Tal-linja b'xejn mil-lum! Malta ssir it-tieni pajjiż fl-UE li toffri s-servizz tal-linja b'xejn

Mil-lum Malta ssir t-tieni pajjiż fl-Unjoni Ewropa illi tipprovdi s-servizz tal-linja tagħha b'xejn lir-residenti wara l-Lussenburgu

Is-servizz tal-linja f’Malta sar b’xejn għar-residenti kollha mil-lum, l-1 ta’ Ottubru. Dan is-servizz se jkun qed japplika fuq vjaġġi matul il-ġurnata, dawk ta'matul il-lejl u anke fuq servizzi speċjali.

Imħabbra fil-Budget ta’ sena ilu, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana kien spjega li din il-miżura se ttieħed sabiex il-Gvern jinkoraġġixxi użu aħjar tat-trasport pubbliku bit-tama li titnaqqas il-konġestjoni fit-toroq.

Minkejja li bosta kienu li jilmentaw li l-prezz tal-biljett qatt ma kien problema, il-Gvern kien diġà qed joffri dan is-servizz b’xejn lil persuni bejn l-14 u l-20 sena, lil studenti ‘l fuq mill-21 sena, lil persuni b’diżabilità u lil persuni ta’ 70 sena u aktar.

Tajjeb li nfakkru, li t-turisti ma jistgħux japplikaw għal din l-iskema u se jkunu qed iħallsu għas-servizzi kollha provduti.

Intant, għalkemm is-servizz se jkun b’xejn, il-persuni li jagħmlu użu minn tal-linja huma xorta mitluba li jużaw il-card meta jitilgħu fuq it-trasport pubbliku. 

Xahar ilu, kelliem ta’ Transport Malta ma’ MaltaToday kien spjega lit-Tallinja card personalizzata se tinżamm peress li din tipprovdi informazzjoni statistika siewja li tista’ tgħin lill-awtoritajiet itejbu s-servizz ‘il quddiem.

L-istess kelliem kien spjega kif fl-2019 kien hemm numru rekord ta’ nies li bdew jagħmlu użu minn tal-linja, iżda l-pandemija sfrtuat l-isforzi li kienu saru u ħafna nies waqfu. Din l-iskema pero’, skont l-istess kelliem, toffri tama li n-numri jerġgħu jiżdiedu.

Malta hija t-tieni pajjiż illi ħadet dan il-pass fl-Unjoni Ewropea, sentejn wara l-Lussemburgu.

Ġurnali barranin kienu rraportaw kif fl-2020, il-Lussemburgu sar l-ewwel pajjiż fid-dinja li joffri trasport pubbliku b’xejn anke jekk fil-verità l-biljetti tiegħu kienu diġà rħas minn qabel. Huma kienu ħadu dan il-pass biex bħal Malta jtaffu t-traffiku.

Għaldaqstant ġie rraportat li sa sentejn wara, it-traffiku baqa’ bejn wieħed u ieħor l-istess. Dan filwaqt li kien ta’ għajnuna kbira għal min jivvjaġġa min-naħa l-oħra tal-fruntiera. 

Maż-żmien rħula u bliet oħra, fosthom Dunkirk u Aubagne fi Franza, bdew jipprovaw esperimenti simili wkoll. Għal kuntrarju tal-Lussenburgu, dawn l-ibliet raw bidla sinifikanti fit-traffiku u anke fl-emissjonijiet. L-istess seħħ f’Livigno fl-Italja u Cascais fil-Portugal.   

More in Socjali