Ġimgħa qabel il-protesta nazzjonali bl-isema ta’ ‘Xebbajtuna! Bidla fl-Ambjent u l-Ippjanar ISSA!’, seħħet konferenza tal-ħabarjiet quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar minn rappreżentati ta’ diversi komunitajiet u għaqdiet, sabiex isejjħu għal bidliet radikali urġenti f’dak li għandu x’jaqsam mal-ippjanar u l-ambjent.
Hawn sar appell lill-pubbliku sabiex jesprimi d-diżapprovazzjoni tiegħu għal dak li qed iseħħ fl-ippjanar u l-ambjent, u jkun parti mill-protesta nazzjonali nhar is-Sibt 27 ta’ Mejju. Il-kelliema fil-konferenza tal-aħbarjiet tkellmu dwar kif il-komunitajiet madwar Malta u Għawdex qed jitħarrbtu permezz ta’ politiki tal-ippjanar, li qed iħallu wkoll effett negattiv kontinwu fuq l-ambjent naturali.
Apparti minn hekk, saret ukoll referenza għall-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi ma jiffunzjonawx, hekk kif minflok jaħdmu b’risq il-ġid komuni, qed jiffaċilitaw u jaċċelleraw it-tkissir tal-kwalità tal-ħajja madwar pajjiżna. Dan qed isir fl-istess waqt li qed jinqered il-wirt nazzjonali u tintilef il-biodiversità, kollu sabiex ikunu moqdija l-iżviluppaturi.
Minkejja dan, waqt il-konferenza tal-aħbarjiet, intqal li xorta waħda fadal ħafna x’jista’ jissalba, hekk kif sar appell biex wieħed ma jċedix għall-forzi tar-regħba. Hawn saret referenza għall-istanzi fejn il-poplu wera’ l-poter tiegħu meta jkun magħqud u organizzat, u ġġieled għall-bidla effettiva.
Għalhekk, intqal li l-protesta nazzjonali nhar is-Sibt se tkun qed issejjaħ għal bidla bżonnjuża fl-ippjanar li qed iħallu l-effetti tagħhom fuq pajjiżna, għal awtoritajiet indipendenti mill-politiċi u n-negozjanti, flimkien ma’ mudell ekonomiku sostenibbli li ma jkunx dipendenti fuq tkabbir ekonomiku bla rażan.
Intqal li l-protesta nazzjonali Xebbajtuna! se tagħti opportunità lill-poplu sabiex jiġġieled għal dak li ħaqqu: sistema tal-ippjanar li taħdem b’risq il-ġid komuni, u mhux gbiex jixxaħħam il-ġid tal-ftit.
Iktar minn 70 grupp diġà taw l-appoġġ tagħhom għal din il-protesta, fosthom għaqdiet ta’ studenti, gruppi soċjali, kulturali, organizzazzjonijiet ta’ residenti u tal-wirt nazzjonali. Il-lista sħiħa tal-gruppi li qegħdin jappoġġjaw il-protesta s’issa tinsab fuq www.xebbajtuna.org.