Ikomplu x-xogħlijiet fuq il-kampus tal-ITS 'li se jtejjeb il-prodott turistiku ta' pajjiżna'

Il-Ministru Clayton Bartolo qal li dan il-bini se jkun pedament li jkompli jinkoraġixxi l-istudenti biex jagħżlu l-ospitalità

Il-Prim Ministru Robert Abela żar ix-xogħlijiet tal-kampus il-ġdid tal-ITS fi Smart City, fil-Kalkara hekk kif bdew ix-xogħlijiet fuq dan is-sit. Abela qal li dan il-kampus li fih se jkun jista' jilqa' 2,500 student, se jfisser esperjenza ta’ kwalità għall-istudenti, b’faċilitajiet li se jissarfu f’aktar korsijiet speċjalizzati li jippreparaw il-ħaddiema futuri għall-bżonnijiet tal-industrija tat-turiżmu f’pajjiżna. 

Dan Il-kampus il-ġdid, b’investiment ta’ €60 miljun ko-finanzjat minn fondi Ewropej, jinkludi fost oħrajn 58 klassi, tliet restoranti, tliet bars u kafetterija għat-taħriġ flimkien ma’ 21 laboratorju speċjalizzat u librerija. Il-proġett jaħseb ukoll fil-faċilitajiet neċċessarji għal aktar minn 300 membru tal-istaff, 400 spazju ta’ parkeġġ flimkien ma’ sala li tesa’ aktar minn 300 persuna. Faċilitajiet oħra li se jagħmlu dan il-kampus wieħed state-of-the-art jinkludu indoor pool addattat għat-taħriġ tal-għads flimkien ma’ ċentru tal-isports. 

"Bl-investiment, irridu ngħollu s-servizz, b’dan il-kampus il-ġdid tal-ITS se jkompli jtejjeb il-prodott turistiku li toffri Malta," sostna l-Prim Ministru. 

Abela żied jgħid li filwaqt li qed jinħolqu oqsma ġodda, huwa essenzjali li jinżammu b’saħħithom dawk l-oqsma li dejjem rendewlna bħala pajjiż. Filfatt, sa Settembru diġà ġew f’pajjiżna 1.8 miljun turist li nefqu f’pajjiżna €1.5 biljun. Bit-turiżmu kellu ukoll kontribut importanti f’dawk li huma impjiegi, bir-ristoranti u lukandi ħolqu wieħed minn kull ħames impjiegi ġodda li kellna din is-sena flimkien ma’ żieda ta’ 700 impjieg part-time fl-istess settur. 

Min-naħa tiegħu l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo spjega li l-ITS matul is-snin ħadmet ħafna biex l-edukazzjoni turistika tagħmel il-qabża fil-kwalità. “Nemmnu li l-bini ta’ dan il-kampus ser ikun pedament b’saħħtu li permezz tiegħu inkomplu nħeġġu iżjed żgħażagħ jagħżlu l-ospitalità bħala karriera ewlenija. Anċillari mal-bini ta’ dan il-kampus qegħdin inwelldu skola ta’ taħriġ proprju fi ħdan l-ITS biex permezz tagħha nagħtu spinta għad-domanda eżistenti li għandna fl-industrija billi nħarrġu u nsaħħu l-għodod lokali fil-lukandi u r-restoranti tagħna.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-ITS Pierre Fenech tenna li dan l-investiment se jagħti l-possibbiltà li l-ITS tkompli tinvesti f’korsijiet ġodda u innovattivi. Spjega li għal dawn l-aħħar tliet snin, l-ITS kellha rekord ta’ studenti ġodda u sostna li “ninsabu kunfidenti li ladarba nimxu lejn il-kampus il-ġdid tagħna dawn in-numri se jiżdiedu b'rata aktar mgħaġġla. Diġà għandna impenji min-numru ta’ istituzzjonijiet barranin, li jridu jibagħtu lill-istudenti tagħhom ikomplu l-istudji tagħhom hawn Malta.”

More in Socjali