Bnadi mitluqa, abbandunati jew moħlija: L-Isptar San Luqa jistenna li jerġa’ jingħata l-ħajja

Malta hi gżira żgħira, u ma tridx tkun bozza tal-għerf biex tinduna li l-ispazju hu wieħed pjuttost limitat. Allura b’sfida bħal din, tiflaħ Malta tkompli tħalli l-artijiet u binjiet abbandunati bħal donnhom monumenti ta’ telqa’, abandun u apatija? 

(Ritratt ta' Marianna Calleja)
(Ritratt ta' Marianna Calleja)

Minn sptar ġenerali għal binjiet li jilqgħu ftit minn kollox... Din hi l-istorja ta’ l-Isptar San Luqa. 

Fejn konna 

Il-pjan oriġinali tal-Isptar San Luqa kien jinkludi bejn 350 u 450 sodda. Dan qed imorru lura għall-1927, fejn taħt Gvern b’amministrazzjoni Nazzjonalista, fondi ta’ £75,000 kienu ġew riservati għal bini ta’ sptar ġenerali ġdid. 

L-ewwel ġebla tal-pedament tal-isptar tpoġġiet fil-5 ta’ April tal-1930 mill-Gvernatur ta’ Malta, John Philip Du Cane, fil-preżenza tal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Gerald Strickland. Iżda kaġun ta’ diffikultajiet tekniċi, l-iżvilupp tal-isptar beda’ jimxi wisq bil-mod u għalkemm kien pjanat li jiftaħ għall-aħħar tal-1941, mal-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija fl-1939, l-isptar kien għadu mhux komplut u x-xogħol ġie sospiż. 

Sentejn qabel, fl-1937, kienu wkoll mibdula xi pjanijiet u s-sodod żdiedu għal 510. Matul il-gwerra, l-Isptar San Luqa spiċċa taħt il-mira ta’ attakk li ra blokka minnu tiġarraf u impjegat jitlef ħajtu flimkien ma’ numru oħra feruti. Sadanitant, is-sulari ta’ taħt, inkluż is-sotterran inbidlu fi swali ta’ malajr b’200 sodda biex jakkomodaw pazjenti b’mard li jittieħed.  

Dak iż-żmien, l-Isptar Ġenerali kien il-‘Conservatorio’ fil-Furjana, l-istess binja li issa tintuża bħala l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. Din il-binja kienet inbniet fl-1734 mill-Gran Mastru De Vilhena biex fih, il-bniet foqra, jitħarrġu f’numru ta’ snajja differenti. Fl-1850 kien nbiddel fi sptar kemm tal-irġiel u anke tan-nisa u baqa’ jopera bħala Sptar Ġenerali anke waqt il-gwerra. 

Wara l-gwerra kienu bdew l-ewwel trasferiment ta’ dipartimenti oħra fl-isptar San Luqa, bis-sezzjoni medika tiġi trasferita kollha fl-1946. Sal-1957, l-Isptar San Luqa kien magħmul minn 546 sodda maqsuma bejn dipartimenti differenti: Kirurġija (erba’ swali, 120 sodda), Mediċina (erba’ swali, 120 sodda), Ġinekoloġija (sala waħda, 30 sodda), Ostetrija (żewġ swali, 42 sodda), Ortopedija (żewġ swali, 60 sodda), Pedjatrija (żewġ swali, 40 sodda), ENT (żewġ swali, 62 sodda), u żewġ swali oħra mhux assenjati (60 sodda).  

Minkejja dan, kien ġie suġġerit, anke mill-Uffiċjal Mediku Ewlieni tal-Gvern, li n-numru ta’ sodod fl-isptar jiżdied għal 750 sodda minħabba ż-żieda fil-popolazzjoni li bdiet titfa’ pressjoni fuq is-servizzi tal-isptar. 

Dan wassal biex fl-aħħar tal-50ijiet, il-Gvern taħt amministrazzjoni Laburista għamel proposta ta’ sptar ġdid ġewwa n-Naxxar. Din il-proposta qajmet diskussjonijiet bejn numru ta’ kummisjonijiet fosthom il-Kummissjoni Ekonomika u l-Kummissjoni Medika Brittanika li spiċċat għamlet studju sħiħ fuq il-proposta. Il-Kummissjoni Medika kkonkludiet li minkejja l-evidenza ppreżentata, l-isptar il-ġdid propost ma kienx ħtieġa urġenti.  

Kienet din id-deċiżjoni li rat estensjoni wara l-oħra biex jakkomodaw id-diversi speċjalitajiet li bdew jiżviluppaw fid-diċenji ta’ wara. Fl-istess waqt, sptarijiet oħra li kienu għadhom joperaw, bdew iservu funzjonijiet partikolari jew jagħlqu l-bibien. 

Per eżempju, l-Isptar Re Ġorġ V, li kien iservi biss il-baħrin tal-merkanzija, mibni mill-ġdid wara li twaqqa’ matul it-Tieni Gwerra Dinjija, għalaq f’Jannar tal-1967. Fl-1970, dan l-istess sptar ġie rranġat u fetaħ għal pazjenti b’mard infettivi, dermatoloġija, veneroloġija u każi ta’ kanċer. Dan kollu taħt l-isem ġdid ta’ Sptar Sir Paul Boffa. 

Madanakollu, il-binja li sservi sal-ġurnata tal-lum bħala l-estenzjoni primarja tal-Isptar San Luqa, inbniet fl-1979, dak magħruf bħala l-Isptar Karin Grech. Dan kien sptar speċjalizzat għal swali Ostetriċi u dawk Ġinekoloġiċi, fost oħrajn. Din iż-żieda żiedet in-numru ta’ sodod fil-kumpless tal-Isptar San Luqa għal 1,100. Dan kollu wassal biex fil-kumpless kollu sal-1986 ikun hemm tliet sodod għal kull 1,000 persuna f’Malta.  

Sintendi, f’dan il-punt, ma kienx jagħmel sens li l-isptar jibqa’ jiġġebbed biex jakkomoda iktar sodod u minflok bdew isiru investimenti fuq il-ħaddiema u s-servizzi nnifishom. Fil-bidu tad-90ijiet, ġiet proposta binja ġdida viċin l-Università ta’ Malta, li sservi bħal estensjoni oħra għall-Isptar San Luqa. Il-pjan oriġinali kien li f’din il-binja jkun hemm madwar 500 sodda oħra, u wara li titlesta fl-1997, il-pazjenti jitmexxew hemm sabiex l-Isptar San Luqa jservi biss bħala ċentru għall-operazzjonijiet. Dan filwaqt li l-Isptar Karin Grech jżomm pazjenti b’mard mentali u l-Isptar Sir Paul Boffa jaqdi biss pazjenti bil-kanċer. 

Il-proposta kienet ġabet furur liema bħalu speċjalment mis-settur mediku nnifsu. Fl-1997 reġgħet ġiet esplorata din il-proposta u hemm ħarġu l-pjanijiet għal sptar ġdid f’Tal-Qroqq bil-ħsieb li jkollu 800 sodda u San Luqa jibqa’ sptar għall-anzjani.  

Kważi għaxar snin wara, fid-29 ta’ Ġunju 2009, l-Isptar San Luqa ġie uffiċjalment sostitwit mill-Isptar Mater Dei. Minn dak iż-żmien, din il-binja, kbira kemm hi kbira, qatt ma ntuża l-potenzjal tagħha. 

L-isptar San Luqa fil-preżent (Ritratti ta' Marianna Calleja)
L-isptar San Luqa fil-preżent (Ritratti ta' Marianna Calleja)

Fejn morna 

Għal xi żmien it-tama kienet li fl-aħħar din il-binja se terġa’ sservi għal xi ħaġa. Ngħiduha kif inhi, tħares lejha kemm mill-viċin u anke mill-bogħod, titħassar tara post bħal dak mitluq meta jista’ jintuża għal diversi raġunijiet, aktar u aktar meta ġieli ngergru li f’Mater Dei hemm il-pazjenti jiġru fil-kurituri. 

F’Ġunju tal-2015 il-Ministru għas-Saħħa ta’ dak iż-żmien, Konrad Mizzi, ikkonferma li kumpanija bl-isem Vitalis/Bluestone kienu se jieħdu f’idhom it-tmexxija tal-Isptar San Luqa, Karin Grech u anke l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, anke jekk ħadd ma kien jaf min huma u ma kellhom l-ebda esperjenza fil-qasam tas-saħħa. 

Dwar dan il-ftehim, il-Gvern kien daqq xeba’ trombi u għamel diversi ċerimonju. Kien wiegħed li se jsir investiment ta madwar €200 miljun biex l-Isptar l-antik ta’ Għawdex jsir sptar “state of the art” u San Luqa jsir sptar ta’ rijabilitazzjoni u ċentru tad-dermatoloġija.  

Sa Settembru, il-Gvern iffirma kuntratt li jorbot għal 30 sena mal-kumpanija, li issa bdiet tissemma’ Vitals Global Healthcare (VGH). 

Ftit xhur wara, f’April tal-2016, faqqa l-iskandlu tal-Panama u Konrad Mizzi kellu jwarrab u postu, bħala Ministru ħadu s-Segretarju Parlamentari tiegħu, Chris Fearne. Xahar wara l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ppublikat rapport ta’ due diligence dwar Vitals imħejji minn ditta ta’ konsulenza ewlenija f’isem wieħed mill-klijenti potenzjali tal-VGH.  

Minn dan ir-rapport ta’ due diligence, ħareġ li ż-żewġ sottokuntratturi qed taqbżilhom minħabba n-nuqqas ta’ VGH biex tikseb fondi għall-proġetti, inkluż fuq il-proġett tal-Isptar San Luqa. 

Imbagħad, ħabta u sabta, ftit jiem qabel il-Milied tal-2017, Fearne isejjaħ konferenza u għas-sorpriża ta’ kulħadd ħabbar li l-konċessjoni għat-tmexxija tal-istess sptarijiet kienet għaddiet f’idejn Steward Health Care, bil-Ministru jiftaħar bl-esperjenza tagħha u saħansitra jsejħilha “the real thing.” 

Il-flotta tal-kumpanija Steward Health Care
Il-flotta tal-kumpanija Steward Health Care

Fl-2019, Steward  Health Care ppreżenta pjanijiet għat-titjib tal-Isptar San Luqa. Madankollu, rapporti kienu żvelaw kif il-perit responsabbli, Peter Zammit, kien informa lill-Awtorità tal-Ippjanar li l-klijenti tiegħu talbu biex il-proċess tal-applikazzjoni għall-iżvilupp jiġi sospiż. Ma ngħatat l-ebda raġuni għal din is-sospensjoni. Dan kien iż-żmien meta kienu bdew id-diskussjonijiet bejn il-Gvern u t-tmexxija ta’ Steward għal ftehim ġdid.  

Fl-2021 l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ħa dan il-każ quddiem il-Qorti u jakkuża lil Steward li naqqset mid-doveri u l-wegħdiet tagħha u għalhekk insista li l-ftehim li għamel il-Gvern għandu jkun iddikjarat null.  Steward Health Care għaddiet lill-Qorti rapport ta’ 76 paġna dwar xogħlijiet li saru minn meta ġew privatizzati l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar San Luqa u l-Isptar Karin Grech. 

Fil-verità dawn il-paġni kienu jinkludu ritratti wara ritratti ta’ żviluppi żgħar li seħħew bħal rinnovazzjoni tal-kmamar li jintużaw mill-ħaddiema u tweħħil ta’ tabelli ġodda li jwassluk minn binja għall-oħra, fost oħrajn. 

Il-gazzetta ILLUM marret f’mixja madwar il-binjiet li kienu jagħmlu xi darba jew oħra l-Isptar San Luqa. Filwaqt li l-binjiet tal-bidu (viċin il-grada ewlenija) qed jintużaw b’xi mod jew ieħor, hemm ukoll binjiet żdingati, bi twieqi mkissra u bibien msakkar b’katnazzi kollha sadid kif jixhdu r-ritratti.  

(Ritratti ta' Marianna Calleja)
(Ritratti ta' Marianna Calleja)
(Ritratti ta' Marianna Calleja)
(Ritratti ta' Marianna Calleja)
(Ritratti ta' Marianna Calleja)
(Ritratti ta' Marianna Calleja)
(Ritratti ta' Marianna Calleja)
(Ritratti ta' Marianna Calleja)

More in Socjali