‘Jafu biss bl-aħbar il-ħażina, mbeżża’ għal dak li ġej għalihom imma li ġew għandi diġà sinjal li qed jagħmlu kuraġġ’

Nitħadtu ma’ Sue Caruana fuq l-għażliet tiegħek fejn tidħol id-dehra issa li bdejt il-kimoterapija jew jekk int mfejqa mil-mastektomija

Fl-aħħar żewġ Ħdud il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ żewġ membri tal-organizzazzjoni Europa Donna Malta , mal-President Gertrude Abela u mal-Viċi President Rowena Enriquez. Dawn in-nisa huma prova ċara li persuna marida bil-kanċer mhux sempliċiment persuna oħra b’sieqa fil-ħofra. Anzi kienu simbolu ta’ kuraġġ li bi kliem sinċier u karrattru vibranti offrew tama lill-qarrejja tagħna, kemm għall-pazjenti u anke għall-familji tagħhom.  

Intant il-gazzetta tifhem li l-kanċer iħalli effetti sekondarji oħra ‘l bogħod minn dawk mediċi. Bħal ma ġie diskuss fl-intervisti ta’ qabel, il-kanċer iħalli teba’ fuq moħħna li taffetwa l-mod ta’ kif inħarsu lejna nfusna u anke fil-każ tal-mara, kif tħares lejn il-feminilità tagħha. 

Kien għalekk li din il-ġimgħa il-gazzetta iltaqgħet ma’ Sue Caruana u fl-aħħar artiklu għax-xahar ta’ Pink October se niddiskutu l-għażliet li għandha persuna, mara jew anke raġel, sabiex tgħin id-dehra tagħha wara l-kimoterapija u wara l-mastektomija. 

‘Ikunu fi stadju li mhux biss iħossuhom ħażin iżda jibdew jidhru li qed iħossuhom ħażin’ 

Sue Caruana għandha negozju lokali tal-isbuħija. Permezz ta’ dan in-negozju, Caruana tiltaqa’ ma’ żewġ jew tlett pazjenti tal-kanċer fil-ġimgħa. Ġeneralment hi tiltaqa’ magħhom ġimgħa qabel ma jibdew it-trattament b’mod speċjali l-kimoterapija u hemm jiġu diskussi is-servizzi li jixtiequ jagħmlu. Normalment ikunu fl-istadju fejn diġà jkunu jafu li se jitilfu xagħrhom u miegħu anke s-suf tal-għajnejn.  

Malli jibdew il-kimoterapija, Caruana tispjega kif huma mhux biss jibdew iħossuhom ħażin iżda jibdew jidhru li qed iħossuhom ħażin. Hawnhekk fejn tipprova tibda tgħinhom iħossuhom aħjar imqar jekk bis-suf tal-għajnejn biss. Fil-każ ta’ din il-proċedura l-effett fuq il-kunfidenza tagħhom ma jkunx immedjat. 

‘Din mhux piena tal-mewt anzi ċans għalik biex tibda ħajtek mill-ġdid’ 

Irrakkontant kif f’dan il-punt ma tantx ikun hemm xi differenza fl-emozzjonijiet tal-klijenti tagħha qabel u wara l-proċedura tas-suf tal-għajnejn għax ġeneralment ikunu għadhom fil-bidu tal-vjaġġ. 

“Niltaqa’ magħhom fl-aktar punt baxx tagħhom. Fl-aktar mument vulnerabbli tagħhom. Ikunu għadhom se jibdew il-kimoterapija, jafu biss bl-aħbar il-ħażina imma mbeżża’ għal dak li ġej għalihom.” 

Il-gazzetta ILLUM staqsiet kif taħseb li jħossuhom pazjenti tal-kanċer meta jmorru għandha, fil-pront hi wieġbet li l-fatt li marru għandha diġà jfisser li qed jagħmlu kuraġġ. Hi stess għaddejja minn kundizzjoni bl-isem ta’ Alpecia u minħabba din il-kundizzjoni Caruana wkoll waqalha xagħrha kollu nkluż is-suf tal-għajnejn. Minħabba f’hekk hi temmen li l-klijenti tagħha jirrelataw aktar magħha.  

Minbarra hekk bħal kwalunkwe klijent ieħor, pazjenti tal-kanċer f’dak il-mument jistgħu jiftħu qalbhom. F’dak il-mument hi tħoss li l-pazjenti jieħdu nifs għax mhux jaraw persuna li se titħassarhom iżda qed jitkellmu ma’ persuna li se tifhem mingħajr ma tiġġudika waqt li tqawwilhom qalbhom għal battalja li qed tistennihom, bħal ma’ Ġeneral jipprepara lis-suldati tiegħu qabel il-gwerra. Dejjem bil-mentalità li mhux sejrin għal qatla iżda għal ġlieda għal bidu ta’ ħajja ġdida. 

‘Dawn huma pazjenti li diġà fiequ imma għandhom bżonn biss fejqan estetiku’ 

Kif semmejna qabel, Sue Caruana tiltaqa’ wkoll ma’ pazjenti wara li jlestu t-trattamenti kollha. F’dan il-punt, dawk li kienu pazjenti tal-kanċer issa jkunu tilfu sidirhom u ġew għandha sabiex jagħmlu rikostruzzjoni tan-nippla. 

Sue Caruana spjegat lill-gazzetta li din l-proċedura hi forma ta’ tattoo li klijenti tagħha jagħmlu “biex iħossuhom normali.” Hawn fejn tara bidla drastika fl-emozzjoni tal-klijenti tagħha, anke b’mod immedjat wara l-proċedura. ‘Dawn huma pazjenti li diġà fiequ, għandhom bżonn biss fejqan estetiku,’ qalet Caruana. 

Hemm żewġ proċeduri differenti. L-ewwel proċedura iseħħ minħabba li l-operazzjoni tkun ikkawżat marki fit-tessut areolari u għalhekk Caruana tirranġa kemm il-marki tal-feriti u anke il-forma. Il-proċedura l-oħra hija meta minħabba mastektomija l-klijenta titlef in-nippla kollha u hemm fejn Caruana toħloq kollox mill-ġdid. 

Fil-każ tal-proċeduri kollha li tagħmel fuq pazjenti tal-kanċer kemm tas-suf tal-għajnejn u anke proċeduri fuq in-nippla, Sue Caruana tagħmilhom mingħajr ħlas għal idejha iżda għall-prezz tal-labra biss. 

More in Socjali