Għandek laptop użat? Il-Malta Trust Foundation qed tiġborhom għal 300 student żvantaġġat

Il-Fondazzjoni tappella biex kumpaniji u familji Maltin jagħtu donazzjoni biex jipprovdu futur aħjar lil dawn it-tfal

Riċerka li sar għal The Malta Trust Foundation is-sena li għaddiet indikat li 11% tat-tfal u żgħażagħ f'Malta, jiġifieri madwar 6,000 żagħżugħ u żagħżugħa, fis-sistema edukattiva m'għandhomx biżżejjed apparati elettroniċi jew saħansitra m'għandhom xejn. Permezz tal-proġett tagħha “Your Device, Your Right”, The Malta Trust Foundation timmira li tipprovdi latops/tablets second-hand – li jiġu mnaddfa mid-data u rranġati – lil tfal żvantaġġati ta’ kull etá, biex ikunu jistgħu jkomplu bl-edukazzjoni tagħhom.

Il-proġett jimmira wkoll li jnaqqas l-iskart elettroniku, filwaqt li jikkontribwixxi għall-ekonomija l-ħadra u s-sostenibbiltá.

Il-Fondazzjoni tirċievi riferimenti għal studenti minn Kapijiet tal-Kulleġġi u minn NGOs. Fil-preżent għandha lista ta’ stennija ta’ madwar 300 student li għandhom bżonn laptop. 

Il-Fondazzjoni tgħid li din hija emerġenza hekk kif fid-dinja ta' llum mhux possibli li pajjiżna jkollu faqar diġitali. Il-ħiliet u l-iżvilupp edukattiv tat-tfal u ż-żgħażagħ li ma jkollhomx aċċess għal lezzjonijiet online u biex ikunu jistgħu jagħmlu x-xogħol tad-dar se jkomplu jiġu mfixkla jekk ma jirċevux laptop. Apparti minn hekk il-Fondazzjoni tfakkar li permezz ta' dawn l-apparrati, iż-żgħażagħ żvantaġġati jistgħu jidħlu f’impjiegi produttivi u b'garabzija ta' qligħ fil-futur.

F’dan il-kuntest The Malta Trust Foundation qiegħda tappella lill-kumpaniji, negozji u familji biex jagħtu b’donazzjoni l-laptops użati. In-negozji jaġġornaw regolarment l-apparat teknoloġiku tagħhom, u din tista’ tkun opportunitá għalihom biex jestendu r-responsabbiltajiet korporattivi tagħhom.

Min jista’ jassisti lil dawn it-tfal hu mistenni jikkuntattja The Malta Trust Foundation fuq [email protected] biex jiftiehem id-dettalji dwar il-konsenja jew il-ġbir tal-laptops. Hu ġentilment mitlub biex mal-laptop jingħata wkoll iċ-charger.

More in Socjali