'Ikun il-Mulej li jiddeċiedi... Jew inaqqas ix-xogħol jew nirtira' - Il-Papa Franġisku

Il-Papa Franġisku jgħid li lest li jirtira jekk saħtu tibqa' tiggrava u twaqqfu milli jkompli jmexxi l-Knisja Kattolika

Fi triqtu lura mill-Kanada, il-Papa Franġisku qal lill-ġurnalisti li kawża tal-età, qed isib diffikultà biex jimxi u minħabba f'hekk qed jikkunsidra li jnaqqas mix-xogħol jew inkella jirtira.

“Ma naħsibx li nista’ nkompli nagħmel vjaġġi bl-istess ritmu ta’ qabel,” qal il-Papa li issa għandu 85 sena. 

Huwa kien abbord l-ajruplan li kien qed jirritorna Ruma minn vjaġġ ta’ ġimgħa fil-Kanada. Il-Papa Franġisku għamel din iż-żjara speċifikament biex jiskuża ruħu għar-rwol tal-Knisja Kattolika fl-iskejjel fejn tfal indiġeni ġew abbużati żmien ilu.

Għal dawn l-aħħar xhur, huwa kien qed juża siġġu tar-roti, bastun jew walker minħabba uġigħ fl-irkoppa kkawżat minn ksur u ligament infjammat.

“Naħseb li fl-età tiegħi u b’din il-limitazzjoni rrid nippreserva xi ftit lili nnifsi biex inkun nista’ naqdi l-Knisja, jew niddeċiedi li nwarrab,” qal Franġisku.

Qal ukoll li jista’ jimxi fuq il-passi tal-Papa Benedittu, li fl-2013 sar l-ewwel Papa f’600 sena li rriżenja minn dan l-irwol.

Żied jgħid li dan il-vjaġġ kien kważi test biex jara jekk jistax jibqa' jagħmel dawn il-vjaġġi fil-kundizzjoni li qiegħed. Hu saħaq mal-ġurnalisti li l-għażla biex jirtira mhix waħda stramba anzi jekk qabel ma kienx jaħseb li se jasal f'dan il-punt issa qed jikkunsidraha bis-serjetà. "Imma jkun il-Mulej li jiddeċiedi, il-bieb miftuħ," temm jgħid Papa Franġisku.

“B’mistħija u bla ambigwità, b’umiltà nitlob maħfra għall-ħażen li għamlu tant Insara kontra l-popli indiġeni”

Matul il-vjaġġ tiegħu fil-Kanada, il-Papa libes kappell bir-rix indiġenu qabel kompla jgħid li l-assimilazzjoni sfurzata tal-popli indiġeni fis-soċjetà Kristjana qerdet il-kulturi tagħhom u ħarbtitilhom familthom.

Skuża ruħu għall-"mentalità kolonizzanti taż-żminijiet” u żied jgħid, “b’mistħija u bla ambigwità, b’umiltà nitlob maħfra għall-ħażen li għamlu tant Insara kontra l-popli indiġeni”.

Dan kollu seħħ bejn is-seklu 19 u s-snin 70, meta aktar minn 150,000 tifel u tifla indiġeni fil-Kanada kienu sfurzati jattendu skejjel Kristjani ffinanzjati mill-istat fi sforz biex jiżolawhom mill-influwenza ta’ djarhom u l-kulturi tagħhom.

More in Socjali