L-Arċidjoċesi b'fond ta' €30,000 għal inizjattivi favur l-ospitalità bejn ċittadini u immigranti

Il‑Knisja f'Malta qed tistieden għaqdiet reliġjużi u fil‑komunità – inkluż dawk immexxija mill‑migranti – biex jipproponu inizjattivi li jiċċelebraw id‑diversità ta’ Malta

L‑Arċidjoċesi ta’ Malta waqqfet fond ta’ €30,000 biex tippromwovi inizjattivi ta’ ospitalità fil‑parroċċi u komunitajiet oħra, liema fond twaqqaf fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Migranti u r-Refuġjati.

Bit-tema “Nibnu l-Futur mal-Migranti u r-Refuġjati,” il-Knisja qed tħeġġeġ inizjattivi ta’ kollaborazzjoni fi ħdan il‑komunità bejn iċ‑ċittadini u l‑migranti.

Il-Kurja qalet li l-fond twaqqaf wara l-messaġġ tal-Papa Franġisku fiż-żjara tiegħu f’Malta. Dakinhar il-Papa fakkar f’dak li jgħid l-Atti tal-Appostli, jiġifieri li l-Maltin laqgħu lil Pawlu “bi ħlewwa liema bħala.”

“Il‑Knisja qed tistieden għaqdiet reliġjużi u fil‑komunità – inkluż dawk immexxija mill‑migranti – biex jipproponu inizjattivi li jiċċelebraw id‑diversità ta’ Malta u jippromwovu kultura ta’ ospitalità, djalogu, koeżistenza paċifika, u fraternità,” qalet il-Kurja.

Spjegat li l-għan ta’ dawn l-inizjattivi huwa li jkunu l‑ewwel pass biex tinbena komunità aktar b’saħħitha. 

L‑inizjattivi jistgħu jinkludu:

  • Skambju tal‑patrimonju kulturali permezz tal‑arti u espressjoni kreattiva;
  • Tagħlim dwar tradizzjonijiet, twemmin, drawwiet ta’ xulxin;
  • Jinfetħu spazji għal djalogu rispettuż;
  • Ċelebrazzjoni tar‑rikkezza ta’ Malta bħala gżira fil‑Mediterran bi storja ta’ “kenn sigur” għall‑popli mill‑kontinenti kollha tal‑madwar;
  • Ekoloġija integrali u l‑istejjer imnissla mill‑pajsaġġ naturali Malti;
  • Inizjattivi ispirati mit‑tagħlim tal‑Papa Franġisku speċjalment mil‑Laudato Sì u Fratelli tutti;
  • Attivitajiet sportivi u ta' divertiment u laqgħat bejn ġenerazzjonijiet differenti li jinkludu etniċitajiet u kulturi differenti.

Se jiġi allokat minimu ta’ €500 għal kull inizjattiva li timxi mal‑għanijiet tal‑fond. Kull inizjattiva tista’ tirċievi massimu ta’ €1,000.

M'hemm l‑ebda skadenza għall‑applikazzjoni għal dan il‑fond. L‑inizjattivi jintlaqgħu f’kull żmien tas‑sena u jiġu evalwati minn bord magħmul minn rappreżentanti mill‑Vikarjat għall‑Evanġelizzazzjoni, is‑Segretarjat Parroċċi u l‑Kummissjoni Migranti.

Għal aktar tagħrif dwar il‑fond żur www.migrants.mt/fund jew jibgħat fuq [email protected]

More in Socjali