Vi jew Va? L-abort f'pajjiżna

L-abort jibqa' suġġett sensittiv għal ħafna, kwistjoni li għal ħafna snin diversi attivisti iġġieldu favur jew kontra. Pajjiżna għandu diviżjoni kbira bejn min ma' jaqbilx u min jaqbel u dan kien evidenti ftit xhur ilu meta tressqet l-emenda tat-terminazzjoni tat-tqala. Filwaqt li din l-emenda mhix se tkun qed twassal biex l-abort jiġi legalizzat, se tkun qed tagħti ċ-ċans lit-tobba jitterminaw tqala f'każ ta' kumplikazzjonijiet serji. Mal-ILLUM jiddiskutu Dott Miriam Sciberras u Dott Andrea Dibben...

Għaliex tgħid ‘le’ għall-abort? 

Titkellem Dott. Miriam Sciberras – Chairperson tal-lifenetwork Malta 

L-abort iwaqqaf ħajja umana li tkun diġà bdiet - għalhekk għandna lkoll inkunu kontrih. Fil-ħajja, hemm għażliet li nagħmlu u nbiddlu, deċiżjonijiet li nieħdu u nbiddlu, oġġetti li nixtru u nibdlu, jew narmu. Meta nitkellmu dwar l-abort, qed nitkellmu fuq il-ħajja, il-ħajja umana ta’ bniedem. L-abort iwaqqaf ħajja umana li diġà bdiet. Bniedem, vulnerabbli, ċkejken, bla difiża, jkollu ħajtu jew ħajjitha meqruda bla ħniena, ħajja abortita. L-abort huwa suġġett li joħloq firda bejnietna. Dan minħabba dak li jagħmel l-abort. L-abort itemm, jew joqtol ħajja umana. 

Madwar id-dinja, nisa li jagħmlu abort huma feruti profondament. Il-maternità u l-paternità huma abortiti. Trawmatizzati iżda ma jistgħux ikollhom id-dwejjaq tagħhom rikonoxxuti f'isem l-għażla jew il-ħtija, miċħuda, dawn l-irġiel u n-nisa jkomplu jinbigħu l-gidba li kollox huwa sewwa, li l-ħajja tkompli u għalhekk ikomplu jbatu fis-skiet. Għaliex? Minħabba li ħajja ġiet abortita u mitmumha, il-ġisem ikun jaf u il-moħħ jaf ukoll. Ghalkemm nidfnu dan l-għarfien, inbiddlu l-isem, niġġustifikaw li jkun ġara u nilagħbu bil-kliem, il-fejqan veru jiġi biss meta nirrikonoxxu dak li ġara, naghrfu lit-tarbija mitlufa u nibkuha. 

L-abort u t-taboo marbut mieghu  

It-taboo dwar l-abort ma jiddependix mil-legalità tal-abort. It-taboo qiegħed hemm minħabba dak li jagħmel l-abort: Lit-tarbija, lill-irġiel, lin-nisa u lill-familji. Iltqajt u tkellimt ma' nisa li għamlu abort f'pajjiżi fejn huwa legali iżda t-trawma tibqa'. Ġimagħtejn ilu biss, kont qed nitkellem ma’ mara, li għamlet abort snin ilu fl-Istati Uniti u kienet qed taqsam l-esperjenza taghha . Qaltli, “fil-mument li ħriġt mill-klinika tal-abort, ħassejt li kollox tajjeb ġewwa fija kien spiċċa”. Qalulha sabiex tkompli b’ħajjitha, li kollox kien se jkun għall-aħjar. Imma hassitha ingannatha. Allura kif ħadet is-snin biex tirkupra? Kif għadha tibki meta tiftakar? Ħassitha mqarrqa mill-liġi, li ma pproteġitiex u ma pproteġietx lit-tarbija taghha. 

L-abort huwa l-akbar abbuż tad-drittijiet tal-bniedem ta’ kull żmien 

Bħala soċjetà, għamilna avvanzi kbar fejn jidhlu drittijiet tal-bniedem. Illum nipproteġu gruppi minoritarji, nipproteġu n-natura mill-isfruttament, għandna liġijiet li jipproteġu l-annimali mill-moħqrija, nipproteġu speċi fil-periklu tal-estinzjoni, nipproteġu s-siġar, saħansitra nipproteġu l-bajd tal-fkieren fuq il-bajja sakemm ifaqqsu u jkunu jistgħu jgħumu lura lejn il-baħar. Dawn huma sinjali ta’ progress, li ta’ min ifaħħarhom.

Iżda fejn tidħol il-ħajja tal-bniedem mhux nimxu bl-istess mod. Naraw l-istandards doppji li nużaw biex niġġustifikaw il-qtil ta’ uliedna stess. Il-bajd tal-fekruna għandu ġewwa fih embrijuni tal-fekruna li nipproteġuhom sakemm ifaqqsu. Madankollu, għandna lobbies li ma jaraw l-ebda problema li jeqirdu embrijun jew fetu uman ġewwa ġuf ommu. X'inhi d-differenza? Għaliex niġġustifikaw din l-inġustizzja? Aħna l-moviment tal-ħajja, aħna favur il-ħajja, il-ħajja f’ kull stadju. Kull ħajja, hi ta’ min hi tghodd u hija unika.  

Naturalment, aħna konxji tar-realtajiet iebsa li n-nisa jiffaċċjaw illum. Naraw il-kollass ta’ soċjetà li tonqos milli tipproteġi lin-nisa u lit-tfal. Naraw kif il-piżijiet qed jintefgħu fuq nies vulnerabbli u familji żgħażagħ. Aħna qrib dawn ir-realtajiet ta’ kuljum għax nimxu ma’ dawn in-nisa u nħossu għal dawn in-nisa u ngħinuhom. 

F’Malta grazzi ghall-gvernijiet, li dejjem taw priorità lis-saħħa, għandna l-aħjar kura tas-saħħa għan-nisa tqal. L-ostetriċi tagħna jagħtu prijorità lill-ħajja tan-nisa u jagħmlu l-almu tagħhom biex isalvaw ħajjithom jekk ikunu fil-periklu, iżda jagħmlu wkoll l-almu tagħhom biex isalvaw il-ħajja tat-tarbija kull meta jkun possibbli. Jirriżulta, anke mill-aħħar każ li kellna fil-midja, li ħajjet is-Sinjura Prudente qatt ma kienet fil-periklu tal-mewt kif intqal! 

L-abort bħala l-qtil intenzjonat dirett tat-tarbija fil-ġuf mhuwiex trattament mediku. Mhux progress, iżda inġustizzja kbira. Hija l-akbar inġustizzja għall-grupp ta’ bnedmin vulnerabbli li qed jiġu ssagrifikati f’miljuni kuljum mad-dinja kollha f’isem ‘l-għażla’.  

Xi darba, din l-inġustizzja tal-abort ghad tispiċċa, l-istess bħal ma spiċċat l-inġustizzja tal-apartheid u tal-iskjavitù. Ir-roti tal-bidla diġà bdew iduru f'dik id-direzzjoni.Sta ghall-Malta li tibqa’ temmen u tistinka, biex il-ħajja ta’ kulhadd tibqa’ tkun protetta mill-konċepiment u sal-mewt naturali taghha. 

Għaliex tgħid ‘iva’ għall-abort? 

Titkellem Dott. Andrea Dibben – Chairperson tal-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa 

Fil-kuntest Malti il-konverżazzjoni fuq l-abort mhix waħda faċli. Hija diskussjoni li tqanqal passjoni, uġigħ, rabja u konfużjoni. Ħafna drabi tkun ifformulata f’opinjonijiet polarizzanti li ma joħolqux spazju għal vuċijiet differenti. Min-naħa għandek attivisti bħali li jemmnu li l-abort huwa kwistjoni fundamentali tad-drittijiet tan-nisa, li l-awtonomija ta’ ġisimna mhix xi ħaġa li tista’ tilleġiżla fuqha, u li dawk li jopponu d-drittijiet tal-abort qed jippruvaw jikkontrollaw lin-nisa. Min-naħa l-oħra, għandek nies li jemmnu li fetu huwa individwu uman l-ewwel u qabel kollox, li ħadd m'għandu d-dritt li jtemm ħajja umana u li dawk li jappoġġjaw id-drittijiet tal-abort huma qattiela bla qalb. 

Però illum li għaddew ħames snin mill-ewwel darba li bħala Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa ippubblikajna il-pożizzjoni tagħna favur l-aċċess għal abort, is-sitwazzjoni f’Malta nbidlet ħafna.  Id-diskussjoni ħadet xejra differenti. Ninduna li hemm grupp ta’ nies li dejjem qed jikber, li mhumiex sodisfatti bid-diskors polarizzanti u dommatiku li s’issa fassal il-kwistjoni. Dawn iċ-‘ċentristi mħassba’ jista’ jkun jemmnu li l-abort huwa moralment ħażin iżda jifhmu wkoll li jista’ jkun hemm ċirkostanzi meta jkun meħtieġ. Forsi jemmnu li l-ħajja tibda mill-konċepiment u li l-abort mhux xi ħaġa li huma personalment qatt ħa jirrikorru għalih u jisperaw li lanqas ħaddieħor ma jirrikorri għalih iżda mhumiex kuntenti bis-sitwazzjoni attwali fejn in-nisa li jagħmlu abort huma kriminalizzati.  

Din it-tweġiba ta’ għalfejn ‘’Iva’’ għal liġi li tiddikriminalizza l-abort ħa nindirizzaha lil dan il-grupp ta’ nies. 

Temmen x’temmen, meta eżattament tibda l-ħajja u meta “grupp ta’ ċelloli” għandhom jitqiesu bħala persuna hija mistoqsija dibattibbli. Anke dawk li jemmnu li mill-konċepiment hemm persuna jafu li t-tqala hija proċess li iktar ma jqarreb lejn it-twelid, iktar issir prezzjuża u li tarbija ffurmata ta’ disa’ xhur jew mwielda mhiex l-istess bħal bajda fertilizzata li fil-verita,’ hemm iktar minn 60% ċans li qatt mhu ħa twassal għat-twelid. Però anka għal dawk li jemmnu li mill-konċepiment hemm tarbija, il-kwistjoni mhijiex iswed jew abjad. 

Illum nafu mir-riċerka li l’fuq minn 400 mara f’Malta tagħmel abort id-dar bil-pilloli u li aktar minn nofshom huma diġà ommijiet. Bħala attivista din ma kinitx xi sorpriża. Smajt biżżejjed stejjer ta’ ommijiet iddisprati għax bilkemm ilaħħqu mal-paga, għax hemm problemi ta’ saħħa, fiżika jew mentali fil-familja, jew għandhom tfal b’diżabilità x’jieħdu ħsieb jew qegħdin fi żwieġ abbużiv li assolutament ma jistgħux iġibu tarbija oħra fid-dinja.  

Dawn in-nisa, iktar minn waħda kuljum, li qed jieħdu din id-deċiżjoni għax iħossu li hija l-aħjar waħda għall-familja tagħhom, ħaqqhom jitqiesu bħala kriminali? Ħaqqhom jiġu maħkumin mill-biża’ u l-anzjeta’ li xi ħadd ħa jsir jaf li xtraw il-pilloli, li xi ħadd ħa jirrapurtahom lil pulizija, jew agħar, li xi ħaġa tmur ħażin u ma jkunux jistgħu jirrikorru għal għajnuna medika?  

U f’dan kollu l-ikbar biża’ tkun li l-pilloli ma jaslux jew ma jaħdmux, u jkollhom jirrikorru għal mezzi iktar drastiċi u perikolużi, jekk m’għandhomx mezzi biex isiefru.  Imbagħad hemm ir-riskji li jieħdu dawk in-nisa li għadhom imorru Sqallija fejn jiġu misruqa bi prezzijiet esorbitanti, fejn ħafna drabi jispiċċaw fi kliniċi li m’humiex reputabbli u fejn jispiċċaw b’kumplikazzjonijiet mediċi għal tul ta’ żmien.   

L-istejjer ta’ tbatija li smajt mingħand tobba u koppji li kienu f’sitwazzjonijiet diffiċli mmens għax kellhom dijanjożi li fetu mhux ħa jgħix hi raġuni oħra għalfejn din il-liġi li ma tippermettix l-abort fl-ebda ċirkustanza hi waħda krudili. F’din iċ-ċirkostanza diffiċli dawn il-koppji jridu jagħżlu bejn li jmorru f’pajjiż ieħor u jħallsu rati għoljin, għand tobba li m’humiex familjari magħhom u jżommu dan is-sigriet anke mill-familji tagħhom jew li jġorru t-tqala sal-aħħar, jgħaddu mill-ħlas biex it-tarbija li jkollhom tgħix għal ftit sigħat, jiem jew ġimgħat biss. 

L-istatistiċi juru biċ-ċar li l-projbizzjoni tal-abort ma taħdimx. Ir-rati ta’ abort huma għoljin f’pajjiżi fejn l-aċċess huwa ristrett filwaqt li naqsu b’pass kostanti fil-pajjiżi żviluppati fejn l-abort huwa sigur u legali. Dawn il-pajjiżi rrikonoxxew li l-uniku mod effettiv biex jiġi evitat l-abort huwa li jinvestu bil-kbir fl-edukazzjoni sesswali u l-aċċess għall-kontraċettivi.  

Il-mistoqsija m’ijiex jekk hux ‘iva’ jew ‘le’ għal abort. In-nisa Maltin ilhom jaċċessaw l-abort u se jkomplu jagħmlu dan irrispettivament mil-liġi. Il-mistoqsija hija dwar jekk irridux inżommu rasna midfuna fir-ramel, niċħdu r-realtajiet tan-nisa u nivvilifikawhom jew jekk irridux niftħu għajnejna, niġbru bażi soda ta’ evidenza u naħdmu lejn liġi ġusta li tissalvagwardja s-saħħa u l-benesseri tan-nisa Maltin. 

More in Socjali