Il-klabb tal-football Swieqi United irċieva kważi l-istess ammont ta’ fondi daqs Puttinu Cares permezz tal-aħħar mudell tal-programm ta’ ċittadinanza b’investiment, liema programm ra diversi bidliet mill-bidu tiegħu fl-2014.
Skont informazzjoni ppubblikata fil-Parlament wara mistoqsija Parlamentari mill-Kelliem għall-Isport u x-Xandir Nazzjonali, Graham Bencini indirizzata lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Byron Camilleri.
Hawn ingħata rendikont tad-donazzjonijiet li ngħataw minn applikanti li xtraw ic-ċittadinanza Maltija mill-2020 sal-10 ta’ Mejju 2023, fejn b’kollox ingħataw 77 donazzjoni b’valur totali ta’ €660,236.35.
Minn din l-informazzjoni, ħareġ li Puttinu Cares kellha l-akbar ammont ta’ donazzjonijiet b’€55,000 mifruxa bejn sitt donaturi. B’mod simili l-fondazzjoni Inspire irċiviet 4 donazzjonijiet b’valur totali ta’ €40,145.50 u Nature Trust Malta rċeviet 4 donazzjonijiet li jammontaw għal €35,000.00.
Meta wieħed iħares lejn din l-informazzjoni, jinnota li b’mod kemmxejn stramb, il-klabb tal-football ta’ Swieqi United irċiviet donazzjoni waħda ta’ €50,000, liema donazzjoni tolqot l-għajn anke meta wieħed jinnota li biex wieħed jingħata ċ-ċittadinanza Maltija permezz ta’ dan il-programm, jeħtieġ li jagħmel donazzjoni minima ta’ €10,000 biss.
Swieqi United mhux l-unika klabb tal-football li bbenefika minn din l-iskema. Fosthom, il-klabb Zabbar St.Patrick irċieva donazzjoni ta’ €10,000, Fgura United rat għotja ta’ €5,000.
Id-donazzjonijiet ġejjin miċ-ċittadinanza b’investiment kienu fl-aħbarjiet riċentament, hekk kif din il-gazzetta kienet żvelat kif fost l-organizzazzjonijiet li bbenefikaw minn din l-iskema kien hemm Repubblika, liema għaqda dejjem kienet voċifera kontra x-xiri ta’ ċittadinanza. Dan wassal biex l-għaqda tagħti lura d-donazzjoni ta’ €1,500 li rċeviet, hekk kif kienet stqarret li hija qatt ma kienet taf li rċeviet din id-donazzjoni qabel inħareġ l-artiklu minn din il-gazzetta.
Jekk wieħed jagħti ħarsa lejn id-donazzjonijiet kollha li saru mill-bidu tal-programm ta’ bejgħ ta’ ċittadinanza fl-2014, liema programm kien differenti ferm minn dak li jeżisti llum il-ġurnata, jara li b’kollox saru mas-€6.5 miljun ewro minn kważi 1,100 donatur. Permezz tal-programm l-antik, wieħed seta’ jagħmel anke donazzjonijiet lil entitajiet governattivi.
Fil-fatt, l-entità governattiva Heritage Malta ġabret it-tielet l-aktar ammont ta’ donazzjonijiet minn din l-iskema mill-2014, hekk kif irċeviet €424,520 minn 53 donazzjoni, li tfisser li Heritage Malta hija t-tielet l-aktar entità li rċeviet donazzjonijiet minn dan il-programm. Fl-ewwel post hemm Puttinu Cares b’224 donazzjoni li jammontaw għal €1,435,096.75, u fit-tieni post hemm il-Malta Community Chest Fund b’€1,189,071.53 minn 167 donatur.
Dan il-programm kontroversjali, skont riċerka mill-Parlament Ewropew huwa mifhum li rriżulta f’3,705 persuni li ngħataw iċ-ċittadinanza Maltija.