‘Wara li korrejt ridt inżomm lit-tarbija imma ma ħallewnix. X'inhi l-problema?’

Mhux kulħadd jirreaġixxi l-istess għal aħbarjiet koroh... L-ILLUM tiltaqa’ ma’ omm li tilfet lit-tarbija fl-2016 u tispjega lil gazzetta dak li għinha f’mumenti diffiċli, il-qsim ta’ qalb ta’ meta titlef tarbija u kif jgħaddi kemm jgħaddi żmien, qatt ma tkun l-istess wara t-telfa 

Faċli tgħid li ż-żmien inessi, jekk ma tkunx għaddejt minnha. Għal ħafna ġenituri li tilfu lil uliedhom, kemm jekk hux waqt it-tqala, ta’ età żgħira jew forsi meta kibru, din hija ferita li diffiċli tingħalaq. Il-proċess biex idewwu l-ferita mhix l-istess għal kulħadd. Fil-fatt hekk sostniet Martina Maria Hili, infermiera li qed tistudja biex tilħaq tabib u amministratriċi tal-grupp ‘Miscarriages Malta’ u omm ta’ tliet itfal u anġlu.   

Din il-gazzetta iltaqgħet ma’ Hili u bejn kafè u ieħor hija irrakkontat lill-ILLUM dak li għaddiet minnu meta saret taf bil-korriment, waqt u warajh fl-2016.  

Hili spjegat lil din il-gazzetta li hija kellha żewġt it-tfal u saret taf li kienet qed tistenna tarbija oħra. F’jum partikolari qalet li kienet rat id-demm u marret l-Isptar wara l-ħin.  

“Infurmawni li kienu se jagħmluli ultrasound ieħor l-għada għaliex kellhom makkinarju aktar qawwi. Kliem bħal dan aktar iħawwdek għax tibqa’ taħseb li għad hemm tama, li forsi ma semgħux il-qalb tħabbat għax il-magna mhix tajba,” qalet Hili. Żiedet tispjega li hija m’għandhiex xi tgerger fuq is-servizz tal-qwiebel u l-infermiera b’mod ġenerali iżda naqra iktar ħsieb jagħti aktar ċarezza ta’ x’inhu jiġri, anke jekk is-sitwazzjoni tkun waħda ħażina.   

Wara l-ewwel ultrasound tgħid li qabadha paniku kbir u ħasset li kellha toħroġ mis-sala għal ġol waiting room. B’dispjaċir tinnota li dak il-ħin rat raġel ferħan b’bużżieqa f’idu, lest biex imur jara tarbija li għadha kif titwieled, xena li qasmitilha qalbha.  

Hija tgħid li l-għada ħarġet ma’ uliedha biex tipprova taljena ruħha, iżda sfortunatament bdiet tkorri waqt li kienet barra. Saħqet li sakemm marret l-isptar kienet diġà korriet u kellha tieħu t-tarbija ġo kontenitur.  

‘Ħassejt ħafna enerġija biex neħles bil-kwiet u ma nfixkilx lil uliedi... L-adrenalina bdiet taħdem’  

Hija qalet li l-mument li ndunat x’kien ġara ħakmitha l-adrenalina, mekkaniżmu difensiv biex tipprova ma tfixkilx lil uliedha. Hija qalet li qabel ma marret l-isptar kienet ħadet xi ritratti, illum tgħid li xtaqet ħadet aktar.  

“Li dejqitni ħafna kienet li meta mort fis-sala u rani tabib, sakemm għeni, tajthom it-tazza u minn hemm ma kontx naf x’sar minnu. Illum naf li qiegħed fil-laboratorju. Xtaqt inżomm it-tarbija imma ma ħallewnix. Qatt ma talbuni jekk irridx nerġa’ narah jew irridx nieħu xi ritratti,” qalet Hili.  

Hija sostniet li kien hemm persuni oħra li wkoll talbu li jżommu lil uliedhom u dawn ma ħallewhomx. “Mhux kulħadd ikun irid jidfinhom, hemm min ikun irid jagħmel cremation.”  

‘Ma tista qatt tkompli b’ħajtek qisu xejn mhu xejn’  

Hili saħqet illi kieku tista’, l-espressjoni “moving on” tabolixxiha.  

“Qatt ma tista’ timxi ‘l quddiem normali qisu qatt ma ġara xejn. Din hija l-istess bħal meta taqta’ jdejk. Il-ġerħa tgħaddilek iżda l-marka hemm tibqa’ u tfakkrek f’dak li ġralek. Idejk xorta baqgħet taħdem imma l-feriment xorta sar.” 

Kulħadd huwa differenti għal kif jirreaġixxi għall-problemi u kif jaffaċċjahom. Fil-fatt qalet li għal uħud, li jaqsmu l-esperjenza tagħhom, ma jfissirx li awtomatikament se jħossuhom aħjar. “Jien kien mingħalija li għax titkellem fuq l-esperjenza jgħin fil-proċess ta’ fejqan, iżda hawn ħafna nies differenti. Meta kelli esperjenza li naħdem f’dan il-ward meta kont għadni qed nistudja, iltaqjt ma' sitwazzjonijiet simili.”  

Prova ta’ dan huwa meta stqarret mal-ILLUM li anke hi u żewġha kienu ħadu l-aħbar b’mod differenti. Hija qalet li wara li għadda kollox, hi kienet tippreferi toħroġ biex tgħinha tinsa filwaqt li r-raġel tagħha kien jippereferi joqgħod id-dar għall-kwiet.  

Min-naħa l-oħra tgħid li l-benefiċċju ta’ meta persuna taqsam l-istorja tagħha huwa li diversi nisa oħra jagħmlu l-kuraġġ u jitkellmu huma wkoll. Fil-fatt, ftit ġimgħat ilu l-ILLUM tkellmet mal-attriċi u theatre practitioner Maxine Attard. Attard ukoll tilfet lit-tarbija tagħha u sostniet ma’ din il-gazzetta fuq l-importanza li neliminaw t-tabù u li l-idea li dan mhux suġġett li wieħed jitkellem fuqu. L-ILLUM tinnota b’pożittività n-numru ta’ nisa’ li fil-kummenti qasmu l-esperjenza tagħhom, anke jekk negattiva.  

“Għad hawn stigma meta tkorri u xi kultant taħseb li int waħdek u li ħadd qatt ma ġralu bħalek iżda l-mument li tiftaħ qalbek tibda’ tisma l-istejjer ta’ nies li qatt ma kont taħseb li ġralhom l-istess. Jien kelli membri tal-familja u nies qrib tiegħi li qatt ma kont naf li korrew sakemm ma’ ġratx lili,” qalet Hili.  

‘Qaluli: Kuraġġ, issa jkollok ieħor. Iżda int ma tibdilx lil wieħed ma’ ieħor’  

Hili saħqet li meta korriet xtaqet li mqar kellha persuna li qaltilha li tempatizza magħha. “Kont nixtieq li xi ħadd jgħidli li se jisma' l-weġgħa tiegħi.” Sostniet li dan kien l-istess ħsieb tagħha meta għażlet li tiftaħ grupp fuq Facebook. Hija sostniet li hija protettiva ħafna tal-membri tal-grupp tagħha għaliex temmen bis-sħiħ li dak huwa spazju li huwa iddedikat għalihom biss biex jiftħu qalbhom.  

Hija tmur lura għal dakinhar li tilfet lit-tarbija tagħha meta persuna, bl-aħjar intezjoni u bl-aktar mod ġenwin, kienet avviċinata. “Qaltli, ‘kuraġġ... Issa issa jkollok ieħor.’ Iżda int ma tibdilx lil wieħed ma ieħor. Xejn mhu se jbiddel is-sitwazzjoni.”  

Hili qajmet il-punt li anke jekk diġà jkollok l-ulied qabel ma’ tkorri. Din ma tagħmilx is-sitwazzjoni aħjar. “Hemm min ġieli jfakkarni li għandi żewġt‘itfal oħra u hemm ġieli jfakkruni li jkun hemm min ikollu korriment mal-ewwel darba li jipprova ikollu t-tfal.” 

Sostniet li titlef meta titlef it-tarbija, anke jekk titlifha fil-bidu nett, xorta tibqa’ telfa għax meta ssir taf li qed tistenna tarbija “tkun diġà bnejt idea ta’ ħajja ġdida ġo moħħok u tkun tlift parti mill-futur tiegħek. Kollox jinbidel.”  

‘Huwa tajjeb li qed nagħtu importanza lin-nisa fis-soċjetà iżda l-missirijiet ukoll ibatu’ 

L-ILLUM u Hili issa jitkellmu fuq l-effetti ta’ din it-trawma fuq iż-żewġ ġenituri. Hili tgħid illi huwa tajjeb li n-nisa u l-irġiel ikunu ugwali f’diversi oqsma u għalhekk huwa daqstant importanti li l-missier jingħata l-istess sostenn daqs l-omm.  

Qalet li filwaqt li l-omm qed tipprova taċċetta dak li għadha kif għaddiet minnu, il-missier qiegħed jagħmel l-istess, filwaqt li jipprova jkun ta’ sostenn morali għal martu jew is-sieħba tiegħu. Għalhekk temmen li huma għandhom jingħataw l-istess għajnuna u spazju biex jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom. 

“Ħafna drabi n-nies jistaqsu lill-ommijiet ‘kif inti?’ u s-sieħeb jew sieħba li mhux qed jgħaddu minnha fiżikament, le. Meta morna għand terapista kienet indunat li fil-fatt r-raġel tiegħi kien agħar minni u probabli, li kieku ma ndunatx hi, kien jibqa’ jżomm ġewwa fih,” kompliet tirrakkonta l-omm.  

Fl-aħħar ta’ din l-intervista, Hili sostniet li fil-każ tagħha, hija xorta tgħid li għandha “erbat‘itfal, tlieta minnhom miegħi. Xorta qed nirrikonoxxi t-tarbija li tlift.”  

More in Socjali