L-apartheid skolastiku: Għaliex huwa wieħed mill-akbar theddidiet għall-ġustizzja soċjali fil-pajjiż

Imma l-iskejjel tagħna verament huma inklussivi? Il-Professur Carmel Borg janalizza u jgħid li mhux talli dan mhux il-każ talli llum Malta għandha 'l-aktar sistema edukattiva segregata fl-istorja riċenti..' 

L-aħħar riżultati tal-MATSEC jindikaw li x-xejriet soċjalment ferrieda baqgħu jgħollu rashom.  Bqajna fl-istess ilma tal-passat riċenti f’dak li għandu x’jaqsam mas-suċċess akkademiku, kif imkejjel mir-riżultati ta’ tmiem iċ-ċiklu obbligatorju.  B’dawn ir-riżultati, f’kuntest ta’ pajjiż fejn, fil-qasam edukattiv, bin jew bint min int għadu jgħodd, faċli wieħed ibassar li fil-futur il-pajjiż se jibqa’ soċjalment mifrud, b’mobilità soċjali kajmana, u b’qasma soċjo-ekonomika kronika. L-apartajd skolastiku li kiteb dwaru dan l-aħħar il-Professur Ronald Sultana, huwa wieħed mill-akbar theddidiet għall-ġustizzja soċjali f’pajjiżna, u raġuni ewlenija għalfejn Malta għadha fis-saffi t’isfel tal-klassifika Ewropeja tal-ġustizzja soċjali.  Apartajd edukattiv, frott politika edukattiva kontradittorja. Politika kompromessista u beżagħna mill-kritika nfurmata.  Politika allerġika għall-evidenza u bi ftit għarfien tal-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet għaġġelija fuq id-demografija tal-iskejjel, id-dinamika soċjali fi ħdan u bejn l-iskejjel, u l-kosegwenzi ta’ segregazzjonijiet multipliċi li għadhom jikkaratterizaw il-pajsaġġ skolastiku ta’ pajjiżna.      

Riċerka lokali li ilha għaddejja għal aktar minn kwart ta’ seklu turi kif f’dan il-pajjiż il-pinnur tal-inklużjoni fl-edukazzjoni jdur ma’ kull riħ kuntrarju, biex illum għandna l-aktar sistema segregata fl-istorja reċenti tal-edukazzjoni. Għalkemm mhix il-politika ddikjarata, l-effett ta’ diversi segregazzjonijiet huwa li l-‘ward’ jitħalla jwarrad waħdu, kemm jista’ jkun mingħajr xkiel ix-‘xewk’.   L-esklużjonijiet strutturali, impinġija bħala żraben ta’ daqs differenti għal saqajn differenti, iħejju lit-tfal għal soċjetà maqsuma soċjalment u ekonomikament.  Malta, li qatt ma emmnet fl-inklużjoni sħiħa, għadha ferm ‘l bogħod mit-twettiq ta’ soċjetà ġusta, u s-soċjalizazzjoni li t-tfal qegħdin jieħdu permezz tal-istrutturi tal-firda ma jawgurawx tajjeb għal futur ideoloġiku u wettieqi ġenwinament inklussiv.   

L-inġustizzji ġew normalizzati... 

Ikun żball kbir jekk inħarsu lejn l-iskejjel bħala s-siti esklussivament responsabbli għall-firdiet soċjali, ekonomiċi u kulturali, jew għas-soluzzjonijiet tal-problemi soċjali li hawn madwarna.  

Is-sistema edukattiva għandha l-limiti x’tista’ tagħmel u x’trasformazzjoni tista’ ġġib. Ħafna mill-inġustizzji soċjali jibdew barra mill-iskola u huma effett ta’ sistema globali, aċċettata bi prinċipju minn pajjiżna, fejn il-profitt jirbaħ fuq id-dinjità tal-bniedem, bil-karità, fil-forma ta’ maratona kronika ta’ maratoni ta’ ġbir ta’ fondi, tidħol fejn il-gvern jibqa’ passiv, indifferenti jew ’l bogħod minn dak li hu mistenni minnu.    F’pajjiżna, fejn il-karità u d-drittijiet spiss jitħalltu, tant li ma jibqgħux jingħarfu minn xulxin, qajla għandna għalfejn niskantaw li m’għandniex rewwixti marbutin ma’ riżultati ħżiena (perspettiva ta’ min għandu aspettattivi għoljin u sens ta’ ġustizzja soċjali) fil-qasam edukattiv.  Quddiem din is-sitwazzjoni edukattiva prekarja, il-kalma u l-indifferenza li hawn turina li l-entużjażmu li għandna għall-karità mhuwiex rifless fil-ħeġġa biex niggieldu għal aktar ġustizzja, kemm dik pre-distributorja (kif jigi ikkrejat il-ġid) kif ukoll dik distributorja (kif jitqassam il-ġid).  L-inġustizzji ġew normalizzati tant li nqushom bħala ewl id-dinja.   

Diffiċli niġġieldu l-inġustizzji fil-qasam edukattiv jekk ma nifhmux il-kuntest tad-differenzi kbar fis-suċċess edukattiv, bejn tfal u skejjel. Nuqqas ta’ għarfien soċjoloġiku ikompli jipperswadina li l-problemi ta’ nuqqas ta’ suċċess skolastiku huma tal-persuna.   Il-politika tad-defiċjenza qatt ma tista’ twassal għall-ġustizzja soċjali.   

L-isfond lokali u globali tal-kitba ta’ dan l-artiklu qajla jittamana f’riżultati edukattivi aħjar is-sena d-dieħla u fil-futur qrib.  Bid-dejn pubbliku f’livell għoli, bi kriżi ekonomika globali, b’inflazzjoni paralizzanti, b’pandemija li għadha tinfettana u toqtolna, u bi gwerra li donnu m’hemmx interess li titwaqqaf, diffiċli wieħed ibassar aktar investiment sostanzjali fil-ġlieda kontra ir-riżultati skolastiċi u l-implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi tagħhom.   Meta l-gvernijiet titmermrilhom is-saħħa finanzjarja, speċjalment meta jkunu darrew lill-poplu li l-ġustizzja soċjali tista’ tgħaddi mingħajr żieda fit-taxxi, u li l-flus fl-idejn huma aktar importanti minn, per eżempju, professjonisti mħarrġin u mħallsin sew, dawk li ilhom jgħixu fis-saffi t’isfel tas-soċjetà, jew li se jaqgħu kawża tal-kriżi finanzjarja, iġifieri dawk li l-aktar għandhom bżonnijiet immedjati u li huma l-aktar dipendenti fuq is-servizzi tal-Istat, se jieħdu l-akbar daqqa.  F’ċirkustanzi bħal dawn, it-tendenza hi li l-privat jidħol fejn l-Istat jieqaf jinvesti, b’konsegwenzi għall-ekwità u għall-ġustizzja soċjali.  Il-ġustizzja tal-ġungla, parzjalment immaskrata biċ-ċekkijiet u l-bottijiet tal-karità, se tibqa’ magħna. Il-‘ġenerożità falza’, li tgħin biex tħalli l-istrutturi tal-firda soċjali u ekonomika kif inhuma, se tibqa’ tiddomina l-ħajja soċjali tal-pajjiż.   

'It-triq tal-fejqan hija mibnija fuq il-valuri u prinċipji' 

L-edukazzjoni mhix realtà awtonoma minn dawn ir-realtajiet soċjali, fiskali, ekonomiċi u kulturali.  Raġuni ewlenija għalfejn dejjem insistejt li l-eluf ta’ ħaddiema fil-qasam edukattiv jissawru f’kuxjenza politika li tagħraf l-importanza tal-klassi soċjali u l-materjalità tan-nuqqas ta’ suċċess akkademiku bħala elementi ewlenin fl-analiżi tas-sitwazzjoni xejn tajba fil-qasam edukattiv.   

Fid-dawl tal-għarfien oġġettiv li f’pajjiżna r-rabta bejn l-istatus soċjali u s-suċċess akkademiku hija qawwija, tikber l-importanza tar-ritorn tal-ideoloġija fid-diskussjoni dwar l-edukazzjoni.  Id-diskussjoni ma’ tista’ qatt tkun produttiva jekk tittellaq mill-atejiżmu politiku u mill-baħħ ideoloġiku.  It-triq tal-fejqan hija mibnija fuq l-għarfien ta’ valuri u prinċipji li ma jdurux ma’ kull riħ jew mal-mument.  Dan jimplika impenn intellettwali qawwi li żgur ma jiġix jekk il-professjoni tal-għalliema titneżża minn formazzjoni intellettwali soda.  It-tħejjija tat-terren ideoloġiku hija importanti daqs id-diskussjoni dwar it-teknika tal-bidliet li hemm bżonn.   

Sikwit niġru nistaqsu x’inhuma s-soluzzjonijiet konkreti.  Minn dawn hemm ħafna, u ilna nitkellmu u niktbu dwarhom.  Iżda, mingħajr kuxjenza politika ffurmata, lil hinn mill-indotrinazzjoni u t-trasmissjoni tat-tagħrif, is-settur se jibqa’ jgħum f’għadira mimlija kontradizzjinijiet u bla direzzjoni.  Il-formazzjoni ta’ kuxjenza huwa proċess indispensabbli u kontinwu fil-bidliet kbar li għandna bżonn inwettqu; proċess li dejjem gie traskurat għax ħsibna li l-produzzjoni ta’ dokumenti, li ħafna jammettu li ma jaqrawhomx, hija biżżejjed biex tħejji s-sodda ideoloġika għat-tibdil.   

Fil-mixja lejn l-atejizmu politiku ninnota kif id-diskors dwar il-klassi soċjali għeb mill-aġenda politika, speċjalment fil-qasam edukattiv.  Parti minn dan il-knis kien strateġiku, hu marbut ma’ rebħ elettorali. Kien hemm ukoll dawk li belgħu l-lixka ta’ tmiem l-ideoloġija u l-Istorja. Għajta mibnija fuq il-mitologija li: f’dinja ta’ tmien biljun ruħ ma jeżistux kontro-eġemoniji għall-kapitaliżmu; wara l-waqa’ tal-ħajt, r-rebħa tal-kapitaliżmu hija kompluta, globali u aċċettata minn kulħadd; u issa se jkollna perjodu twil ta’ paċi għax issa ħlisna mill-ġlieda tax-xellug kontra l-lemin u nistgħu niffokaw fuq għan ċentrista wieħed – li nipproduċu biex nikkonsmaw.  Wieħed jistaqsi: kif tista’ l-inklużjoni ġenwina tifjorixxi b’sistema skolastika li tifred u b’sistema soċjali li tippriedka s-suq, il-profitt u l-konsum, f’kuntest uman li huwa intrinsikament esklussiv?  

Il-mantra: 'Idħol illum u tħarreg għada' 

Fost ħafna talbiet, l-inklużjoni titlob professjonisti ta’ kwalità, kullimkien. Mingħajr ħaddiema ta’ kwalità għolja ma’ kulħadd, speċjalment mal-istudenti li l-aktar għandhom bżonn, l-inklużjoni tibqa’ xewqa tad-dokumenti kkuluriti.  L-indikazzjonijiet f’dan il-qasam huma inkwetanti. Il-professjoni tal-għalliema, biex insemmu professjoni waħda, tilfet ħafna mill-prestigju tagħha.  Wasalna fi stat li biex nevitaw it-tgergir nagħmlu minn kollox biex nitfgħu adult fil-klassi.  Fid-disprament, aċċettajna li sakemm għandek kwalifiki minimi tista’ tilgħabha ta’ għalliem.  Idħol illum u tħarreg għada hija l-mantra.  

Pika min jagħti l-iqsar kors, b’talbiet minimi, fil-formazjoni tal-għalliema.  Wieħed jista’ wkoll jieqaf nofs leħja f’kors ta’ sentejn u jingħata l-liċenzja.  Farsa sħiħa li hija konvenjenti għal min irid (biċċa) karta, iżda traġedja għal min l-aktar għandu bżonn li jkollu miegħu professjonisti ffurmati tajjeb, kemm intellettwalment kif ukoll teknikament.   Sfortunatament, Il-formazzjoni saret tixbah aktar il-logika tal-manifattura industrijali milli l-inkubatur li bil-mod jgħin fit-tiswir ta’ professjonisti ta’ kwalità.   

Filwaqt li f’inħawi privati u pubbliċi tajt lista ta’ x’jista’ jsir, u mhux se nerġa’ ntenniha, l-aħħar battuta tiegħi tieħu sura ta’ appell biex il-pajjiż jidħol f’qoxortu u jibda riflessjoni serja, infurmata bl-evidenza xjentifika, u armata bl-għerf esperjenzali ta’ kulħadd.  Riflessjoni mwaħħda mal-azzjoni nfurmata tista’ twassal biex l-esklużjoni,  imgeżwra fid-diskors tal-inklużjoni, ma tkomplix tnawwar is-sistema edukativa u s-soċjetà.  

More in Socjali