Malta: Poplu żgħir, b’reżiljenza u kuraġġ kbir... 81 sena mill-għotja tal-George Cross

Kuraġġ, devozzjoni u atti erojċi... Dawn huma t-tliet karatteristiċi li ikkonvinċew lir-Re Ġorġ VI biex jagħti lil Malta l-George Cross. Iżda x'kienet is-sitwazzjoni għal ħafna Maltin dak iż-żmien? Għaliex l-istoriku u r-riċerkatur tal-Gwerra jgħid illi Malta kienet l-Ukrajna ta' dak iż-żmien? L-ILLUM tistaqsi... 

Nhar is-Sibt li għadda, ħabat il-81 anniversarju minn meta r-Re Ġorg VI, ħabbar li kien sa jagħti lil Malta unur mill-aktar prestiġġjuż, il-George Cross. Dakinhar, il-15 ta’ April 1942, ir-Re qal li għall-ewwel darba fl-istorja tal-Imperu Ingliż kien se jagħti dan l-unur bħala premju għall-kuraġġ, devozzjoni u atti erojċi li se jibqgħu imfakkra fl-istorja tal-pajjiż. Dan qalu minħabba l-fatt illi dawn iż-żewġ gżejjer, tant ċkejknin f’nofs il-Mediterran, kienu l-aktar ibbombardjati fit-Tieni Gwerra Dinjija, li ntemmet tliet snin wara.  

‘Malta tibqa’ tissielet lura’  

F’perjodu ta’ ftit inqas minn 12-il xahar, bejn l-1941 u l-1942, kienu ħamest iljieli biss li fihom il-Maltin ma semgħux is-sirena biex imorru fix-xelter u jipproteġu ruħhom.  

Kien il-poplu Ġermaniż stess li safa skantat kif Malta baqgħet tiġġieled lura. Fil-pubblikazzjoni ‘War Illustrated’ ġeneral Ġermaniż ġie ikkwotat jagħmel l-istess mistoqsija u jgħid illi, “wara stentejn ta’ gwerra, Malta għadha forti b’saħħitha. Armata sa ruħ ommha.”  

Qabel ma’ nsemmu kif u meta Malta ngħatat il-George Cross ikun tajjeb li nfakkru dak li missirijietna kellhom jgħaddu minnhu biex illum għandna l-libertà li ngħixu ħajja li nixtiequ u fuq kollox x’wassal biex pajjiżna jiġi ippremjat għall-qlubijja, for galantry.  

Għaldaqstant, milnn stħarriġ tal-ILLUM fil-Bibjoteka Nazzjonali ta’ Malta, li fi ħdanha għandha rakkonti u ġabriet uniċi ta’ ġrajjiet li jsawwru l-identità u l-istorja ta’ pajjiżna. Wara sigħat ta’ tfittix qalb il-gazzetti tal-1942, l-ILLUM sabet artiklu ta’ Bernard Gray, korrispondent tal-gwerra li ntbagħat mis-Sunday Pictorial, gazzetta ibbażata ġewwa Londra. Illum din il-gazzetta nafuha bħala s-Sunday Mirror.  

Nhar it-Tnejn 23 ta’ Marzu 1942, it-Times of Malta ippubblikat dan l-istess artiklu – intitolat “Malta tissielet lura” - li kienu qrawh madwar ħames miljun persuna fir-Renju Unit. Gray ipinġi stampa ċara tal-impatti tat-Tieni Gwerra Dinjija f’pajjiżna, kif konna qed niġġieldu lura, l-affaxxinazzjoni li kellu lejn ix-xelters Maltin u l-aħħar fatalitajiet (sa dak il-perjodu) meta bomba laqtet ċinema.  

Gray jirrakkonta li kien qiegħed joqgħod f’lukanda fil-Belt Valletta u tul dan l-artiklu irrimarka diversi drabi dwar it-tifrik tal-kapitali minħabba l-bombi. Dwar l-ibbumbardjar Gray jgħid li meta Malta kienet taffaċċja attakk dawn “mhux biss kienu qed jimpattaw il-bini tal-irħula Maltin, iżda kienu qed jikkawżaw weġgħat kbar. Dan għaliex kull bomba li taqa’ fuq raħal, ifisser telfa ta’ xi membru tal-familja jew ħabib.”  

Qal li għall-Maltin, meta kienu jaraw it-tifrik mhux talli ma kienux jaqtgħu qalbhom “talli kellhom determinazzjoni ikbar biex jirreżistu u jiġġieldu.” Gray sostna wkoll li d-difiża Maltija baqgħet b’saħħitha minħabba l-koordinazzjoni mingħajr xkiel bejn il-piloti li kienu qed jiġġieldu fl-ajru, is-suldati fl-artillerija u gruppi ta’ nies li kienu jqattgħu sigħat twal ifittxu n-nies qalb it-tifrik u l-ġebel.  

Huwa irrakkonta wkoll dwar raid f’ġurnata partikolai u kif fid-daqqa u l-ħin bdiet tiddi s-sirena fit-toroq Beltin. “In-nies kienu fi triqithom lejn ix-xelter jiċċaċċraw. Spiċċajt miexi waħdi fit-triq. Il-Belt kienet vojta għax 90% tal-popolazzjoni tagħha kienet tinsab taħt il-pedamenti tal-franka.” Gray kien affaxxitat bix-xelters Maltin partikolarment dawk li nbnew taħt it-tmexxija tal-Ordni tal-Kavallieri. Minkejja dan, ma setax jifhem kif ċertu familji bnew xelters taħt darhom stess.  

Gray jgħid illi l-aktar attakk riċenti li kien ħalla numru ta’ fatalitajiet kien meta ġie ibbumbarjdat ċinema. Irriżulta wkoll li wara 14-il siegħa ta’ tfittxijja, maqbudin taħt it-tifrik instabu erba’ irġiel tan-navy. Minkejja dan, għalkemm ħasbuhom mejta, dawn kienu għadhom qed jieħdu nifs u kienu biss mitlufin minn sensihom.  

Punt interessanti huwa li lejn l-aħħar ta’ dan l-artiklu, il-korrispondent tal-gwerra innota li għal ħafna, il-ħoss tas-sirena kien ifisser ħaġa, li minkejja l-biża’, din kienet tfisser li kienu se jitwaqqfu aktar Ġermaniżi.  

‘Ma nistgħux nibqgħu ngħixu fil-kisbiet tal-passat... Issa għandna obbligu’  

Minkejja li l-aħbar li se ningħataw il-George Cross sirna nafu biha fil-15 ta’ Marzu 1942, il-preżentazzjoni tiegħu kienet fit-13 ta’ Settembru ta’ dik l-istess sena.  

Bil-bnadar tal-Union Jack u dik Maltija – li dak iż-żmien kienet għadha mingħajr il-George Cross – iprepru, il-Maġistrat Sir George Borg ġie ippreżentat il-George Cross mill-Gvernatur ġdid, Lord John Gort.  

Fid-diskors tiegħu, Borg sostna li ma hemm xejn aktar għal qalb il-poplu Malti u Għawdxi għajr il-libertà. “L-imħabba li għandhom għal-libertà tant hija kbira li ġegħlithom jiġġieldu kontra l-ħakma Ottomana u dik tal-Franċiżi. U hija l-istess imħabba lejn il-libertà li jibqgħu reżiljenti kontra s-sofferenza, sakemm ir-rebħa tkun magħna.” Ironikament, l-istess imħabba lejn il-libertà immotivat lill-Maltin biex jiġġieldu kontra l-ħakma Ingliża wkoll.  

Intant l-eks Gvernatur Sir William Dobbie insista li minkejja li l-għotja tal-George Cross huwa unur, iġib miegħu responsabilità ġdida. “Ma nistgħux nibqgħu ngħixu fuq il-kisbiet tal-passat. Għandna l-obbligu li d-diffikultajiet li jkollna quddiemna irridu naffaċċjawhom fl-ispirtu ta’ dan l-unur, bħala l-ewwel poplu li ngħata l-George Cross.” 

Malta kienet l-Ukrajna ta’ dak iż-żmien 

“Meta nħarsu lejn il-George Cross ma niftakrux lir-Re li tahulna iżda lil dawk il-Maltin li ssieltu għall-ħajjithom u biex ikollna l-libertà li ngawdu minnha llum.” Hekk qal l-istoriku u riċerkatur tal-Gwerra Simon Cusens mal-ILLUM.  

Huwa spjega lil din il-gazzetta li l-kuntest ta’ dak iż-żmien li l-Maltin u l-Għawdxin kienu qed jgħixu ħajja ta’ disprament. “Malta kienet l-Ukrajna ta’ dak iż-żmien. In-nies ma setgħux jaħarbu, jgħixu taħt l-art qishom ġrieden, bla dawl u bla ilma. Il-Maltin kien baqalhom ħaġa waħda biss, il-fidi f’Alla.” Cusens qal li s-sitwazzjoni kienet agħar minħabba l-fatt li dak iż-żmien kolloxkien jasal bil-baħar u l-Ġermaniżi u t-Taljnai kienu qed jibbombardjaw kull konvoj li bdew jaraw.  

Ir-riċerkatur spjega wkoll li l-agħar xahar għal Malta kien proprju dak ix-xahar li ngħatat il-George Cross. F’April kien hemm ġranet fejn mietu 60 jew 70 ruħ, meta l-popolazzjoni kienet nofs dik ta’ llum.   

“F’daqqa waħda l-poplu Malti sar jaf li r-Re irrikonoxxa l-qlubija tagħna u għamel ġest ta’ solidarjetà u ippreżenta midalja rikonoxxuta internazzjonalment ma’ qlubija f’kuntest militari. Din kienet xi ħaġa eċċezzjonali biex jirrikonoxxi l-ġlieda tal-Maltin,” qal Cusens. 

Huwa żied jgħid li dan ma jfissirx li ma kienx hemm popli oħra jiġġieldu bil-qawwa kontra n-Nazzisti u l-Faxxisti iżda s-Sovran għażel li jagħmel ġest mimli simboliżmu. Dwar dan qal li, s-salib għandu ħafna simboliżmu: “Fuqu hemm San Ġorġ fuq iż-żiemel joqtol lid-dragun li jfisser li t-tajjeb jirbaħ fuq il-ħażin. Hemm is-salib ta’ Kristu kif ukoll il-kliem ‘For Galantry’, li bil-Malti m’għandniex termiloġija għaliha iżda tfisser qlubija f’kuntest ta’ kunflitt militari.”  

Cusens qal li r-Re Ġorġ, biex imur oltrè minn hekk, l-ittra li akkumpanjat il-midja ma kinitx miktuba permezz ta’ typewriter iżda kitibha hu nnifsu. “Din kienet turi ċertu umiltà u rispett lejn il-poplu Malti.”  

Sena u nofs wara f’Diċembru tal-1943, ittieħdet id-deċiżjoni mill-Gvern kolonjali li l-George Cross jiġi implimentat fuq il-bandiera ta’ Malta u b’dak il-mod, skont Cusens, il-bandiera tagħti l-għola ġih li l-pajjiż seta’ jagħti lil dawk li ġġieldu għal pajjiżna.  

Il-George Cross, x’relevanza għandu f’Malta ta’ llum?  

Mistoqsi x’relevanza għandu dan is-simbolu, f’Malta ta’ llum huwa qal li r-relevanza huwa sostna li r-relevanza hija waħda kbira u li se jibqa’ jkun relevanti għas-snin li ġejjin.   

Huwa sostna li filwaqt li huwa minnu li s-salib tal-George Cross huwa simbolu kolonjali huwa simbolu Malti wkoll. Insista li l-istorja ta’ pajjiżna ma tista’ tintesa’ qatt, għax dak li hemm fuq il-bandiera – “ir-ruħ ta’ Malta” – jirrakkonta dan.  

“Kull tifel jew tifla ta’ età żgħira li se tistaqsi x’inhu s-salib fuq il-bandiera, se jkollha r-rakkont ta’ dak li Malta għaddiet minnu. Għalhekk l-istorja tibqa’ ħajja,” kompla Cusens.  

Qal ukoll li kuntrarju ta’ gruppi ta’ nies li ma jaqblux ma’ dan is-simbolu, fl-1964, meta Malta saret indipendenti adottajna l-George Cross bħala simbolu Malti. Żied jgħid li filwaqt li dan seta’ kien ta’ impożizzjoni bejn l-1943 u l-1964, meta l-Ingliżi inponewh fuqna, “wara sar xbiha Maltija. L-istess bħalma għamilna s-salib tat-tmien ponot. Dak kien tal-Kavallieri iżda għamilnih tagħna wkoll.”  

Fl-aħħar huwa tenna li permezz tal-George Cross, qed infakkru lil dawk l-10,000 persuna li mietet waqt li bdiet tiġġieled għal pajjiżna.  

“Kif jista’ jkun li l-Ukrajna ma tibqax tiftakar is-sagrifiċċju li qed isir biex isalvaw lill-pajjiż u lill-poplu? L-istess il-Maltin. Ma nistgħux ninsew lill-antenati tagħna,” ikkonkluda Simon Cusens.  

More in Socjali