Ħallewna matul l-aħħar sena iżda l-marka tagħhom fl-istorja tibqa’ għal dejjem
L-ILLUM issellem il-memorja ta’ diversi personaġġi u personalitajiet li ħallew din il-ħajja bejn Diċembru 2021 u Diċembru ta’ din is-sena, kemm Maltin u anke barranin. Anke jekk ma għadhomx magħna, il-marka li ħallew fl-istorja tgħix għal dejjem

minn Yendrick Cioffi

Betty White
Fl-aħħar jum tas-sena 2021, tħabbret il-mewt tal-attriċi ta’ fama mondjali, Betty White, fl-età ta’ 99 sena
Hija kienet maħbuba ħafna għall-karattru qalbieni tagħha u għall-fatt li dejjem, għamlet x’għamlet, dejjem rat li t-tferraħ lin-nies.
White kellha karriera mżewqa sew f’bosta rwoli televiżivi imma l-aktar wieħed li baqgħet l-aktar magħrufa għalih huwa dak fis-serje Golden Girls fl-irwol tagħha ta’ Rose.

Paulina Dembska
Is-sena ma tantx bdiet tajjeb. Fit-2 ta’ Jannar, kmieni mas-sebħ, instabet mejta Paulina Dembska, l-ewwel vittma ta’ femiċidju matul din is-sena.
Dembska kella biss 29 sena u kienet Pollakka. Hija nstabet mejta fi Ġnien l-Indipendenza f’Tas-Sliema.
Fuq ġisimha kienu nstabu marki ta’ vjolenza u qabel inqatlet kienet ġiet stuprata.
Abner Aquilina, żagħżugħ ta’ 20 sena kien arrestat b’rabta ma’ dan il-femiċidju hekk kif wara li allegatament qatel lil Dembska, huwa daħal fil-knisja tal-Balluta u qajjem kommossjoni.

Victor Calvagna
Fil-bidu tas-sena miet it-tabib maħbub Victor Calvagna. Il-mewta tiegħu ħasdet lil bosta hekk kif hu miet biss ġimgħa wara li ttajjar minn karozza fil-Qawra madwar ġimgħa qabel.
Calvagna kien il-fundatur ta’ Puttinu Cares u f’ħajtu għamel biss ġid.
Huwa miet fl-età ta’ 63 sena fl-4 ta’ Jannar.
Chris Scicluna
Fit-18 ta’ Frar, tħabbret il-mewt tal-kantant Chris Scicluna.
Huwa kien ikanta ma’ martu Moira u flimkien kienu rrappreżentaw lil Malta fil-Eurovision Song Contest fl-1994 bil-kanzunetta More than Love.
Fl-1999, huma reġgħu rritornaw fil-Eurovision meta kitbu l-kanzunetta tat-trio Times Three, Believe in Peace. Dakinhar huma kienu backing vocalists mat-tliet kantanti Maltin.
Scicluna kellu 62 sena.
Rita Ellul
Qtil ieħor li xxokja lil bosta, speċjalment lill-Għawdxin, kien dak ta’ Rita Ellul. Ellul kienet instabet mejta f’residenza f’Għajnsielem fis-26 ta’ Frar.

Is-sieħeb tagħha, Lawrence Abina kien arrestat mill-Pulizija u akkużat bil-qtil tagħha.
Ellul kienet inqatlet fgata. Hija kellha 49 sena.
Tony Zarb
Fid-29 ta’ Mejju, miet Tony Zarb fl-età ta’ 68 sena.
Zarb serva għal 17-il sena bħala Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union, bejn l-1998 u l-2015.

Fl-2020, Tony Zarb inħatar bħala Segretarju tal-Għaqda Pensjonanti fi ħdan il-General Workers’ Union.
Huwa jibqa’ mfakkar bħala wieħed mill-aqwa trejdjunjonisti li qatt kellu l-pajjiż.
Shinzo Abe
L-eks Prim Ministru Ġappuniż, Shinzo Abe, tilef ħajtu wara li qala' tiri ta' arma tan-nar.

Huwa ġie milqut b'żewġ tiri waqt li kien qiegħed jitkellem waqt attività ta' kampanja elettorali ta' kandidat fil-belt ta' Nara.
Il-qtil seħħ fit-8 ta’ Lulju. Abe kellu 67 sena.
Olivia Newton John
Fit-8 ta’ Awwissu kienet tħabbret il-mewt tal-attriċi u kantanta Olivia Newton John fl-età ta’ 73 sena.
Hija tibqa’ rinomata għall-parti prinċipali ta’ Sandy fil-film Grease fl-1978 flimkien mal-attur John Travolta.
Hija kellha battalja twila mal-kanċer tas-sider u dejjem ħadmet biex ixxerred il-kuraġġ fost dawk li bħala kienu għaddejja minn din il-marda.
Michael Gorbachev
Fit-30 ta’ Awwissu tħabbret il-mewt tal- eks mexxej tal-Unjoni Sovjetika Mikhail Gorbachev.
Gorbachev kellu 91 sena, u kien ilu żmien twil marid.

Ħafna jiftakru l-laqgħa storika li saret f'Malta fl-1989 bejn Gorbachev u l-President Amerikan eżatt wara l-waqa’ tal-ħajt ta’ Berlin.
Fis-summit ta’ Malta, Bush u Gorbachev kienu qablu biex itemmu dik li kienet tissejjaħ il-Gwerra Bierda. Mikhail Gorbachev kien ingħata wkoll il-Premju Nobel għall-Paċi.
Ir-Reġina Eliżabetta II
Jekk kien hemm mewta li waqqfet dinja, bla dubju kienet dik tar-Reġina Eliżabetta II.
Ir-Reġina mietet fl-età ta’ 96 sena fil-palazz ta’ Barmoral fl-Iskozja fit-8 ta’ Settembru. F’Ġunju li għadda, ir-Renju Unit u l-Commonwealth li tagħha Malta hi membru, iċċelebra s-70 anniversarju minn meta saret Reġina, anniversarju li l-ebda Re jew Reġina fl-istorja ma ċċelebra.
Hija qattgħet snin miż-żgħożija tagħha f’Malta ma’ żewġha l-Prinċep Philip id-Duka ta’ Edinburgh.

Hija kienet ir-Reġina ta’ Malta sakemm Malta kisbet ir-Repubblika fl-1974. Hija baqgħet tgħożż f’qalbha lil Malta u tisħaq li ż-żmien li qattgħet f’Malta kien fost l-isbaħ f’ħajjitha.
Il-funeral tagħha, mifrux fuq għaxart ijiem, kien segwit minn miljuni kbar u dan apparti l-eluf li marru Londra.
Angela Lansbury
Id-dinja taċ-ċinema tilfet ukoll lil Angela Lansbury attriċi maħbuba minn bosta, b’mod partikolari għall-parti ta’ Jessica Fletcher fis-sensiela Murder, She Wrote (La Signora in Giallo).
Lansbuty ħadmet f’din is-sensiela bejn l-1984 u l-1996. B’kollox kien hemm 264 episodju.

Kienet kisbet ukoll suċċess għall-parti li ħadmet fil-film Bedknobs and Broomsticks. Hija wkoll il-vuċi tal-karattru ta’ Mrs Potts fil-film Beauty and the Beast.
Hija mietet fil-11 ta’ Ottubru.
Robbie Coltrane

Fl-14 ta’ Ottubru, miet Robbie Coltrane, fl-età ta’ 77 sena.
Huwa jibqa’ magħruf l-aktar għall-irwol tiegħu ta’ Hagrid fil-films ta’ Harry Potter u kif ukoll għat-tele-serje Cracker.
Robert Arrigo
Mewta oħra li ħasdet lill-bosta kienet dik ta’ Robert Arrigo, eks Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Arrigo miet fit-18 ta’ Ottubru fl-età ta’ 67 sena wara xhur jissielet il-marda tal-kanċert. Meta miet, huwa kien għadu Deputat u Kelliem tal-Oppożizzjoni.

Huwa kien politiku maħbub ħafna speċjalment fil-lokalità tiegħu ta’ Tas-Sliema. Fil-fatt, beda l-ħajja politika tiegħu bħala Sindku ta’ din il-lokalità fl-1994 u ġie elett għall-ewwel darba fil-Parlament fl-2003.
Huwa kien ukoll President tal-club tal-futbol ta’ Sliema Wanderers.
Patri Marius Zerafa
Fit-23 ta’ Ottubru miet Patri Marius Zerafa. Huwa kellu 93 sena.
Patri Marius, kien in-neputi tal-eks Prim Ministru Sir Paul Boffa u jibqa’ mfakkar bħala studjuż kbir u bniedem ta’ kultura.

Magħruf l-aktar għax kien irnexxielu jirkupra l-pittura ta’ San Ġlormu ta’ Caravaggio wara li kienet insterqet mill-Kon Katidral ta’ San Ġwann nhar id-29 ta’ Diċembru tal-1984.
Għal żmien twil, Patri Marius kien direttur tal-mużewijiet f’Malta.
Karmenu Mifsud Bonnici
Kmieni mas-sebħ tal-5 ta’ Novembru, miet l-eks Prim Ministru ta’ Malta Karmenu Mifsud Bonnici. Huwa kellu 89 sena.
Huwa serva bħala d-disa’ Prim Ministru ta’ Malta bejn Diċembru 1984 u Mejju 1987.
Anke jekk dam inqas minn tliet snin Prim Ministru, huwa serva fi żmien diffiċli mmens għall-pajjiż inkluż taqlib u ġlied politiku.

Mifsud Bonnici kien baqa’ mexxej tal-Partit Laburista u tal-Oppożizzjoni sal-elezzjoni tal-1992.
Bosta faħħru l-karattru ġeneruż tiegħu u anke l-karità li kien jagħmel ma’ bosta, inkluż dawk li jfittxu s-servizz tiegħu bħala avukat.
Tony Abela
Ħasdet bosta l-aħbar tal-mewt għall-għarrieda tan-Nutar Tony Abela li miet fit-8 ta’ Novembru 2022.
Huwa kellu 66 sena. Abela kien Deputat Nazzjonalista u Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru bejn l-2003 u l-2008.

Huwa kien elett għall-ewwel darba fil-Parlament fl-1987.
Abela kien ukoll President tar-Rabat Ajax.
Bernice Cilia
Qtil li ħasad u waqqaf pajjiż kien dak ta’ Bernice Cilia li seħħ fit-22 ta’ Novembru.
Cilia, omm ta’ żewġt itfal żgħar, kellha 40 sena.
Hija nqatlet b’żewġ tiri f’Kordin, ftit ‘il bogħod mill-post tax-xogħol tagħha.
Dan kien l-aħħar każ ta’ femiċidju li seħħ f’Malta din is-sena. L-eks raġel ta’ Cilia ġie arrestat mill-Pulizija u tressaq akkużat bil-qtil tagħha.



