'Il-professjonisti fis-settur tas-saħħa huma s-sinsla tas-servizz li rridu nibqgħu nsaħħu' - Robert Abela

Waqt laqgħa mal-Prim Ministru l-President tal-MUMN fakkar li investiment fil-qasam tas-saħħa huwa investiment fin-nies

F'laqgħa ta' qabel il-Baġit mal-Unjin għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) il-Prim Ministru Robert Abela qal li fis-settur tas-saħħa, mhux biss dejjem jeħtieġ sens ta' tmexxija, iżda anke riżorsa umana b'saħħitha u għalhekk sostna li l-Gvern huwa kommess li jibqa' jsaħħaħ dan. Żied li jqis lill-professjonisti fil-qasam tas-saħħa bħala s-sinsla tas-servizz li jrid jibqa' jkun wieħed b'saħħtu, "kif wera li hu fost l-aqwa fid-dinja speċjalment waqt il-pandemija." 

Abela qal li għaż-żmien li ġej, il-prijorità se tkun il-prevenzjoni tal-mard u l-użu tax-xjenza biex bħala pajjiż nevitaw kumplikazzjonijiet ta’ saħħa matul il-ħajja.

Mal-MUMN il-Prim Ministru rrefera għax-xogħol li qed isir fl-Isptar Monte Karmeli, fejn qed tingħata kura speċjalizzata b’numru iżgħar ta’ pazjenti."Irridu wkoll nagħtu spinta lill-isptar il-ġdid għall-kura psikjatrika akuta li se jiġi ffinanzjat minn fondi li Malta kisbet mill-Pjan ta’ Rkupru," żied Abela.

Spjega wkoll li l-ħaddiema qed jinżammu fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet li qed jieħu l-Gvern fosthom anke biex bħala pajjiż nilqgħu għall-impatti minn dak li għaddej fuq livell internazzjonali.

F’dan il-kuntest, il-President tal-MUMN Paul Pace tkellem dwar il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tas-saħħa u fisser li investiment fil-qasam tas-saħħa, huwa investiment fin-nies.

More in Socjali