Il-femiċidji f’Malta... żieda matul l-aħħar 10 snin imma l-2022 tista’ tkun is-sena li ndawwru l-folja

Jekk inti vittma ta’ kwalunkwe kriminalità u għandek bżonn l-għajnuna, anke biss forsi xi ħadd min jisimgħak, hawn hu fejn għandek tmur...

Il-bidu tas-sena ma kienx bħal ma ħsibna li se jkun. Minflok bqajna nħabbtu t-tazzi tax-xampanja u nifirħu lil xulxin is-sena t-tajba, spiċċajna nibku waħda minna. Bħal dik it-tfajla hemm ħafna oħrajn, irġiel u nisa, li għalkemm ma ħallewx din id-dinja ħabta u sabta, qegħdin nitilfuhom bil-mod il-mod kawza ta’ abbuż, saħħa mentali, u ħafna raġunijiet oħra. 

Għal Paulina Dembska issa wisq tard. Xogħolna issa hu li nagħmlu li nistgħu biex l-istorja ma terġax tirrepeti ruħha filwaqt li s-soċjetà ma taffaċjax femiċidju ieħor li skond studju lokali li seħħ minn Fem-United, qiegħed jiżdied.   

Femiċidju... il-qtil ta’ mara sempliċiment għax hi mara 

Fuq medda ta’ 10 snin, il-każijiet irrappurtati ta’ vjolenza domestika żdiedu fin-numru, minn 848 għal 1,645. Il-vjolenza domestika għadha waħda mill-iktar kaġuni ta’ femiċidji f’pajjiżna. Dan ġie indirizzat f’studju ta’ FEM-UNITED, fejn ġew studjati każi ta’ femiċidji f’Malta bl-għan li jtejbu r-reazzjonijiet għall-vjolenza domestika u b’hekk jitnaqqas il-femiċidju.  

Għaldaqstant, skont l-istess studju ż-żieda alarmanti fil-każijiet rappuratati ta’ vjolenza domestika hi kawża ta’ żewġ fatturi importanti, iż-żieda tal-popolazzjoni u ż-żieda ta’ għarfien fost il-popolazzjoni ġenerali, li jwassal għal aktar nies jirrappurtaw 

Żieda fir-rappurtar ikkontribwixxa għal bidla fil-mentalità tas-soċjetà u fuq livell nazzjonali l-vjolenza domestika saret meqjusa bħala kwistjoni aktar serja’. L-istudju pero’ jfakkar li fattur wieħed baqa’ ċar, l-maġġoranza tan-nisa intqatlu riżultat ta’ vjolenza domestika. L-istudju juri wkoll li fil-każ tal-femiċidji li seħħu f’Malta, in-nisa nqatlu l-aktar minn eks raġel jew eks sieħeb,  filwaqt li l-aggressur dejjem kien raġel. 

Minn sena għal sena l-każijiet jibqgħu jiżdiedu u jiggravaw 

Patologu ewlieni f’Malta ħareġ stqarrija lura fl-2015 li tgħid li f’dawk l-aħħar ħames snin 25% tal-vittmi kollha ta’ omiċidju kienu vittmi ta’ femiċidju minn sieħeb jew eks sieħeb. Studju li seħħ sena wara minn studenta tal-Baċellerat fil-Kriminoloġija ħares lejn fatturi ta’ riskju tal-femiċidju f’Malta. L-istudju sab li l-kontroll tal-imġieba, l-għira, il-firda, u t-tmiem ta’ relazzjoni huma l-aktar fatturi ta’ riskju komuni għall-femiċidju intima.  

Fl-2011, il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika kienet wettqet “Riċerka tan-Nazzjon dwar il-prevalenza tal-vjolenza domestika kontra n-nisa f’Malta u l-impatt tagħha fuq il-prospetti ta’ impjieg tagħhom.” Għalkemm mhux dwar il-femiċidju, dan huwa meqjus bħala l-uniku studju ta' prevalenza nazzjonali li qatt sar. F’dan l-istudju wieġbu 1,200 persuna u dawn kienu uhud mir-riżultati. 

6.5% minn 1,200 persuna wieġbu li kienu ġew imsawta sa mill-età ta’ 15-il sena. 20.5% indikaw li kien għarus wettaq din l-imġieba fiżikament abbużiva, u 9% wieġbu li kien barrani. 4% minn 1,200 wieġbu li ġew sfurzati jagħmlu s-sess jew jagħmlu att sesswali meta ma ridux, sa mill-età ta’ 15-il sena. L-għarus kien l-aktar persuna li kienet identifikata bħala l-agressur. 

Voluntiera tal-Victim Support Malta (VSM), li magħha tkellmet din il-gazzetta, ammetiet li għalkemm fl-aħħar xhur qed jiżdiedu telefonati mill-irġiel, il-maġġoranza tal-vittmi li jċemplu huma nisa. Spjegat li l-vittmi li jċemplu lil din l-għaqda non-governattiva m’humiex biss vittmi tal-vjolenza domestika. Fil-fatt żiedet tgħid li jċemplu wkoll vittmi ta’ serq, attakki sesswali, reati ta’ mibgħeda, cyber-bullying, fost l-oħrajn.  

B’dan f’moħħna, jekk inti għaddejja minn perjodi diffiċli kawża ta’ kwalunkwe kriminilita’, tiddejjaqx li ċċempel għal għajnuna. VSM huma biss fost ħafna li lesti li jisimgħu u jifhmu bla ebda preġudizzju filwaqt li jipprovdu għajnuna fejn hemm bżonn 

Tiddejaqx tirrapporta ... hawn min jisimgħak 

 

Il-grupp magħmul minn professjonisti (terapisti, legali, riċerka u oħrajn) lesti li jisimgħu u jgħinu jekk inti tħoss li għandek bżonn, imma x’inhu l-proċess? 

Hemm tlett modi kif wieħed jista’ jakkwista l-għajnuna mingħand VSM. Persuna tista’ sempliċiment iċċempel fuq 2122 8333, tista’ ukoll tidħol fuq il-websajt victimsupport.org.mt u tapplika permezz tal-formola li tinsab fir-riżorsi. L-aħħar mod biex takkwista l-għajnuna ta’ VSM huwa billi tgħid lil professjonista tiegħek (bħal social worker) biex tapplikalek hi. 

La darba tapplika, membru tal-VSM jagħtik telefonata sabiex isir jaf aħjar il-każ tiegħek. Hawn il-persuna li tkellem tiddentifika aħjar liema servizz hu l-iktar ideali għalik. VSM għandha erba’ programmi li huma CORE, CVSA, SPOT u SPICE. 

CORE 

CORE huwa programm li joffri appoġġ emozzjonali biex jgħin lill-vittmi jegħlbu t-trawma wara reat. Minn serq, frodi, cyber bullying għal qtil, VSM lesti jitkellmu mal-vitmi ta’ kriminalità kollha.  

Parti minn dan il-programm jinkludi ukoll appoġġ legali għall-proċeduri kriminali. Hawn fejn professjonisti li jaħdmu ma’ VSM jgħinu lil vittma taċċessa l-forom kollha mitluba inkluż ta’ protezzjoni u kumpens. F’dan il-programm joffru ukoll assistenza prattika bħal sempliċiment kollegament mal-pulizija. 

CVSA  

Victim Support Malta, b’kooperazzjoni mal-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali tipprovdi wkoll servizz ta’ Care for Victims of Sexual Assault (CVSA). Dan is-servizz jiġi provdut sabiex tappoġġja u tassisti vittmi ta’ attakk sesswali u stupru ta’ 16-il sena ‘l fuq. L-appoġġ jingħata permezz ta’ servizzi ta’ xogħol soċjali, servizzi psikoloġiċi, rappreżentanza legali jew konsultazzjoni u kollegament mal-isptar u l-pulizija. 

Dan is-servizz jiġi offrut 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa fuq bażi ta’ sejħa mill-Isptar Mater Dei. Vittmi ta’ attakk sesswali jistgħu jċemplu l-isptar fi kwalunkwe ħin sabiex ikollhom aċċess għas-servizzi fosthom intervent tal-pulizija jekk tixtieq tressaq akkużi. 

SPOT 

B’kooperazzjoni mal-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali tipprovdi wkoll Servizzi ta’ Prevenzjoni, Outreach u Terapewtiċi ta’ Suwiċidju (SPOT). Inizzjalment iffinanzjat mill-fondazzjoni Marigold.  

Dan is-servizz jipprovdi appoġġ emozzjonali b’xejn lill-persuni kollha ta’ 18-il sena+ fil-forma ta’ SLO (Suicide Liaison Officer), Psikoterapija, Counselling, Terapija tal-Familja, Evalwazzjoni Psikjatrika, fost oħrajn. 

SPICE 

L-aħħar servizz hu dak ta’ SPICE. Dan is-servizz iseħħ bl-għan għall-impatt pożittiv fuq is-servizz tal-komunità u l-ambjent. Permezz ta’ SPICE, il-VSM jwettqu numru ta’ proġetti u joffru servizzi oħra biex intejbu l-komunità. Dan kollu sabiex jinħolqu servizzi li huma meħtieġa mill-komunità, jisaħħaħ l-għarfien filwaqt li tonqos l-istigma għas-saħħa mentali.  

More in Socjali