Kważi ħames rapporti ta' vjolenza domestika kuljum fl-ewwel tliet xhur tas-sena

L-inqas rati ta' rapporti ta' vjolenza domestika fl-2021 u fl-ewwel kwart tas-sena kienu f'Għawdex

Bejn Jannar ta' 2022 sal-aħħar ta' 30 ta' April Malta rat kważi ħames rapporti kuljum ta' vjolenza domestika u l-aktar rapporti li saru kienu f'San Pawl il-Baħar. Dan skont in-numri li ġew ippublikati fid-dawl ta' mistoqsija Parlamentari mill-Assistent Whip u Kelliema għall-Anzjanità Attiva tal-Partit Nazzjonalista, Paula Mifsud Bonnici, waqt is-sitt seduta Parlamentari tal-erbatax-il leġislatura. 

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri wieġeb li fl-ewwel tliet xhur tas-sena Malta rat total ta' 538 rapport lill-Pulizija fuq vjolenza domestika, madankollu ma kienx ikkjarifikat x'tip ta' vjolenza domestika ġiet irrapportata. L-aktar rapporti li saru madwar Malta, wara San Pawl il-baħar kienu fiż-Żejtun b'23 rapport, f'Bormla b'20 rapport u f'Ħal-Qormi b'19-il rapport. Minn naħa l-oħra l-inqas li ġew irrapportati kienu f'Ħad-Dingli, fl-Iklin, fl-Imqabba, fin-Nadur u fis-Sannat, Għawdex. 

Għawdex bl-inqas rapporti ta' vjolenza domestika 

Fl-2021 kien hemm total ta' 1741 rapporti ta' vjolenza domestika madwar Malta u Għawdex. L-inqas lokalitajiet li raw rapporti kienu fil-maġġoranza tagħhom f'Għawdex hekk kif f'San Lawrenz u s-Sannat kien hemm rapport wieħed biss rispettivament, l-Għarb kien hemm żewġ rapporti biss u l-Kerċem, il-Qala u Ħal-Lija kien hemm tliet rapporti rispettivament.

Wieħed irid iżomm f'moħħu wkoll li wħud mill-lokalitajiet, b'mod speċjali f'Għawdex, il-popolazzjoni hija ħafna iżgħar u għaldaqstant in-numru ta' rapporti jvarja kemmxejn. Fil-fatt, l-ogħla numru ta' rapporti fl-2021 kienu f'Ħaż-Żabbar b'83 rapport, Birkirkara b'77 rapport u Marsaskala b'total ta' 70 rapport. F'dawn il-lokalitajiet, kemm Ħaż-Żabbar u Marsaskala l-popolazzjoni hija aktar minn ta' 16,000 u Birkirkara għandu madwar 26,000 resident. 

More in Socjali