Malta jista' jkollha l-ewwel park arkeoloġiku b’baħar fond fid-dinja; Il-Malta Airport Foundation tassisti dan il-proġett

Il-Malta Airport Foundation qed tassisti lil Heritage Malta biex ikun studjat aktar sit arkeoloġiku f'qiegħ il-baħar, ftit 'il barra mix-Xlendi li jinkludi eluf ta' artefatti ta' żmien il-Puniċi

Ritratt: D. Gration/Tower Wreck Project
Ritratt: D. Gration/Tower Wreck Project

Il-Malta Airport Foundation qed taħdem id f’id ma’ Heritage Malta bil-għan li tiddikjara sit f’qiegħ il-baħar bħala l-ewwel park arkeoloġiku f’baħar fond fid-dinja.

Is-sit jinsab ftit ‘il barra mill-Bajja tax-Xlendi, f’fond ta’ 105 metri u ġie skopert fl-1993, jiġifieri 29 sena ilu. F’dan is-sit instab materjal ta’ żmien il-Puniċi u hu mifrux fuq medda ta’ 67,000 metru kwadru.

Bħalissa, it-Taqsima tal-Wirt Kulturali ta’ Qiegħ il-Baħar fi ħdan Heritage Malta għaddejja bl-istudji tagħha bil-għan li jkun stabbilit x’wassal għall-ħolqien ta’ dan is-sit meqjus uniku u anke biex issir dokumentazzjoni tal-post u l-artefatti li jinsabu fih. Għal dan il-għan qed jintużaw mezzi innovattivi li ma ntużaw imkien ieħor.

Fost l-affarijiet li nstabu f’dan is-sit hemm anfori u anke urni li jmorru lura mal-2,300 sena. Dan apparti l-wirt naturali ta’ blat iffurmat minn sikek tal-qroll estinti.

Iċ-Chairperson tal-Malta Airport Foundation, Josef Formosa Gauci qal li huwa unur għall-Fondazzjoni li qed tipparteċipa fi proġett bħal dan, li fi kliemu, se jkun qed jattira lejn Malta u Għawdex bugħaddasa tekniċi u anke riċerkaturi internazzjonali

“Il-Fondazzjoni biħsiebha wkoll tgħin lil Heritage Malta biex tressaq dan il-proġett qrib nies li la huma bugħaddasa u lanqas riċerkaturi iżda li jixtiequ jitgħallmu iżjed dwar l-istorja tal-Gżejjer Maltin permezz tal-wirt kulturali tagħna f’qiegħ il-baħar,” kompla Formosa Gauci.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit qal li l-aġenzija se tkompli taħdem fuq proġetti bħal dan mhux biss biex ikun protett il-wirt nazzjonali iżda biex kemm jista’ jkun dan ikun aċċessibbli, anke virtwalment għal dawk li jridu mhux biss igawduh imma anke jistudjaw aktar dwaru.

Fl-istess proġett qed tipparteċipa wkoll l-Università ta’ Malta u anke s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. L-artefatti kollha qed jiġu ppreservati taħt il-baħar stess anke skont l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Ħarsien tal-Wirt Kulturali ta’ Qiegħ il-Baħar, li ġiet ratifikata minn Malta.

Ritratt: D. Gration/Tower Wreck Project
Ritratt: D. Gration/Tower Wreck Project

Anke jekk dawn mhux se jittellgħu, il-lok preċiz ta’ kull artefatt u anke t-tagħrif kollu dwaru qed ikun irreġistrat geodatabase biex ikun aċċessibbli.

L-istess sit se jkun aċċessibbli permezz ta’ filmati, ritratti u mudelli 3D fis-sit elettroniku ta’ Underwater Malta, li hu mużew virtwali tas-siti arkeoloġiċi f’qiegħ il-baħar madwar il-Gżejjer Maltin. 

Fil-Torri tax-Xlendi se jkun hemm ukoll wirja permanenti li mistennija tinfetaħ għall-pubbliku s-sena d-dieħla.

More in Socjali