Intervista | ‘L-ewwel mikrofonu li kelli kien ġabuli wieħed kien jaħdem man-Navy, kien serqu minn fuq vapur’... Il-King tar-Rock ‘n Roll u l-karriera kkulurita tiegħu

Ħallini, Viva Malta, Għal Dejjem u tant aktar. Min ma semgħax bi Freddie Portelli f’dan il-pajjiż? Il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ miegħu u tisma’ r-rakkonti tal-esperjenzi, ġennati, bawxati u suċċess li jikkaratterizzaw lil dan il-kantant hekk popolari... 

“Ħajjarni missieri,” beda’ jirrakonta mal-ILLUM Freddie Portelli. Missieru kien idoqq il-mandolina u l-kitarra iżda l-għaxqa tiegħu jisma’ l-opri tal-Musicals. Missier Freddie kien iħobb ukoll id-diski Pop, u ta’ 13-il sena xtralu kitarra sabiex jibda’ jitgħallem il-mużika. “Bagħatni għand wieħed, il-Captain tal-Mellieħa, kien ġenju imma wisq relax.” 

Charlie Muscat magħruf aħjar bħala l-Captain ġewwa l-Mellieħa kien mużiċist bravu u għal tliet xelini kien jgħallem lil Freddie kif idoqq. Freddie jirrakonta kif dak iż-żmien tliet xelini kienu ħafna għax paga ta’ ġimgħa kienet LM5. Mar-raba’ darba, Freddie beda’ jarahom ħela ta’ flus allura waqaf u minflok kien juża l-flus biex jinżel il-Belt jagħmel xalata. 

“Ftit wara sabu barra missieri u staqsih kif jien sejjer. “Dak lanqas biss jersaq l-hawn,” wieġbu l-Captain u nkxift.”  

Il-Captain qallu li t-tifel mal-ewwel se jaqbad waħdu. Freddie jgħid ma’ din il-gazzetta li hekk ġara u minħabba li missieru kellu widna tajba, meta jkun qed jippratika u jiżgarra kien jisimgħu jwerżaq “ojj hemm!” 

Il-Bayzo u Portelli
Il-Bayzo u Portelli

Il-Bums fil-garaxx ġewwa San Pawl il-Baħar 

Ftit snin wara missieru xamm tifel b’talent, laqgħu ma’ Freddie u ttama li jaqbdu flimkien. Dak it-tifel ma kien ħadd ħlief Tony Camilleri l-Bayzo.  

Il-laqam tahulu Freddie għax fil-band ingħaqdu magħhom żewġ ġuvintur oħra jisimhom Tony. Eventwalment lil Tony Camilleri beda’ jgħajjatlu l-Bayzo. Lil ħabib tal-Bayzo, Tony Muscat, beda’ jgħajjatlu “r-Rhythm.” Filwaqt li Tony Bartolo kien jgħajjatlu “l-Gegu.” 

Meta ġew biex isibu isem għal band ġdida tagħhom li bdiet tiġbed naqra attenzjoni, għażlu l-Bums għax ħadd minnhom ma kien jaħdem. Jirrakonta kif dak iż-żmien San Pawl il-Baħar kien assolutament vojt u għalhekk meta kienu jipprattikaw kienu jinġabru l-ġuvintur u t-tfajliet tar-raħal fil-garaxx tagħhom. Kienu jdoqqu mużika instrumentali tal-Grupp Ingliż ‘The Shadows.’ 

“L-ewwel mikrofonu li kelli kien ġabuli wieħed kien jaħdem man-Navy, kien serqu minn fuq vapur. Jekk jaqa’ fuq saqajk kien ikissierilek,” reġa’ beda’ jidħak Freddie. Qal li ma kellhomx flus imma bdew jiġbrulhom. Fil-fatt ftit wara... ”Morna għand Carabott, tajnih depożitu u l-bambin biss jaf x’sar minnhom il-kumplament tal-flus. Kien bagħtilna ittra bl-avukat, u imnalla kien ħija ġabrilna xi ħaġa biex inħallsuh.” 

Il-Bums baqgħu ddoqqu fil-garaxx tagħhom San Pawl il-Baħar u ftit żmien wara kienu bdew jiġu jarawhom koppja Ġermaniża, li Freddie u sħabu kienu jaħsbu li huma Ingliżi.  

“Hi kienet ħelwa wisq, kienet qisha Petula Clark. Wara ftit qalulna li se jmorru lura l-Ġermanja u staqsewna jekk irridux nitilgħu magħhom. Hemmekk bdew il-Beatles tafx! U allura għiditilhom “ħalsulna u niġu.” 

L-isplużjoni Maltija... The Malta Bums u Viva Malta  

Herr Otto Alf, ir-raġel li ħa lill-Bums il-Ġermanja kien jeħodhom idoqqu ġo klabbs żgħar madwar il-Punent tal-Ġermanja fin-naħat ta’ Dusseldorf. Qabel ma telgħu, ġiegħelhom jieħdu ritratt mal-kanuni tal-Imdina u bidlilhom isimhom għal ‘The Malta Bums’ li bil-Ġermaniż tfisser “l-isplużjoni Maltija.” 

Ftit wara ħadhom idoqqu LIVE fuq radju f’Koln. B’nostalġija Freddie jgħid... “Niftakar malli xegħlet il-bozza, ma nafx kemm il-miljun persuna qal li se jarawna dan il-manager. Ir-Rhythm qalli issa jekk tinqatalna xi korda, x’se nagħmlu? Għidtlu issa mhux hawn qegħdin!”  

Wieħed minn dawk il-miljuni li semagħhom kien produttur famuż illi kellu programm li fih idoqqu kantanti famużi Amerikani biss. Imma meta rahom żgħar, somor u semgħa l-ħoss tal-armonija, il-produttur mar jistaqsi lil Herr Otto Alf jekk The Malta Bums jistgħux ikantaw bil-lingwa Maltija. 

“Issa dan kellu programm, kif kien Xarabank hawn Malta, jekk tidher fih xi ħaġa kbira. Ċempilli l-Manager, qalli “Freddie hawn ċans għal break kbir.” Sintendi il-band ħatfitu fil-kelma. L-għada kellhom il-filming u kull ma kellhom jagħmlu jiktbu kanzunetta bil-Malti. 

“Filgħaxija ġie l-Bayzo, qalli “ktibtha d-diska jew?” Għidtlu “le ta insejt” u beda’ jgħajjarni.  L-oħrajn bdew jgħiduli “għax inti dejjem hekk” u “int veru kredu.” Tant kemm għajjruni li biex insoddilhom ħalqhom qbadt pakkett milli kienu jagħtuna biex niffirmaw u ktibt id-diska Viva Malta u ħarġet tal-ġħaġeb.” 

Jgħid li f’temp ta’ ftit sigħat tahom in-noti tal-mużika u qabduha mal-ewwel. Filgħodu wasal u fil-klabb żgħir li s-soltu jdoqqu fih isibu tim kbir ta’ persuni lesti biex jiġbulhom il-filmati. 

“L-ewwel qabdu lill-Gegu, tefgħuh fuq taraġ u imlewh kollu dawl biex iġibuh siluwett. Ma nafx kemm damu jiġbduh u aħna nidħku. Taf kemm offendiena, dak sar kollu għaraq.” Freddie jgħid li mal-ewwel qatgħu d-daħk, għax x’ħin wasal biex jibda’ l-kant ħadd minnhom ma setgħa jiftakar il-kliem. Karta quddiemhom ma kellhomx u minflok xemx kull darba bdew jgħidu xewk. 

“Ġie jgħajjat id-direttur. Qallilna “hawn mhux Malta. Hawn kull minuta tiswa’ ħafna flus.” Morna nieklu xi ħaġa u meta ġejna lura għamilniha tajba mal-ewwel. Ġiet twila żewġ minuti u nofs u meta tefgħuha fuq it-televiżjoni għamlet bomba din il-kanzunetta.” 

Freddie jgħid li jiftakar illi l-għada li ħarġet ċempilu Herr Otto Alf biex jgħidlu li l-istazzjon qallu li kienet l-ikbar suċċess li qatt kellhom u aktar kemm bdew ixandruha iktar saru popolari. 

“Issa l-ġimgħa ta’ qabilna taf min kienu l-mistednin? Sonny u Cher fl-aqwa żmien tagħhom! Insomma tant kemm sirna popolari li ma ħallewniex indoqqu aktar fil-klabbs.” 

Is-sistema tal-maniġer inbiddlet u kull weekend kien jikri tliet swali. Jagħmel tabella kbira “The Boys from the Land of Sun” u taħt jikteb xi ismijiet ta’ gruppi oħra li se jdoqqu. Meta jidħlu The Malta Bums, is-sala kienet tinfexx f’għajat u ċapċip. Malli jaslu għat-tmiem, Herr Otto kien jagħmilhom sinjal b’idejh, jgħaddu minn wara u jeħodhom fis-sala li jmiss. Filgħodu kienu jagħtuhom pakkett ieħor tar-ritratti u jiffirmawhom.  

“Darba minnhom għidtlu isma’ ħa nmorru ftit Malta, u ma riedx. Għidtlu u ejja kuntratt jgħid 20 ġurnata u għamilna sitt xhur hawn. Qalli mela morru u nerġa niġi għalikom.” 

Mill-Ġermanja, The Malta Bums imorru New York, Kalifornja u Kanada 

Il-Maltin kienu kburin bihom u kull fejn imorru kienu jsibu aktar fejn idoqqu tant li ma bdewx ilaħqu. Sarulhom żewġ offerti, waħda l-Amerika u l-oħra Tokyo. 

“Ġie għalina l-manager u aħna tlaqnilu l-Amerika. Dorna mhux ħażin, morna Kalifornja, New York, Detroit, San Francisco u anke l-Kanada. Tellajna t-tagħmir u kien jiġri magħna fl-ajruplan.” 

Mal-ILLUM Freddie jgħid li wara li kiteb ‘Viva Malta’, ġew iffitxuh artisti kbar inkluż Russ Conway, li kien kompożitur famuż Ingliż. “Kont għadni kif narah ġo film kumbinazzjoni... Missieri kien iħobbu. Meta ġejt lura Malta sibt ittra b’ismu u lanqas ridt nemmen. Ħallili n-numru u qalli biex niltaqgħu l-Phoenicia li dak iż-żmien kienet il-mekka.” 

Meta mar Freddie sar jaf mingħand Conway li suppost kien qed jingħata l-flus kull darba li tindaqq ‘Viva Malta’ fuq ir-radjijiet tad-dinja. Ovvjament Freddie baqa’ imbellah u staqsieh x’se jagħmel biex jitħallas. “Spjegali x’inhi Performing Right Society u qalli se ndaħħlek membru. Għidtlu li se niffirmalu kuntratt għal sentejn. Qalli “kif sentejn biss?” Għidtlu “għax ma nafx ta’ xiex qed niffirma, u jekk tfottini, tfottini għal sentejn biss” u nfaqa’ jidħak.”  

The Beatles
The Beatles

“Il-fitt” li jagħti lil The Malta Bums opportunità tad-deheb 

Lejla minnhom The Maltese Bums kienu qed idoqqu ġewwa Villa Rosa. Waitress partikolari bdiet tistaqsihom idoqqu d-diski tal-Beatles. Daqqew erbgħa imma minħabba li, skont Freddie, il-Beatles kienu jdoqqu naqra sempliċi, żiedu mad-diski ftit beat u anke naqra iktar ilħna. 

Induna li dik il-waitress kien qed jibgħata xi ħadd u fl-aħħar tal-lejl ġiet tgħidilhom li dan ried ikellimhom. “Ilallu kemm hu fitt ħij! għidtilha. Ma kontx se nkellmu tafx imma imbagħad għidt ejja m’hemmx x’tagħmel.” 

Dan ir-raġel introduċa ruħu bħala “Hammer, ħabib tal-qalb ta’ Paul McCarthy.” Qallhom li ma ddispjaċihx li talabhom id-diski tal-Beatles. “Qalli emmini meta ngħidlek li għamiltuhom aħjar minnhom. U vera ta, għax ma niddejaqx ngħid li tagħna kienu aħjar.” 

Staqsih jekk jiktibx bl-ingliż u Freddie wieġbu li qatt ma kiteb imma jista’ jipprova. Għamlu ftehim li jtellagħhom l-Ingilterra u jirranġa ma’ Paul McCarthy biex juża’ l-istudjo tal-Beatles.  

“Irrikordjajna ‘Old Olive Tree.’ Id-drummer kellu d-drums ta’ Ringo, jien l-amplifier ta’ John Lennon. Malli nżilna lura Malta ċempel Conway u qalli erġa ejja lura immedjatament.” 

Freddie telgħa waħdu, Conway laqgħu ġo daru fejn qallu li dik id-diska li rrikordjaw semaha persuna mlaħħaq fil-kumpanija Apple, l-istess kumpanija li kellha l-Beatles. Xtaqu li joħorġu dik id-diska flimkien ma’ oħra ta’ kantanta ġdida li se tagħmel id-debut tagħha... il-kantanta Mary Hopkins u d-diska “Those were the days.” 

L-għada marru, u bilqegħda f’Rolls Royce ħadra, Freddie jara serbut nies bl-instrumenti jistennew biex forsi jaraw imqar il-bieb ta’ barra. Conway spjegalu li dawk kienu qed jistennew bit-tama li jagħmlu audition. Fil-fatt Conway qallu “qed tara Freddie kemm inthom ixxurtjati, dawn iridukhom b’saħħa!” 

Fuq mejda mimlija avukati ftehmu li joħorġu £500,000. “F’moħħi tektek żball li għamilt il-Ġermanja għax ma kontx naf li meta tibda’ trid sponsor. Fil-Ġermanja kien hemm kumpanija Electrola li riedet tagħtina kuntratt. Meta smajt lil Herr Olaf jgħid li se jagħtihom dawk il-flus kollha ħsibthom se jisirquh u ma ħallejtux. Lili ħadd ma spjegali li dawk huma investimenti.” 

Din id-darba pero’ Freddie ma tħarrikx. Russ Conway qallhom li għandu ftehim ma’ Freddie li jieħu 50% tal-copyright. Il-kumpanija mal-ewwel qaltlu li jista’ jinsa’ li jieħu 50%, għax il-profitt jinqasam 100% bejn kulħadd. Fl-aħħar la l-kumpanija ma ċediet u lanqas Conway avolja Freddie koroblu biex iċedi, b’Conway jibqa’ jinsisti “li jriduhom bis-saħħa.” 

“Hemm skoprejt li Conway qed jagħmel flus daqsi minn Viva Malta. F’qalbi għidt “iva madoffi dan mill-PRS ta’ Viva Malta qed jgħix? Imma wara indunajt li dawn hekk jagħmlu u ftakart fil-kliem li qalli l-Phoenicia... “Tafdax raġel Ingliż bil-flus u l-mużika.” 

Freddie reġa’ rritorna Malta u kellu jispjega lill-kumplament kif Conway kien fottilhom ċans tad-deheb. ‘Those were the days’ ħarġet grazzi għal sponsors fosthom Mick Jagger u laħqet il-quċċata tal-listi fl-Ingilterra f’temp ta’ ftit ġranet. 

“Ngħidlek li tagħna kienet tilħaq il-quċċata wkoll, biex ma ngħidlekx li tagħna kienet isbaħ,” temm jgħid dwar dan Freddie. 

Freddie jitlaq The Malta Bums u jgħaqqad The Black Train 

Lura f’Malta kienu jdoqqu kuljum sas-sbieħ filgħodu inkluż f’dik li Freddie jsejjaħ bħala l-mekka. Fl-istess żmien, Freddie kien qed jilgħab fil-kampjonat tal-Waterpolo fejn beda’ jagħmel suċċess enormi. Fil-fatt fl-1964 kien meqjus l-istilla tan-Neptunes wara li rebħilhom il-kampjonat. Dan filwaqt li kien jaħdem draughtsman bin-nhar.  

“Ma bdejtx inlaħħaq. Għidtilhom mhux se nkompli u minfloki daħal l-akbar ħabib tiegħi Alfred Scicluna.” 

Il-Phoenicia ma riedux li jdoqqu l-Maltese Bums mingħajr Freddie Portelli u minflok bdew idoqqu ġewwa l-Palace. Pero’ ma qatgħux qalbhom u ftehmu li Freddie jirritorna l-Phoenicia għal weekends biss ma’ grupp ġdid bl-isem ta’ The Black Train. 

The Maltese Bums baqgħu għaddejin mingħajr Freddie Portelli imma sentejn wara li ħarġet il-kanzunetta popolari tagħhom ‘L-ewwel tfajla li ħabbejt”, infirdu. Min-naħa l-oħra The Black Train, flimkien ma’ Freddie Calleja, George Baldacchino u aktar tard Joe Vella laħqu popolarità kbira, bi Freddie Portelli jerġa’ “jisallab bix-xogħol.”  

L-aħħar opportunità għal Freddie biex iġib kuntratt... iżda jitilfu wkoll 

Waqt li l-Black Train kienu l-Ingilterra, Freddie ħareġ bl-idea li jmorru jirrikordjaw xi kanzunetti Maltin ġo studjow professjonali. Hemm irrikordjaw kanzunetti li eventwalment saru popolarissimi mal-Maltin.  

Kien baqalhom 20 minuta ħin u biex ma jitlifx il-flus li ħallas Freddie qallhom biex jippruvaw kanzunetta li kien għadu kif jikteb. Id-diska bl-isem ta’ “There will be nobody” dwar l-aħħar tad-dinja. Filgħaxija kienu qed jisimgħuha u bdew jinnutaw xi ftit affarijiet li setgħu jiġu rranġati. Ftehmu li Freddie jerġa’ jmur fl-istudjow u jirranġa li hemm bżonn filwaqt li huma jmorru jduru fejn jixtiequ huma. 

Ġara li waqt li kien qed jirranġa d-diska, daħal wieħed u malli semagħha qal lil Freddie jmur miegħu Londra ħalli jagħtih kuntratt. Ferħan se jtir aċċetta mal-ewwel u qallu li se jmur għal sħabu u jiġu mal-ewwel. Ir-raġel pero’ ħatfu fil-kelma u qallu “inti waħdek jew xejn.” 

Freddie mal-ewwel beda’ jħossu ħażin imma s-sid tal-istudjow beda’ joffendih. Insista ma Freddie li ma jafx x’inhu jagħmel u minn hemm u minn hawn dawruh li filgħodu jmorru flimkien Londra. 

“Filgħodu għidt jien dawn se ngħidilhom li dan irid lili u lilhom ma jridhomx? Ksaħt. Ara kemm jien ala biebi imma ddejaqt. Kien baqgħalna l-flus allura għidtilhom tlaqna lura Malta!” 

The Black Train f’Malta baqgħu jiksbu suċċess wara ieħor b’kanzunetti bħal ‘Kulħadd jaf’ u ‘Wied ta’ dmugħ.’ Fl-1985 infirdu u għal 15-il sena Freddie ma riedx jaf aktar b’mużika. Jgħid mal-gazzetta ILLUM li bdiet togħġbu n-normalità u li jmur jiekol ma’ familtu għal kwiet mingħajr l-għajjat tan-nies li jagħrfuh barra. 

Il-kbir għadu ġej... Id-diski ta’ Freddie miġbura f’Musical 

Freddie Portelli, magħruf f’Malta bħala r-Re tar-Rock ġie kważi immortalizzat f’Musical li ttella’ qabel il-pandemija ġewwa l-MCC fil-Belt Valletta. Iżda l-produzzjoni li fl-2019 rat suċċess inkreddibli, se terġa’ tirritorna.  

Miktub mill-kittieb bravissimu Malcolm Galea u b’direzzjoni brillanti ta’ Sean Buhagiar u l-Maestro Dominic Galea, il-Musical jara l-ħajja ta’ Kredu, interpretat minn Kevin Borg u Mark Tonna. Ma’ Borg u Tonna jingħaqdu ħafna mill-kast oriġinali, b’xi żidiet ġodda wkoll inkluż Debbie Scerri u Julie Pomorski. Il-koreografija oriġinali hija ta’ Warren Bonello.  

30 kanzunetta ta’ Freddie se jindaqqu fosthom Viva Malta, Flimkien, Xewqat Sbieħ, Se Jkolli Nemmen, Għal Dejjem u Ħallini. Il-produtturi ħarġu wkoll remix ta’ Ħallini, ta’ DJ Micimago, li tinstab fuq Spotify flimkien mar-recording tal-artisti oriġinali tal-Musical. 

Il-produzzjoni se tittellgħa għaxar darbiet bejn it-30 ta’ Lulju u l-15 ta’ Awwissu. Għall-biljetti, żur www.showshappening.com. 

More in Socjali