Kwart tal-poplu jħoss li l-Covid-19 affetwatu ħażin mentalment... Iż-żgħażagħ u l-ħaddiema l-aktar affetwati

Il-Covid ħalliet ħafna mrar warajha, mhux l-inqas problemi ta' saħħa mentali. Fil-fatt sondaġġ xjentifiku ta' din il-gazzetta juri illi 25.4% jħossu li l-pandemija laqtithom ħażin jew ħażin ħafna, psikoloġikament... 

Għalkemm il-Covid-19 tekinikament għaddiet għax ħadd jew ftit li xejn għadna niddiskutu l-pandemija - anke jekk fil-fatt dan il-virus baqa' magħna bħal bosta oħrajn - l-effetti li ħalla fuq is-saħħa mentali għadhom hawn. Anzi, sondaġġ xjentifiku tal-gazzetta ILLUM juri illi l-Covid-19 ħalliet prattikament diżastru warajha f'dan l-aspett hekk kif persuna minn erba' li pparteċipaw sostnew illi l-pandemija affetwathom ħażin jew saħansitra 'ħażin ħafna' mil-lat ta' saħħa mentali.  

Fil-fatt mistoqsijin kif iħossu li affetwathom il-pandemija kienu b'kollox 18.6% li qalu illi l-pandemija laqtithom b'mod ħażin minn aspett ta' saħħa mentali, persentaġġ li jinżel għal 6.8% fost dawk li qalu illi saħansitra l-pandemija laqtithom 'ħażin ħafna'. Dan ifisser illi 25.4% qed jammettu li l-pandemija laqtithom b'mod ħażin mentalment.  

Is-sitwazzjoni hija aktar inkwetanti hekk kif l-74.6% l-oħra, ma qalux illi ma affetwathom xejn, imma huma maqsumin b'maġġoranza ta' 40.2% jwieġbu li mil-lat ta' saħħa mentali, lilhom il-pandemija laqtithom "ftit li xejn." Kienu biss 34.3% dawk il-parteċipanti fis-sondaġġ illi qalu illi psikoloġikament il-pandemija ma laqtithom assolutament xejn.  

Interessanti ħafna huwa dak li imbagħad jirriżulta mill-etajiet. Huwa ċar li għalkemm il-persentaġġi ta' dawk li ġew affetwati mil-lat ta' saħħa mentali dejjem kien qrib jew qabeż l-20%, dawk li huma ta' età iżgħar iktar qalu li l-pandemija affetwathom mil-lat ta' saħħa mentali. Dan jista' jkun li huwa riżultat dirett tal-fatt li l-waqfien mill-ħajja soċjali, ħruġ u saħansitra ċ-ċaqlieqa tal-post tax-xogħol - mill-uffiċċju għad-dar, affetwa l-aktar liż-żgħażagħ u lill-popolazzjoni li għandha impjieg.  

Fil-fatt b'30.7%, is-settur tal-poplu illi fih l-aktar li hemm ħaddiema - jiġifieri dak tal-persuni bejn 36 u 50 sena - huwa l-aktar li qal illi l-pandemija affetwathom ħażin (21%) jew ħażin ħafna (9.7%). It-tieni settur bl-ogħla persentaġġ kien dak taż-żgħażagħ u allura illi fostu hemm ħafna li kellhom jieqfu mill-istudju u l-ħidma fil-klassi fejn 27.3% qalu illi ntlaqtu ħażin (18.2%) jew ħażin ħafna (9.1%). L-inqas illi qalu li l-pandemija affetwathom mentalment kienu dawk bejn il-51 u l-65 sena (19.5%) u dawk ta' 65 sena u aktar (23.4%).  

Mhux Malta biss... 

Il-fatt li ż-żgħażagħ huma l-aktar li intlaqtu ħażin minħabba saħħa mentali waqt il-pandemija mhijiex xi ħaġa ta' Malta biss. Fil-fatt l-għaqda ta' karità Ingliża Young Minds wettqet diversi sondaġġi matul il-pandemija li minnhom ħareġ ċar illi l-problema tas-saħħa mentali fost iż-żgħażagħ fir-Renju Unit kienet waħda serja.  

Fis-sondaġġ ta' Jannar 2021 - meta allura r-Renju Unit kien ukoll għaddej b'miżuri u restrizzjonijiet - 75% qalu illi kienu qed isibu tali miżuri ħafna aktar diffiċli biex jimmaniġġjaw, b'44% jgħidu li kienu qed isibuha ħafna iktar diffiċli biex ikampaw mil-lockdown li kien hemm qabel.  

67% tal-parteċipanti - li kellhom minn 13 sa 25 sena - qalu illi jemmnu li l-pandemija kien se jkollha effetti fit-tul fuq is-saħħa mentali tagħhom.  

Il-Professur fid-Dipartiment tal-Psikoloġija fl-Università ta' Bremen (Il-Ġermanja) Nina Heinrichs qalet illi qabel il-pandemija kienu bejn 10% u 20% dawk iż-żgħażagħ bi sfidi ta' saħħa mentali. Dan il-persentaġġ tela' għal bejn 20% u 25% matul is-sentejn tal-pandemija, kompliet tispjega.  

86.4% jgħidu li qatt ma "batew" minn sfidi ta' saħħa mentali 

Minkejja dan, maġġoranza kbira ħafna tal-poplu ma jħossx li għandu xi forma ta' sfida ta' saħħa mentali, fil-fatt meta mistoqsijin jekk qattx batew minn problemi ta’ saħħa mentali total ta' 86.4% tal-parteċipanti wieġbu fin-negattiv. Dan huwa xi ftit ironiku, meta wieħed iqis li kwart tal-poplu qal illi kien affetwat minn problemi ta' saħħa mentali waqt il-pandemija tal-Covid-19. Jista' jkun huwa frott il-fatt li bosta jħossu li l-problemi u sfidi ta' saħħa mentali waqt il-pandemija kienu mistennijin jew inkella kienu frott fatturi li ġew imposti fuq il-popolazzjoni iktar milli minħabba esperjenzi u realtajiet personali.  

Kienu 5.8% biss li qalu illi kellhom problemi ta' saħħa mentali, filwaqt li 7.8% qalu li kellhom "ftit" problemi ta' dan it-tip.  

Mill-ġdid hawnhekk, kienu dawk ta' etajiet iżgħar l-aktar parteċipanti li qalu illi għaddew minn problemi ta' saħħa mentali f'ħajjithom. Fil-fatt kienu 15.4% ta' dawk bejn is-36 u l-50 sena li qalu illi kellhom problemi ta' saħħa mentali, segwiti minn dawk ta' bejn 16 u 35 sena (14.8%).  

U finalment meta mistoqsijin jekk jaħsbux li hemm biżżejjed għajnuna għal dawk li jgħaddu minn problemi ta' saħħa mentali kienu b'kollox 62.5% dawk li wieġbu fil-pożittiv, filwaqt li 22.5% wieġbu fin-negattiv u 15% qalu illi hemm għajnuna, iżda li din hija "ftit wisq".  

More in Socjali