Intervista | 'Il-ġejjieni tal-każini ma jistax ikun sostnut biss mid-donazzjonijiet bl-ispejjeż jiżdiedu kif qegħdin'

L-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda tagħlaq il-75 anniversarju tagħha din is-sena. Il-Każini xi rwol jaqdu? Huma marbutin biss mal-festa? X'inhi l-qagħda finanzjarja tagħhom? Għandhom futur? L-ILLUM tistaqsi lil Duncan Brincat, Chairperson tal-Għaqda... 

1. Kieku kellek tiddefinixxi l-irwol ta' Għaqda Mużikali, fil-qosor, xi tgħid li hu? 

Niżbaljaw jekk naħsbu li għaqda mużikali jew każin tal-banda għandu sempliċiment l-irwol li jħaddan ġo fih banda li tieħu sehem fil-festa u attivitajiet oħra li jsiru matul is-sena. Għalkemm l-għan prinċipali huwa dejjem dak li għaqda mużikali teduka l-aspett mużikali lil kulħadd bl-ebda distinzjoni u trawwem aktar għarfien fil-kultura mużikali, l-impenn ta’ każin huwa wieħed purament soċjali li jirfed fis-sinsla ta’ dak li jsawwar komunità. Sa mit-twaqqif tagħhom lura għexieren ta’ snin, il-każini tal-banda servew bħala punt ta’ riferiment għat-tkabbir soċjo-ekonomiku ta’ kull belt u raħal. Illum, għalkemm b’realtajiet ġodda li qegħdin ngħixu fihom, l-għaqdiet mużikali għadhom il-punt ta’ riferiment għal dik li nistgħu nirreferu għaliha bħala l-kultura tassew Maltija. 

2. Kemm taħseb li r-rabta storika u naturali bejn l-għaqdiet u l-festi tal-irħula, jitfgħu lill-każini f'kaxxa, fis-sens li kulħadd jarahom bħala xi ħaġa esklussivament tal-festa? U x'qed tagħmlu biex l-għaqdiet jimirħu f'niċeċ u opportunitajiet ġodda lilhinn mill-festi? 

Huwa fatt magħruf li normalment l-akbar avveniment ta’ kull belt u raħal f’Malta hija l-festa ta’ dik il-lokalità. Stħarriġ xjentifiku li l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda wettqet lura fl-2017 juri li kważi 60% tal-poplu jemmen li l-każini tal-banda huma importanti ħafna għall-kultura Maltija. Sadanittant, bosta minn dawk li wieġbu assoċjaw direttament il-każini mal-festa tal-lokalità. Fl-istess waqt irridu nammettu wkoll li l-għaqdiet mużikali jagħtu sehem importanti ferm fl-organizzazzjoni tal-festi u bl-ebda mod m’hemm ix-xewqa li jsir xi distakk minnhom. Madankollu, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed jikber l-għarfien li l-każini mhux biss ikomplu jsaħħu s-sehem tagħhom f’avvenimenti u inizjattivi oħra, iżda jiżviluppaw aktar fil-fond dak li sa minn twelidhom kienu maħluqin għalih. L-għan primarju tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda huwa dak li naraw il-każini tagħna jiżviluppaw it-tagħlim tal-mużika, isaħħuh b’mod professjonali u b’kurrikulu maqbul komuni, u jagħmluh aktar aċċessibbli għal kulħadd bil-għan li mhux biss jiżdied in-nukleju ta’ bandisti lokali iżda ukoll b’aktar ħiliet u possibilitajiet ta’ avvenimenti differenti minn dawk li mdorrijin bihom. Għal dan il-għan, matul l-aħħar snin, saru diversi inizzjattivi u nfetħu ukoll diversi opportunitajiet ta’ fondi biex jissaħħah dan l-aspett fil-każini. B’sodisfazzjon, illum huma diversi dawk l-għaqdiet mużikali attivi b’avvenimenti kbar matul is-sena u mhux fix-xahar tal-festa biss. Żgur li fadal iżjed fejn naħdmu, speċjalment billi nħarsu lejn inizjattivi ġodda li huma immirati lejn formazzjonijiet bandistiċi differenti u anki lejn iżjed koperazzjoni u ħidma flimkien bejn każini mill-istess lokalità jew lokalitajiet fil-qrib.    

3. Is-sena l-oħra kellkom problema kbira bit-talbiet għal ħlas li bandisti kienu qed jagħmlu minħabba nuqqas ta' bandisti. Kemm għadha problema din? Xi sfida offriet jew qegħda toffri din ir-realtà? 

In-nuqqas ta’ bandisti hija problema reali u li kull każin tal-banda qed jaffaċċa. Dan l-aktar li jinħass huwa meta diversi servizzi ta’ baned jaħbtu fl-istess ħin u ġurnata, b’mod speċjali nsemmu ċertu ġimgħat matul is-Sajf kif ukoll il-Ġimgħa l-Kbira. Tiġi waħidha b’mod ekonomiku li b’domanda għolja u provvista li mhux qed tiżdied, anzi tonqos, il-prezz mitlub ser jogħla. Jekk neħduha minn dan l-angolu, is-soluzzjoni hija bilanċ billi, jew wieħed jipprova jżid il-provvista ta’ bandisti, li iżda minħabba ċ-ċirkustanzi ta’ diversi individwi l-ħin disponibbli għal attivitajiet sar limitat, jew inkella billi tonqos id-domanda. Din tal-aħħar tista’ ssir billi n-numru ta’ bandisti f’banda jiġi limitat għal wieħed aktar adegwat. L-isfida preżenti tal-ħlasijiet titfa’ pressjoni akbar fuq il-każini kollha, li jiddependu fil-maġġoranza assoluta minn fondi li ġejjin minn donazzjonijiet. Għalkemm ma nistgħux ingergru għax huma bosta dawk li jemmnu fil-baned u l-festi tant li dejjem jagħtu bil-qalb, minn naħa l-oħra l-ispejjeż qed jiżdiedu b’mod qawwi ħafna.  

4. Il-Gvern għadu kif ħabbar li se jixtri każin li kien fil-periklu li jittieħed mingħand l-għaqda. X'qed tagħmlu biex tilqgħu għal sfidi legali simili għal dawk f'Raħal Ġdid u Tas Sliema, li jistgħu jinqalgħu fiż-żmien li ġej? 

Irridu nagħmluha ċara li meta l-Gvern qed jixtri każini li jinsabu fil-periklu li jispiċċaw barra mill-propjetà li okkupaw għal diversi snin, dan qed jagħmlu mhux biex jirregalah lill-każin tal-banda partikulari, iżda billi jidħol fi ftehim ma’ dik l-għaqda għal ħlas ta’ kera adegwata. Kienet l-istess Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda li ħeġġet lill-Gvern biex tittieħed azzjoni f’rigward ta’ każini li jew is-sidien kienu qed jitolbu kumpens li kien ser ikun għoli wisq għal dik l-għaqda biex jintlaħaq, jew inkella ma kienx hemm ħsieb ta’ bejgħ. Ilqajna b’sodisfazzjon dan l-impenn li l-Gvern kien ħa, u wisq iżjed nilqgħu l-bidu ta’ dan il-proċess fejn diġà rajna żewġ każini li solvew il-problema li kellhom darba għal dejjem. Fil-lista hemm il-każini l-oħra li applikaw meta kienet saret sejħa apposta, u nistennew li fix-xhur li ġejjin tiġi solvuta ukoll il-kwistjoni rispettiva tagħhom.  

5. Tista' tispjega kif il-każini qed jaqdu irwol ta' skola tal-mużika?  

Bid-differenza ta’ snin ilu, illum il-każini tal-banda qed jaffaċjaw kompetizzjoni kbira mhux biss fejn jidħol it-tagħlim mużikali, iżda anki fl-attivitajiet extra-kurrikulari speċjalment għall-istudenti u ż-żgħażagħ. Minn naħa l-oħra huma diversi l-każini li investew bis-sħiħ fit-tagħlim mużikali li jagħtu. F’ħafna mill-każini llum insibu iżjed minn għalliem mużikali wieħed, ġieli anki erbgħa, li jispeċjalizzaw fl-istrumenti tal-qasba, tar-ramm, tal-perkussjoni u anki fit-teorija. L-iskop ewlieni huwa li t-tagħlim mużikali fil-każin ikun wieħed mill-aktar professjonali, fejn l-istudenti jew allievi jersqu għall-eżamijiet b’distinzjoni. Barra minn hekk, il-każin tal-banda huwa wkoll opportunità għall-istess studenti li jieħdu sehem f’attivitajiet differenti li jsiru matul is-sena b’impenn għalihom u l-komunità kollha. Irrid hawn ukoll insemmi l-aċċessibilità tal-każini tagħna, fejn ħafna minnhom joffru t-tagħlim kollu mingħajr ħlas u sa anki jipprovdu strumenti mużikali b’xejn lill-istess allievi. 

6. Lilhinn mis-sokor, marċi u discos l-element żagħżugħ kemm għadu b'saħħtu fl-operat tal-każini? U l-volontarjat għadu b'saħħtu jew ħa daqqa minn wara l-pandemija li ma rkuprax minnha? 

Inkunu qed nidħqu bina nfusna jekk ma nammettux li d-dinja ta’ madwarna nbidlet xi ftit, u li l-prijoritajiet speċjalment taż-żgħażagħ inbidlu mhux ħażin. Madankollu, dan ma wassalx għal xi tip ta’ djaspora mill-każini tal-banda. Anzi, illum diversi kumitati huma mmexxija minn żgħażagħ jew persuni ta’ età kemmxejn żgħira li trawmu fid-diversi sezzjonijiet jew kummissjonijiet taż-żgħażagħ li twaqqfu fil-każini diversi snin ilu. Ma rridux nassoċjaw liż-żgħażagħ biss mal-marċi, l-entużjażmu u forsi anki xi elementi negattivi. Min hu midħla tal-każini jaf is-sagrifiċċju kbir li diversi persuni, fosthom żgħażagħ, jagħmlu matul sena sħiħa biex jittellgħu diversi attivitajiet fosthom il-festa tal-lokal. Mill-każini ħarġu u għadhom joħorġu mużiċisti ta’ fama, persuni li tgħallmu xi sengħa frott ħidmiethom fl-imħażen tal-armar u l-kmamar tan-nar, u oħrajn f’karigi għolja ta’ amministrazzjoni li tħarrġu fil-kumitati varji li nsibu f’kull każin. Jidher li għalkemm il-volontarjat ħa xi ftit daqqa lura sforz il-pandemija, il-festi tas-sena li għaddiet urew sens ta’ entużjażmu mġedded, li jġgħielna nħarsu ’l quddiem b’mod pożittiv. Fadal x’isir u fadal x’naħdmu biex inkomplu nressqu iktar żgħażagħ lejn il-każini tal-banda u dan nemmnu li għandu jsir billi jkunu konxji ta’ dak li jseħħ ġewwa fihom.    

7. Kemm tara li r-relazzjoni bejn l-għaqdiet mużikali u l-Knisja hija b'saħħitha? Kemm tħoss li huwa kruċjali li din ir-relazzjoni tkun waħda b'saħħitha? 

Ir-relazzjoni bejn l-għaqdiet mużikali u l-Knisja hija waħda li tmur lura bosta snin. Hija affinità li nibtet bis-sehem li l-każini dejjem taw f’kull okkażjoni ekkleżjastika fil-bliet u l-irħula, b’mod speċjali fil-ġranet tal-festa. Dan l-impenn huwa wieħed li għadu validu sal-lum il-ġurnata, u allura ma jistax ikun li żewġ entitajiet distinti li jaħdmu flimkien ma jkollhomx taħdidiet u arranġamenti flimkien. Nistqarru li f’dawn l-aħħar snin din ir-relazzjoni kienet waħda tajba tant li bħala Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda ħdimna flimkien matul il-perjodu tal-pandemija, kif ukoll fl-applikazzjoni ta’ Malta biex il-festa Maltija tkun rikonoxxuta bħala wirt dinji intanġibbli mill-UNESCO. 

8. Finanzi: X'inhi s-sitwazzjoni tal-każini in ġenerali, speċjalment għaqdiet f'irħula fejn d-donazzjonijiet u s-sens ta' komunità mhumiex daqsrant kbar? 

Ir-realtà tal-każini, għalkemm simili, mhux l-istess f’lokalitajiet differenti. Jidher ċar li d-donazzjonijiet għadhom jidħlu, li n-nies għadha mħeġġa lejn il-każini tal-banda u lejn il-festi. Każini f’komunitajiet ġodda fejn is-sens ta’ appartenenza huwa wieħed iżgħar, irnexxielhom jidħlu f’niċeċ partikolari li permezz tagħhom daħlu sehem ta’ nies ġodda. Nemmnu bis-sħiħ iżda li l-vijabilità fil-ġejjieni tal-każini tal-banda ma tistax tkun sostnuta biss mid-donazzjonijiet. Hemm bżonn li jkun hemm dħul alternattiv ieħor, anki għaliex l-ispejjeż dejjem jiżdiedu, u l-ħidma amministrattiva li hemm bżonn qed tirrekjedi ħafna sigħat ta’ xogħol volontarji.  

9. Finalment, x'inhuma l-proġetti li għandkom fil-pjanijiet tagħkom għas-snin li ġejjin? 

Matul din is-sena l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda qed tiċċelebra l-75 anniversarju mit-twaqqif tagħha. Bħalissa ninsabu għaddejjin bil-ħidma neċessarja biex jittella’ kunċert sinfoniku ċelebrattiv bl-isem ‘Laudate Dominum in sanctis eius’ nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Frar fis-7.30pm fil-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann taħt il-patroċinju distint tal-President ta’ Malta, l-Eċċellenza George Vella. Il-banda sinfonika, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Taljan Giampaolo Lazzeri, ser tkun magħmulha minn għadd ta’ mużiċisti li ħadu sehem f’numru ta’ masterclasses professjonali organizzati mill-istess Għaqda u li saru fl-aħħar xhur minn tutors barranin. Dan il-proġett kien rigal ieħor li l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda tat lill-baned u lill-mużiċisti Maltin, b’opportunità li jitħarrġu u jikbru aktar fl-aspett mużikali. Għalkemm iż-żminijiet inbidlu, jidher ċar li l-prijoritajiet u l-bżonnijiet tal-każini baqgħu tal-istess xorta. Nemmnu li wasal iż-żmien li l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda tingħata rikonoxximent legali sabiex dan is-settur kulturali jiġi amministrat aħjar, b’konformità u anki iżjed għajnuna lill-għaqdiet mużikali. Dan anki billi jissaħħaħ l-element tat-tagħlim tal-mużika speċjalment bl-implimentazzjoni ta’ kurrikulu nazzjonali komuni. Finalment, l-għan tal-Għaqda huwa dak li tkompli tressaq il-każini lejn in-nies u n-nies lejn il-każini, għaliex mingħajr l-eżistenza ta’ dawn l-għaqdiet komunitarji fil-lokalitajiet tagħna nkunu tlifna s-sens ta’ appartenenza li huwa tant importanti fl-aspett soċjo-ċiviku ta’ pajjiżna. 

More in Socjali