Attenti! Jekk xtrajtu dan il-kostum tat-trabi tużawhx minħabba tħassib serju li jista' jifga' lit-tarbija

 Il-korda twila tal-kappa tista’ titħabbel mal-għonq tat-tarbija u tifga' lit-tarbija, twissi l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur

L-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) tixtieq tinforma lill-pubbliku dwar il-perikli tal-kostum tal-Karnival għat-trabi bit-tema ‘Captain America’ tal-marka NeBeans. Il-kostum tat-trabi jiġi b’kappa li għandha korda twila tad-drapp li toħloq riskju ta’ strangolazzjoni.

Dan il-kostum tat-trabi qed jiġi msejjaħ lura peress li dan ma jikkonformax mar-rekwiżiti tad-Direttiva Ġenerali dwar is-Sigurtà tal-Prodotti u l-istandards Ewropej applikabbli. Il-korda twila tal-kappa tista’ titħabbel mal-għonq tat-tarbija u tifga' lit-tarbija.

Minħabba f’hekk, l-MCCAA ħadet passi sabiex tiżgura li dan il-prodott jitneħħa mis-suq lokali. Il-konsumaturi li jkunu xtraw dan il-prodott għandhom joqogħdu lura milli jużawh u, fejn possibbli, jirritornawh għand il-bejjiegħ minn fejn xtrawh.

Il-bejjiegħa huma obbligati li jirrimedjaw lill-konsumaturi, liema rimedju jista’ jieħu l-forma ta’ sostituzzjoni tal-prodott imsejjaħ lura b’wieħed sigur.

 

More in Socjali