Jitnieda l-ktejjeb "Karolina, Ferdi u s-saħħar il-ħażin" li jqajjem kuxjeza dwar il-vjolenza domestika

L-għan tal-ktieb huwa li t-tfal li għaddejin minn problemi simili jirnexxielhom isibu l-kliem biex jitkellmu fuq is-sitwazzjoni tagħhom

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon nieda l-ktieb "Karolina, Ferdi u s-saħħar il-ħażin," li huwa immirat għal tfal ta' bejn it-8 u t-12-il sena. Bil-mod sempliċi u spjegat tiegħu, jgħin mhux biss lit-tfal li jkunu għaddejjin minn problemi simili, iżda anke lill-professjonisti biex jifhmu aħjar l-effetti devastanti li jġorru magħhom it-tfal tul ħajjithom. 

Falzon spjega li permezz ta' dan il-proġett il-passjoni, l-esperjenza u l-ispeċjalizzazzjoni tal-professjonisti edukattivi u dawk soċjali ngħaqdu flimkien. Huwa faħħar din l-inzjattiva li ttieħdet minn Trobbija Pożittiva, il-Kummissarju għat-Tfal u l-Kummissarju għall-Vjolenza Domestika. 

"Huwa importanti li ninżlu għal-livell tat-tfal u nifhmu l-esperjenzi tagħhom mill-qrib," qal il-Ministru Falzon. 

B'dan il-ktieb it-tfal, bl-għajnuna tal-ġenituri, l-għalliema u l-professjonisti, isibu l-kliem biex jitkellmu fuq suġġett delikat u diffiċli, b'mod li mhux tqil u li jista' jgħin lit-tfal jindunaw li ma humiex waħedhom f'dawn is-sitwazzjonijiet ibsin. 

Il-ktejjeb se jkun disponibbli fil-libreriji kolha ta' Malta u Għawdex. 

More in Socjali