It-tniġġis f’pajjiżna jidher li qed iħalli impatt sinifikanti fuq is-saħħa ta’ persuni li jgħixu viċin il-Port il-Kbir, hekk kif il-maġġoranza ta’ persuni li jidħlu l-isptar minħabba mard pulmonari, b’mod speċifiku, Chronic Obstructive Pulmonary Disease (COPD), jgħixu f’dawk l-akkwati.
COPD hija marda komuni fil-pulmun li tikkawża problemi bin-nifs, u l-kawżi prinċipali tagħha huma t-tipjip u t-tniġġis fl-arja. Persuni li għandhom din il-kundizzjoni huma aktar vulnerabbli għal mard bħall-kanċer fil-pulmun, infezzjonijiet fil-pulmun, problemi marbuta mal-qalb, u anke anzjetà u dipressjoni.
Skont ċifri li ġew żvelati fil-Parlament wara mistoqsija Parlamentari mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kwalità tal-Ħajja, Albert Buttigieg lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, fejn ingħatat spjegazzjoni tal-persuni li ddaħħlu l-isptar minħabba COPD fl-aħħar snin.
Hawn, wieħed jista jara li bejn l-2017 u l-2022, ir-reġjuni tan-Nofsinhar u t-Tramuntana tal-Port il-Kbir kellhom l-aktar każijiet ta’ nies jidħlu l-isptar minħabba COPD. Dawn ir-reġjuni jinkludu lokalitajiet bħal Birkirkara, il-Gżira, Ħal Qormi, il-Marsa, il-Kottonera u l-Belt Valletta. Fil-fatt, mill-2017 sal-2022, il-medja ta’ persuni li ddaħħlu l-isptar minħabba dan il-mard fir-reġjun tat-Tramuntana tal-Port kien ta’ 279 persuna fis-sena, filwaqt li l-medja għal persuni li jgħixu fin-Nofsinhar tal-Port huwa ta’ 243 persuna fis-sena.
Studju dwar il-kwalità tal-arja madwar il-Port il-Kbir fl-2021 kien sab konċentrazzjoni ta’ partiċelli fini ħafna ogħla minn dak maħsub. Dawn il-partiċelli jidħlu fil-pulmun mill-arja li nieħdu u jispiċċaw fid-demm, fejn jistgħu jikkawżaw problemi serji marbuta mal-qalb u l-pulmun. Fil-fatt, l-istess studju kien sab li bejn l-2020 u l-2021, mietu iktar nies f’Malta minħabba t-tniġġis fl-arja minn kemm mietu minħabba l-Covid-19.
Mill-informazzjoni li ġiet ippubblikata fil-Parlament, wieħed jista’ jinnota li iktar kemm wieħed jgħix ‘il bogħod mill-Port il-Kbir, inqas huwa ċ-ċans li jkollu bżonn jidħol l-isptar minħabba COPD. It-tielet l-iktar reġjun fejn persuni jmorru l-isptar minħabba COPD huwa dak tax-Xlokk, b’medja ta’ 139 persuna fis-sena jidħlu l-isptar minħabba din il-kundizzjoni. Dan ir-reġjun, li jinkludi fih lokalitajiet fosthom Birżebbuġa, il-Gudja, Ħal Għaxaq u Marsaskala fost oħrajn, jiġbor fih il-Port Ħieles, u jmiss ukoll mal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Ir-reġjuni ta’ Trammuntanta u l-Punent, li jkopru lokalitajiet minn Ħaż-Żebbuġ sal-Mellieħa jesperjenzaw medja ta’ 145 u 105 pazjent fis-sena rispettivament.
Il-bogħod minn dan kollu hemm ir-reġjun ta’ Għawdex u Kemmuna, fejn bejn l-2017 u 2022 kien hemm biss tmien każi ta’ persuni li ddaħlu l-isptar minħabba COPD.
X’inhi l-Chronic Obstructive Pulmonary Disease?
Persuni li jbagħtu minn COPD jesperjenzaw problemi biex jieħdu nifs, sogħla kontinwa u għejja ġenerali fost sintomi oħra. Maż-żmien, persuni li għandhom COPD jibdew iħossuha diffiċli jagħmlu affarjiet ta’ kuljum, ħafna drabi minħabba tbatija fin-nifs, hekk kif il-pulmun jibda’ sejjer lura.
Bit-trattament u stil ta’ ħajja aktar sana wieħed jista’ jgħix sa’ 20 sena minn meta jiġi iddijanjostikat. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tirrakomanda li persuni li jbagħtu minn din il-kundizzjoni jagħmlu tibdiliet fil-ħajja tagħhom, fosthom li jieqfu jpejjpu.
Lil hinn minn hekk diversi tobba u professjonisti jirrekomandaw lill-pazjenti biex jibqgħu attivi billi jagħmlu eżerċizzju regolari – li sussegwentament iwassal biex attivitajiet ordinarji ta’ kuljum isiru b’inqas strapazz għall-ġisem - rijabilitazzjoni għall-pulmun, li wieħed jieħu t-tilqim kollu neċessarju biex jipprevjeni mard addizzjonali kif ukoll li wieħed jiekol dieta bilaċjata u jmanti l-piż adegwat. Fuq kollox it-tobba jirrekomandaw li tittieħed il-mediċina kollha neċessarja bil-għan li jimmaniġġja s-sintomi tas-COPD.