'Is-sitwazzjoni qed thedded il-ħajja tal-mara'... Se jintbagħtu Spanja biex isir l-abort

L-Amerikana Andrea Prudente tinstab f'qagħda stabbli ġewwa Mater Dei iżda se tkun meħuda Spanja għada filgħodu

L-Amerikana Andrea Prudente li kienet maqbuda f'Mater Dei wara li ġiet miċhuda milli tittermina t-tqala tagħha, hekk kif qed tesperjenza korriment, se tkun qed tittieħed lejn Mallorca fi Spanja sabiex hemmhekk tagħmel il-proċedura li ilha titlob li ssirilha f'Malta, għal dawn l-aħħar jiem.

Il-ġurnal ta' Times of Malta ikkonferma mal-avukata Lara Dimitrijevic li l-kumpanija tal-assigurazzjoni tal-koppja aċċettat li tevakwa kemm lilha u anke s-sieħeb tagħha permezz ta' helicopter minħabba li s-sitwazzjoni ġiet meqjusa mill-kumpanija bħala "theddida fuq ħajjitha."

Il-koppja hi mistennija titlaq minn Malta għall-isptar Universitari Son Espases f'Mallorca għada filgħodu.

Andrea Prudente għadha f'qagħda stabbli ġewwa Mater Dei, iżda s-sieħeb tagħha qal mal-istess ġurnal li jħossu aħjar, issa li jaf li "sa fl-aħħar se jeħilsu minn din is-sitwazzjoni."

L-Amerikana Andrea Prudente, li kienet kważi erba' xhur tqila, kienet fuq btala mas-sieħeb tagħha Jay Weeldreyer meta esperjenzat dak li t-tobba ddeskrivew bħala "korriment." Għalkemm il-fetu għad għandu qalb tħabbat, it-tobba infurmaw lill-koppja li ma hemm l-ebda ċans li l-fetu jgħix.

Kien hawn fejn hi qalet illi xtaqet tittermina t-tqala, iżda minkejja l-għajnuna kollha li t-tobba u l-infermiera qed joffru, insistew mal-koppja li "sakemm l-omm ma twellidx b'mod naturali jew tieqaf qalbha, ma jistgħux jintervjenu."

More in Socjali