Żieda qawwija fil-bookings; L-Air Malta tistenna li ġġorr aktar minn 1.2 miljun klijent sal-aħħar tas-sena

Kelliem għall-Air Malta jisħaq li anke jekk id-domanda qed tiżdied, is-suq jibqa’ ddettat mill-prezz u jisħaq li Malta jeħtieġ tikkompeti ma’ destinazzjonijiet oħra bħalma huma l-Greċja, Spanja u l-Italja biex tassigura li t-turisti jagħżlu lilha... 

Hekk kif l-istaġun tal-btajjel issa jinsab wara l-bieb aktar u aktar issa li tnaqqsu drastikament ir-restrizzjonijiet marbuta mal-ivjaġġar, il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta, dwar l-andament tal-bookings. L-Air Malta fil-fatt qed tittama li wara xhur diffiċli, sal-aħħar tas-sena tkun irdoppjat in-numru ta’ passiġġieri li ġarret is-sena li għaddiet. 

Bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-ILLUM, kelliem għall-Air Malta saħaq kif Marzu tal-2022 reġa’ kien diffiċli ħafna hekk kif minħabba l-varjant Omicron, li ġab miegħu żieda drastika fil-każi, id-domanda għall-ivvjaġġar reġgħet tnaqqset b’mod sinifikanti. 

Madanakollu, kompla jisħaq il-kelliem, l-Air Malta rat żieda qawwija fil-bookings minn April li għadda.  

“Jekk it-tendenza attwali tkompli, il-linja tal-ajru se tirdoppja n-numru ta’ passiġġieri ttrasportati din is-sena fuq is-sena li għaddiet,” kompla jispjega.  

Fil-fatt, l-Air Malta qed tistma li se ġġorr aktar minn 1.2 miljun klijent sa tmiem din is-sena. Dan hekk kif ix-xhur ta’ Marzu, April u Mejju ta’ din is-sena raw il-linja tal-ajru żżid in-numru ta’ passiġġieri għal 333,000. Fl-istess xhur tas-sena li għaddiet, l-Air Malta ġarret biss 46,000 passiġġier. 

Domanda b’saħħitha fuq it-18-il destinazzjoni tal-Air Malta... 

Mistoqsi jekk hemmx destinazzjonijiet li qed ikunu aktar popolari mal-Maltin minn oħrajn, il-kelliem saħaq mal-ILLUM li d-domanda tidher li hija u se tkun b’saħħitha għat-tmintax-il belt li l-linja tal-ajru qiegħda u se tkun qed ittir lejhom matul dan is-sajf. 

Insista wkoll li qed isir użu massimu bil-flotta kollha tal-ajruplani f’termini ta’ sigħat massimi ta’ titjir matul il-jum u f’kull ġurnata tal-ġimgħa. 

Jidher li t-turist ma għadux jaħseb minn kmieni biex jivjaġġar. Fil-fatt, il-kelliem tal-Air Malta spjega kif il-pandemija wasslet għal bidliet fl-imġiba tal-klijenti u aktar ma jmur, aktar qed jinnutaw klijenti li jibbukkjaw eqreb lejn id-data tal-ivjaġġar tagħhom. Dan ifisser biss li jista’ jkun passiġġieri li għadhom qed jaħsbuha u għadhom ma bbukjawx il-vjaġġ tagħhom. 

L-istudenti tal-Ingliż ...  ritornaw għal-livelli ta’ qabel il-pandemija 

“Qed naraw żieda b’saħħitha fid-domanda mingħand l-industrija tal-ivjaġġar, kemm dawk ibbażati f’Malta kif ukoll dawk minn barra minn xtutna. Aktar aġenti issa lesti li jimpenjaw ruħhom għal perjodi ta’ bejgħ futuri,” kompla jispjega. 

Reġgħu qed jiżdiedu wkoll l-istudenti li jagħżlu Malta biex jistudjaw l-Ingliż, bil-kelliem jisħaq kif il-programm tal-iskejjel tal-lingwa qed juri sinjali inkoraġġanti ta’ ritorn għal-livelli ta’ qabel il-pandemija. 

Qal ukoll li reġa’ qed jiżdied l-interess fit-tours organizzati. 

“Il-bookings tas-sajf jidhru b'saħħithom ħafna, u l-Air Malta hija ottimista li se tesperjenza staġun tas-sajf ferm aħjar milli matul l-aħħar sentejn,” kompla jisħaq. 

Popolari anke r-rotta ġdida ta’ Madrid 

Tkellimna aktar fid-dettall dwar id-destinazzjonijiet li qed toffri l-Air Malta. Il-kelliem tenna li d-domanda hija b’saħħitha fin-netwerk kollu li qed toffri l-linja tal-ajru. 

Insista li r-rotot tradizzjonali jibqgħu popolari iżda jidher li hemm domanda b’saħħitha wkoll fuq ir-rotta l-ġdida ta’ Madrid, liema rotta tnediet riċentament. Spjega kif id-domanda qed tkun qawwija minn u lejn Malta. 

Is-suq iddettat mill-prezz ... Malta tikkompeti mal-Greċja, Spanja u l-Italja 

Imma lanqas ma hu kollox ward u żahar. Il-kelliem insista li anke jekk id-domanda qed tiżdied, is-suq għadu wieħed iddettat ħafna mill-prezz u saħaq li Malta trid tikkompeti ma’ destinazzjonijiet oħra tal-Mediterran, bħalma huma l-Greċja, Spanja u l-Italja u dan biex tħajjar aktar turisti jagħżlu lilha bħala d-detinazzjoni tagħhom. 

Intant, il-kelliem insista wkoll li l-Air Malta qed tilqa’ l-aħbar li l-ilbies tal-maskra mhux se jibqa’ neċessarju fuq titjiriet minn u lejn Malta min-nhar it-Tnejn 16 ta’ Mejju.  

Fi kliemu, dan se jkompli jsaħħaħ il-fiduċja fl-ivjaġġar fl-ajru u se jkun qed jgħin biex jiżdied in-numru ta’ turisti u vjaġġaturi Maltin fix-xhur li ġejjin.  

L-Air Malta temmet tisħaq li jibqa’ dejjem importanti li jkun hemm konsistenza fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea kemm fl-applikazzjoni tal-permessi tal-ivvjaġġar u anke fl-użu taċ-ċertifikati tat-tilqim biex l-ivjaġġar ikun faċli kemm jista’ jkun għall-klijenti. 

More in Socjali