żagħżugħa.

Fuq it-tema tal-politika wkoll, il-poplu ġie mistoqsi l-mistoqsija “Meta tasal għall-opinjoni tiegħek dwar diversi temi differenti, tikkunsidra l-opinjoni tal-partit politiku li temmen fih int?” Hawn ukoll, 42.6% qalu li ma jikkunsidrawx dak li jgħidu l-partiti politiċi, u dawk li qalu li jikkunsidraw il-partiti politiċi, (30.6%) raw tnaqqis ta’ aktar minn 10% fl-aħħar sentejn.

Ġie nnutat tnaqqis ukoll fil-persuni li dejjem jivvutaw għall-istess partit. Minkejja li n-numru ta’ persuni li vvutaw għal partit wieħed huma fil-maġġoranza b’67.4%, dan in-numru naqas b’15.3% f’sentejn. Dan filwaqt li l-ammont ta’ nies li jikkunsidraw jivvotaw għal partit ieħor tela’ għal 38.7% minn 27.3% fl-2021.

L-istħarriġ ta’ din is-sena wera wkoll li hemm żieda żgħira fin-nies li ma jarawx differenza bejn iż-żewġ partiti politiċi kbar, iżda 49.9% għadhom jaraw differenza bejniethom.

Ir-Reliġjon

Fuq nota aktar spiritwali, it-twemmin f’Alla fost il-Maltin baqa’ wieħed b’saħħtu, hekk kif 88.5% stqarru li jemmnu f’ħallieq, minkejja tnaqqis marġinali ta’ 5% mill-2021.

Dan filwaqt li ġiet innutata żieda ta’ 3.3% fost dawk li qalu li r-reliġjon huwa mportanti ferm għalihom, u jidher li l-importanza tar-reliġjon togħla skont l-et​​à. B’mod prattiku, 49% tal-Maltin jidher li jikkunsidraw ir-reliġjon meta jieħdu deċiżjoni dwar dak li huwa tajjeb jew ħażin. 

Hawn ġiet innutata distinzjoni kbira bejn dawk li jgħidu li jemmnu f’Alla u dawk li jipprattikaw ir-reliġjon fil-ħajja ta’ kuljum anke bid-deċiżjonijiet li jieħdu. 

L-Aħbarjiet

Il-maġġoranza tal-Maltin ma jaħsbux li l-midja Maltija tirrapporta u tiddiskuti suġġetti li jikkonċernawhom. Dan hekk kif meta mistoqsija jekk il-midja tirrapportax is-suġġetti li jikkonċernawhom, kienu biss 21% li wieġbu “ħafna”, filwaqt li 46.4% wieġbu “Imsomma”, 21% wieġbu “lanqas xejn”, u 10.8% wieġbu “ma nafx”.

Għal sena oħra, it-televiżjoni huwa l-aktar sors ta’ aħbarjiet popolari fost il-Maltin, hekk kif ġie nnutat tnaqqis sostanzjali fl-ammont ta’ persuni li jsegwu l-aħbarjiet minn “links tal-portals tal-aħbarjiet fuq Facebook”, hekk kif in-numru ta’ Maltin li jżommu ruħhom infurmati permezz ta’ Facebook naqas b’20.1% mis-sena ta’ qabel.

Il-gazzetti online u r-radju wkoll huma sors ta’ aħbarjiet li qed jaraw tnaqqis fil-persuni li jagħmlu użu minnhom sena wara oħra. 24.7% tal-Maltin qalu li jsegwu l-aħbarjiet “fuq paġni jew gruppi tal-ħbieb fuq Facebook”, liema rata baqgħet stabbli meta kkumparata mas-sena ta’ qabel. Dan filwaqt li 6.3% tal-Maltin ma jsegwux aħbarjiet Maltin.

Il-gazzetti online huma l-aktar sors popolari fost dawk il-persuni ta’ bejn is-16 u t-35 sena, u kważi nofs (47%) ta’ dawk b’edukazzjoni terzjarja jagħmlu użu minn dawn il-gazzetti online. Jidher ukoll li l-aħbarjiet permezz ta’ links fuq Facebook huwa l-aktar mod popolari għall-aħbarjiet għall-persuni kollha minn 16-il sena sa’ 55 sena.

Ta min jinnota li t-tnaqqis ġenerali ta’ persuni li jaraw l-aħbarjiet meta kkumparat mas-sena l-oħra tista’ tkun marbuta mal-fatt li fl-2022 saret l-elezzjoni ġenerali, u għalhekk, kien aktar probabbli li l-Maltin isegwu l-aħbarjiet. Minkejja dan, xorta waħda kien hemm tnaqqis sinifikanti fil-persuni li jsegwu l-aħbarjiet mill-2021 sal-2022, li tista’ tkompli tixhed l-indifferenza lejn il-ġrajjiet kurrenti lokali li qed tiżdied maż-żmien.

Il-Familja

Il-Maltin u l-Għawdxin, għandhom il-familja għal qalbhom, skont dak li jixhed l-istħarriġ, b’75.6% jgħidu li jagħmlu l-għażliet importanti f’ħajjithom flimkien mal-membri tal-familja tagħhom. F’din il-mistoqsija, fejn wieħed seta’ jagħżel aktar minn tweġiba waħda, 50.9% qalu li dawn id-deċiżjonijiet jagħmluhom ukoll waħidhom.

Il-familja hija wkoll l-akbar sors ta’ sapport fost il-Maltin, b’68.8% tal-poplu jgħidu li dejjem iduru għall-familja li jgħixu magħhom meta jgħaddu minn żmien iebes f’ħajjithom.

Fil-fatt, jidher li l-Maltin jippreferu bil-kbir l-għajnuna tal-familja li jgħixu magħhom, ferm aktar mill-għajnuna ta’ persuni professjonali, fosthom terapisti tal-familja, psikoloġisti u social workers. Minkejja dan, jidher li maż-żmien aktar nies qed ifittxu l-għajnuna ta’ dawn il-professjonisti, hekk kif filwaqt li 53.9% qalu li qatt ma jirrikorru għall-professjonisti fi żmien iebes, din ir-rata hija kważi 10% inqas minn dik ta’ sentejn ilu.

Apparti minn hekk, il-familja ġiet innutata wkoll li hija l-akbar istituzzjoni li tgħallem il-valuri tas-soċjetà lill-ġenerazzjonijiet tal-futur, hekk kif 85.9% qalu li r-rispett u l-valuri li jħaddnu qed jiġu l-aktar mgħallma mill-familja.

Il-Ħajja 

Din is-sena l-ammont ta’ persuni li jippjanaw ħajjithom u dawk li jgħixu ġurnata b’ġurnata huma kważi indaqs, (50.4% u 49.6% rispettivament) hekk kif tul dawn l-aħħar tliet snin, ir-rata ta’ nies li jippjanaw ħajjithom naqset b’21%.

Fost dawk li jippjanaw l-aktar ħajjithom hemm żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-25 sena, filwaqt li l-Maltin huma aktar probabbli li jgħixu ġurnata b’ġurnata aktar kemm ikollhom żmien. L-istħarriġ jagħmel referenza wkoll għall-fatt li apparti l-età, id-dħul jagħmel differenza wkoll fl-ippjanar tal-ħajja. Dan hekk kif aktar kemm wieħed iħallas taxxa, huwa aktar probabbli li jippjana ħajtu.

Il-kuntentezza bil-ħajja tal-Maltin ġiet innutata li naqset bi 11% mis-sena ta’ qabel, hekk kif din ir-rata niżlet għal 66%. B’mod notevoli, l-istħarriġ isib li iktar kemm wieħed għandu dħul, inqas huwa kuntent, hekk kif filwaqt li 68% ta’ dawk li ma jħallsu ebda taxxa qalu li huma kuntenti, ir-rata ta’ kuntentezza naqset għal 53.6% fost dawk li jħallsu l-iktar taxxa.

Dwar il-futur, wieħed jista’ jinnota’ li l-inċertezza qed taffettwa lil Maltin, hekk kif għall-mistoqsija, “Taħseb li fi żmien sena se tkun qed tgħix aħjar mil-lum?”, 45.7% qalu li ma jafux, filwaqt li 39.1% wieġbu fil-pożttiv, u 15.2% qalu le.

Il-Kultura

L-istħarriġ tal-Istat tan-Nazzjon iħares ukoll lejn kif il-Maltin jinteraġixxu mal-kultura Maltija. Fl-2023, il-Maltin stqarru li l-festi tal-irħula u l-ibliet huma l-aktar fattur importanti fil-kultura Maltija, u l-ikel tradizzjonali Malti ġie fit-tieni post.

L-importanza tal-kura tidher li hija għolja wkoll fost il-Maltin, hekk kif 63% ta’ dawk li rrispondew qalu li l-involviment fl-arti u l-kultura huwa importanti ħafna għall-iżvilupp personali tal-bniedem.

F’dinja li dejjem qed tinbidel u fejn kull pajjiż qed isir aktar viċin ta’ ieħor, il-Maltin ġew mistoqsija wkoll dwar il-multikulturaliżmu, u jekk humiex komdi bit-taħlit tal-kulturi fis-soċjetà Maltija. Hawn ġiet innutata reazzjoni mħallta mill-Maltin. Huma ġew mistoqsija biex jagħtu numru minn wieħed sa ħamsa, b’wieħed ifisser “ma jien komdu xejn” u ħamsa jfisser “komdu ħafna.” Il-medja ta’ dawk li rrispondew taw in-numru tlieta, li jista’ jindika li filwaqt li m’humiex kontra t-taħlit tal-kulturi, għandhom dubji dwar kif dan isir.

L-aktar grupp ta’ nies favur il-multikulturaliżmu huma ż-żgħażagħ Maltin, iżda kieku dan mhux il-każ, il-maġġoranza tal-Maltin jopponu t-taħlit tal-kulturi. Dan f’kuntest ta’ pajjiż li ra żieda qawwija ta’ barranin li jgħixu fih fi żmien qasir.

More in Socjali